Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0216

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/2007 tat- 28 ta' Frar 2007 li jagħti bidu għal investigazzjoni li għandha x'taqsam ma' l-elużjoni ta' miżuri ta' l- antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1629/2004 dwar importazzjonijiet ta' ċerti sistemi ta' elettrodu tal-grafita li joriġinaw mill-Indja minn importazzjonijiet ta' ċerta grafita artifiċjali li toriġina mill-Indja u li tagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni

ĠU L 62, 1.3.2007, pp. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 56M, 29.2.2008, pp. 112–114 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/10/2007; Imħassar b' 32007R1229

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/216/oj

29.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

112


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 216/2007

tat-28 ta' Frar 2007

li jagħti bidu għal investigazzjoni li għandha x'taqsam ma' l-elużjoni ta' miżuri ta' l-antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1629/2004 dwar importazzjonijiet ta' ċerti sistemi ta' elettrodu tal-grafita li joriġinaw mill-Indja minn importazzjonijiet ta' ċerta grafita artifiċjali li toriġina mill-Indja u li tagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b' mod partikolari l-Artikoli 13(3), 14(3) u 14(5) tiegħu,

Billi:

A.   IT-TALBA

(1)

Il-Kummissjoni rċeviet talba skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku sabiex tinvestiga l-elużjoni possibbli tal-miżuri ta' l-antidumping imposti fuq importazzjnijiet ta' ċerti sistemi ta' elettrodu tal-grafita li joriġinaw fl-Indja.

(2)

It-talba tressqet fil-15 ta' Jannar 2007 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karbonju u l-Grafita (AEKG) f'isem il-produtturi tal-Komunità ta' ċerti sistemi ta' l-elettrodu tal-grafita.

B.   IL-PRODOTTI

(3)

Il-prodott ikkonċernat mill-elużjoni possibbli huwa elettrodi tal-grafita tat-tip użat għall-ifran elettriċi, b'densità apparenti ta' 1,65 g/cm3 jew aktar u b'reżistenza elettrika ta' 6,0 μΩ.m jew anqas, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 8545 11 00 (kodiċi Taric 8545 11 00 10) u protuberanzi użati għal dawn l-elettrodi, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 8545 90 90 (kodiċi Taric 8545 90 90 10) kemm jekk importati flimkien kif ukoll separatament, li joriġinaw fl-Indja (’il-prodott ikkonċernat’). Dawn il-kodiċi qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

(4)

Il-prodott li qed jiġi investigat huwa vireg ta' grafita artifiċjali b'dijametru ta' 75 mm jew aktar li joriġinaw fl-Indja (’il-prodott li qed jiġi investigat’), normalment iddikjarati taħt il-kodiċi NM ex 3801 10 00 (kodiċi TARIC 3801 10 00 10). Din il-kodiċi qed tingħata biss għall-informazzjoni. Il-prodott li qed jiġi investigat huwa prodott intermedjarju fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat, u diġà jinkorpora l-karatteristiċi bażiċi ta' dan il-prodott ta' l-aħħar.

C.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa u li possibilment qegħdin jiġu elużi huma l-miżuri ta' l-antidumping imposti bir-Regoament tal-Kunsill (KE) Nru 1629/2004 (2)

D.   Il-BAŻI

(6)

It-talba fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri ta' l-antidumping fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat qegħdin jiġu elużi permezz ta' importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat.

(7)

L-evidenza ppreżentata hija kif ġejja:

i)

It-talba turi li seħħet bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li jinvolvi esportazzjonijiet mill-Indja lejn il-Kommunità wara l-impożizzjoni ta' miżuri ta' l-antidumping fuq il-prodott ikkonċernat, u li m'hemmx kawża jew ġustifikazzjoni xierqa bizzejjed barra l-impożizzjoni tad-dazju għal din il-bidla.

ii)

Din il-bidla fix-xejra kummerċjali tidher li toriġina minn operat sempliċi ta' konverżjoni mwettaq fil-Komunità li bih importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat jiġu kkonvertiti għall-prodott ikkonċernat.

iii)

Aktar minn hekk, it-talba għandha biżżejjed evidenza prima facie li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qed jonqos f’termini ta’ kwantità. Volumi sinifikanti ta' importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat jidhru li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

iv)

Finalment, it-talba fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-prezzijiet tal-prodott li qed jiġi investigat wara l-konverżjoni huma l-oġġett ta' dumping fir-rigward tal-valur normali preċedentement stabbilit għall-prodott ikkonċernat..

v)

Jekk il-prassi ta' elużjoni li hija koperta bl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr konverżjoni sempliċi, tiġi identifikata fl-andament ta' l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista' tkopri din il-prassi wkoll.

E.   IL-PROĊEDURA

(8)

Fid-dawl ta’ dan imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni skond l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat soġġetta għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(a)   Il-Kwestjonarji

(9)

Sabiex tikseb it-tagħrif li hija tqis bħala meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tibgħat kwestjonarju lill-esportaturi/produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta' esportaturi/produtturi fl-Indja, lill-importaturi u lill-assoċjazzjonijiet ta' importaturi fil-Komunità li kkooperaw fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri attwali u lill-awtoritajiet ta' l-Indja. It-tagħrif, kif xieraq, jista' jintalab ukoll mill-industrija Komunitarja.

