EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0488

2007/488/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Lulju 2007 li tagħti eżenzjonijiet lill-Italja skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE għat-trasport tal-ħnieżer għat-tbiċċir fuq it-toroq privati u pubbliċi lejn il-biċċeriji ġewwa żoni ta’ protezzjoni fi Cremona (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3314)

ĠU L 182, 12.7.2007, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/488/oj

12.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 182/34


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Lulju 2007

li tagħti eżenzjonijiet lill-Italja skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE għat-trasport tal-ħnieżer għat-tbiċċir fuq it-toroq privati u pubbliċi lejn il-biċċeriji ġewwa żoni ta’ protezzjoni fi Cremona

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3314)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(2007/488/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1992 li introduċiet miżuri Komunitarji ġenerali għall-kontroll ta’ ċertu mard ta’ l-annimali u miżuri speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-mard vexxikolari tal-ħnieżer (1), u b’mod partikolari l-punt 7(2)(d) ta’ l-Anness II tagħha,

Billi:

(1)

Fis-7 u l-15 ta’ Mejju 2007 ġew stabbiliti żoni ta’ protezzjoni mill-awtorità kompetenti fl-Italja madwar it-tifqigħat tal-marda vexxikolari tal-ħnieżer fil-muniċipalitajiet ta’ Salvirola u Fiesco, fil-Provinċja ta’ Cremona, fi qbil ma’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/119/KEE. Fl-14 ta’ Ġunju 2007 ġiet stabbilita żona ta’ protezzjoni madwar tifqigħa fil-muniċipaliċità ta’ Offanengo, fil-Provinċja ta’ Cremona. Iż-żoni ta’ protezzjoni huma parzjalment imrikkba fuq xulxin.

(2)

Skond dan, l-ispustament u t-trasport tal-ħnieżer fuq toroq pubbliċi u privati ġewwa dawn iż-żoni ta’ protezzjoni ġew ipprojbiti.

(3)

Madankollu, l-Italja ressqet żewġ talbiet ta’ eżenzjoni minn din il-projbizzjoni għat-trasport ta’ ħnieżer għat-tbiċċir li joriġinaw minn barra dawn iż-żoni ta’ protezzjoni, fuq it-toroq pubbliċi u privati li jinsabu ġewwa ż-żoni ta’ protezzjoni, sabiex isir it-trasport tagħhom lejn biċċeriji li jinsabu fiż-żoni ta’ protezzjoni.

(4)

Jixraq li ssir proviżjoni għal dawn iż-żewġ eżenzjonijiet, soġġetta għall-kondizzjoni li l-Italja twettaq miżuri stretti ta’ kontroll u ta’ prekawzjoni li jiggarantixxu li ma hemm ebda riskju għat-tixrid tal-marda.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/123/KE ta’ l-20 ta’ Frar 2007 ġiet adottata biex tingħata eżenzjoni bħal din lil biċċerija fiż-żona ta’ protezzjoni madwar tifqigħa tal-marda vexxikolari tal-ħnieżer fil-muniċipalità ta’ Romano di Lombardia, fil-Provinċja ta’ Bergamo, l-Italja. Il-miżuri stipulati għal din iż-żona ta’ protezzjoni m’għadhomx applikati. Skond dan, id-Deċiżjoni 2007/123/KE għandha tiġi rrevokata.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Italja tista’ tawtorizza t-trasport tal-ħnieżer għat-tbiċċir li joriġinaw minn barra ż-żoni ta’ protezzjoni stabbiliti fis-7 u l-15 ta’ Mejju 2007 madwar it-tifqigħat tal-marda vexxikolari tal-ħnieżer li tfaċċaw fil-muniċipalitajiet ta’ Salvirola u Fiesco u ż-żona ta’ protezzjoni stabbilita fl-14 ta’ Ġunju 2007 madwar it-tifqigħa li seħħet fil-muniċipalità ta’ Offanengo, (“il-ħnieżer”), fuq it-toroq pubbliċi u privati ġewwa dawn iż-żoni ta’ protezzjoni, lejn il-biċċeriji “2037 M/S” u “523M” (“il-biċċeriji”), soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Il-kondizzjonijiet li japplikaw għall-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1 huma kif ġej:

(a)

id-dispaċċ tal-ħnieżer għandu jiġi nnotifikat mill-inqas 24 siegħa bil-quddiem mill-veterinarju uffiċjali ta’ l-impriża ta’ l-oriġini lill-veterinarju uffiċjali tal-biċċerija;

(b)

it-trasport tal-ħnieżer lejn il-biċċeriji għandu jsir permezz ta’ kuritur; id-dettalji ta’ dan il-kuritur għandhom jiġu stipulati minn qabel mill-Italja;

(ċ)

il-vetturi li jittrasportaw il-ħnieżer għandhom ikunu ssiġillati mill-awtorità kompetenti minn qabel jew mad-dħul fil-kuritur; fil-ħin ta’ l-issiġillar, l-awtorità kompetenti għandha tieħu nota tan-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura u l-għadd ta’ ħnieżer ittrasportati fiha;

(d)

mal-wasla tagħhom fil-biċċerija, l-awtorità kompetenti għandha:

(i)

tispezzjona u tneħħi s-siġill ta’ fuq il-vettura;

(ii)

tkun preżenti fil-ħin meta jkunu qegħdin iħottu l-annimali;

(iii)

tieħu nota tan-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura u l-għadd ta’ ħnieżer fuqha.

(e)

kull vettura li tittrasporta l-ħnieżer lejn il-biċċerija għandha, minnufiħ wara l-ħatt, titnaddaf u tiġi diżinfettata taħt kontroll uffiċjali u skond l-istruzzjonijiet ta’ l-awtorità kompetenti, qabel mal-vettura titlaq mill-biċċerija.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni 2007/123/KE hija revokata.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ l-Italja.

Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/10/KE (ĠU L 63, 1.3.2007, p. 24).


Top