Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0751

    2007/751/KE: Decizjoni tal-Kunsill tat- 8 ta’ Novembru 2007 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Konvenzjoni, imfassla abbażi ta’ l-Artikolu K.3(2)(ċ) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea

    ĠU L 304, 22.11.2007, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/751/oj

    22.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 304/34


    DECIZJONI TAL-KUNSILL

    tat-8 ta’ Novembru 2007

    dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Konvenzjoni, imfassla abbażi ta’ l-Artikolu K.3(2)(ċ) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea

    (2007/751/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2005,

    Wara li kkunsidra l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2005 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Att ta’ l-Adeżjoni”) u partikolarment l-Artikolu 3(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni, imfassla abbażi ta’ l-Artikolu K.3(2)(ċ) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (2) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali”) ġiet iffirmata fis-26 ta’ Mejju 1997 u daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Settembru 2005.

    (2)

    Wara l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea, L-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja ddepożitaw l-istrumenti tagħhom dwar l-adeżjoni fil-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali.

    (3)

    L-Artikolu 3 (3) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni jipprovdi li l-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jaċċedu għall-konvenzjonijiet u l-protokolli konklużi mill-Istati Membri, elenkati fl-Anness I ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni, li jiġbor, inter alia, il-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fir-rigward tal-Bulgarija u tar-Rumanija fid-data determinata mill-Kunsill.

    (4)

    Konformement ma’ l-Artikolu 3(4) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni, il-Kunsill għandu jagħmel l-aġġustamenti kollha meħtieġa, minħabba l-adeżjoni, f’dawk il-konvenzjonijiet u protokolli,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali għandha tidħol fis-seħħ għall-Bulgarija u r-Rumanija fl-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar minn wara d-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    It-test tal-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali, imfassal fil-lingwa Bulgara u fil-lingwa Rumena (3), għandu jkun awtentiku taħt l-istess kondizzjonijiet bħat-testi l-oħra tal-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Novembru 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. PEREIRA


    (1)  Opinjoni ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU C 195, 25.6.1997, p. 2.

    (3)  Il-verżjoni Bulgara u Rumena tal-Konvenzjoni għandhom ikunu ppubblikati fl-edizzjoni speċjali tal-ĠU f’data aktard tard.


    Top