(10)

Fi kwalunkwe każ, il-partijiet kollha interessati għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux iktar tard mil-limitu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament sabiex isir magħruf jekk humiex elenkati fit-talba, u, jekk meħtieġ, titlob kwestjonarju fil-limitu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, fid-dawl li l-limitu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.

(11)

L-awtoritajiet ta' l-Indja għandhom jiġu nnotifikati dwar il-bidu ta' l-investigazzjoni u għandhom jingħataw kopja tat-talba.

(b)   Il-ġbir tat-tagħrif u ż-żamma tas-seduti

(12)

Il-partijiet interessati kollha huma permezz ta' dan imsemmi hawnhekk mistiedna biex jgħarrfu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u biex jipprovdu evidenza ta' sostenn. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' partjiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru li jeżistu raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu.

(c)   L-eżenzjoni ta' l-importazzjonijiet mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri

(13)

Skond l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat jistgħu jkunu eżentati mir-reġistrazzjoni jew il-miżuri jekk importazzjoni bħal din ma tikkostitwixxix elużjoni.

(14)

Minħabba li l-allegata elużjoni ssir ġewwa l-Komunità, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skond l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lil importaturi tal-prodott li qed jiġi investigat li jistgħu juru li huma mhumiex relatati mal-produtturi soġġetti għall-miżuri. Produtturi li jixtiequ jiksbu eżenżjoni għandhom iressqu talba b'sostenn xieraq ta' evidenza fil-limitu ta' żmien indikat fl-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament.

F.   IR-REĠISTRAZZJONI

(15)

Skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġu investigati għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f'sejbiet li kien hemm elużjoni, dazji ta' l-antidumping ta' ammont xieraq jistgħu jiġu intaxxati b’mod retroattiv mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet mill-Indja.

G.   IL-LIMITI TA' ŻMIEN

(16)

Fl-interess ta' amministrazzjoni sana, għandhom jiġu stabbiliti limiti ta' żmien li fihom:

il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw lilhom infushom mal-Kummissjoni, iressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jressqu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha titqies matul l-investigazzjoni,

l-importaturi fil-Komunità jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta’ l-importazzjoni jew mill-miżuri,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(17)

Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependu fuq il-parti billi din tippreżenta lilha nnifisha fi ħdan il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

H.   IN-NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI

(18)

F’każijiet fejn parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti ta’ żmien, jew b’mod sinifikanti tfixkel l-investigazzjoni, is-sejbiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

(19)

Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif għandu jitwarrab u jista' jsir użu mill-fatti disponibbli. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u r-riżultati huma għalhekk ibbażati fuq fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Permezz ta' dan qed jingħata bidu għal investigazzjoni skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, sabiex jiġi stabbilit jekk l-importazzjonijiet lejn il-Komunità ta' vireg ta' grafita artifiċjali b'dijametru ta' 75mm jew aktar li joriġinaw fl-Indja, li normalment jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 3801 10 00 (TARIC 3801 10 00 10), humiex qegħdin jeludu l-miżuri imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1629/2004.

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali huma permezz ta' dan imsemmi hawnhekk idderiġuti, skond l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, li jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fil-Komunità identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

Ir-reġistrazzjoni tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament, tista' tidderieġi lill-awtoritajiet Doganali biex itemmu r-reġistrazzjoni fil-każi ta' importazzjonijiet fil-Komunità li kienu importati minn importaturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni, u li jkunu nstabu li ma kinux qegħdin jeludu l-miżuri ta' l-antidumping.

Artikolu 3

1.   Il-kwestjonarji għandhom ikunu mitluba mill-Kummissjoni fi żmien 15–il jum mill-publikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   Il-partijiet interessati, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom iridu jitqiesu matul l-investigazzjoni, iridu jagħmlu lilhom infushom magħrufa billi jagħmlu kuntatt mal-Kummisjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-kitba u jippreżentaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull tagħrif ieħor fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, għajr jekk speċifikat mod ieħor.

3.   Importaturi li jitolbu eżenzjoni ta' l-importazzjonijiet mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri għandhom iressqu talba b'sostenn xieraq ta' evidenza fl-istess limitu ta' żmien ta' 40 jum.

4.   Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll għal seduta quddiem il-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 40 jum.

5.   Kwalunkwe tagħrif marbut mal-kwistjoni, kwalunkwe talba għal seduta jew għal kwestjonarju kif ukoll kwalunkwe talba għall-eżenzjoni minn importazzjonijiet jew reġistrazzjoni jew miżuri trid issir bil-miktub (mhux f’format elettroniku, sakemm mhux speċifikat mod ieħor) u trid tindika l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u l-fax tal-parti interessata. Il-preżentazzjonijiet bil-miktub kollha, inkluż it-tagħrif mitlub bħala rekwiżit f'dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali se jiġu mmarkati bħala ‘Limitat’ (3) u, konformi ma' l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, se jkunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li se tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-Indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għal-Kummerċ

Id-Direttorat H

Uffiċċju: J-79 5/16

1049 Brussell Il-Belġju

Fax (32-2) 295 65 05

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 28 ta' Frar 2007.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005, (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)   ĠU L 295, 18.9.2004, p. 10.

(3)  Dan ifisser illi d-dokument huwa għall-użu intern biss. Huwa mħares b'konformità ma' l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Dan huwa dokument kunfidenzjali skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping).


Top