Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0182

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta' Marzu 2007 dwar stħarriġ għall-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev (notifikat bid-dokument numru C(2007) 860) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 84, 24.3.2007, p. 37–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 373–379 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/11/2017; Imħassar b' 32017R1972

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/182/oj

    24.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    373


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-19 ta' Marzu 2007

    dwar stħarriġ għall-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev

    (notifikat bid-dokument numru C(2007) 860)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2007/182/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi kontaġġjużi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-marda ta' tnewwin kroniku hija enċefalopatija sponġiformi kontaġġjuża (transmissible spongiform encephalopathy TSE) u li taffettwa ċ-ċriev u li hi mifruxa ma' l-Amerika ta' Fuq iżda li s'issa ma ġiet irrappurtata qatt fil-Komunità.

    (2)

    Fit-3 ta' Ġunju 2004, l-Awtorità Ewropea għas-Siġurtà ta' l-Ikel (European Food Safety Authority EFSA) ippubblikat opinjoni li rrakkomandat li għandha sseħħ sorveljanza mmirata taċ-ċriev fil-Komunità. L-għan ta' din is-sorveljanza jkun li tinstab il-preżenza possibbli tat-TSEs fiċ-ċriev. Skond dan, għandu jiġi pprovdut sabiex l-Istati Membri jwettqu stħarriġ bi qbil ma' din l-opinjoni.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tat-TSEs fl-annimali. Dan ir-Regolament, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1923/2006 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-programmi ta' monitoraġġ għat-TSEs fiċ-ċriev. Skond dan, issa huwa possibbli li jsiru dispożizzjonijiet għal stħarriġ għat-TSEs fiċ-ċriev li jrid jitwettaq mill-Istati Membri f'din id-Deċiżjoni.

    (4)

    Dan l-istħarriġ għandu jinkludi l-ispeċijiet ta' ċriev slavaġ u dawk tat-trobbija. Peress li ċ-ċerv salvaġġ għandu jintgħażel f'kampjuni l-aktar matul l-istaġun tal-kaċċa li għandu skadenza limitata, sabiex l-Istati Membri jkollhom biżżejjed ħin jiksbu l-għadd immirat ta' kampjuni, din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tapplika wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1923/2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001.

    (5)

    L-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport annwali dwar ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ fiċ-ċriev. Is-sejba pożittiva tat-TSE fiċ-ċriev għandha tkun irrappurtata minnufih lill-Kummissjoni.

    (6)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċriev ittestjati għat-TSEs ma jidħlux fil-katina kummerċjali ta' l-ikel sakemm jinkiseb riżultat negattiv.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ambitu

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli għal stħarriġ biex tinstab il-preżenza tal-marda ta' tnewwin kroniku (CWD) f'annimali tal-familja taċ-ċriev, jiġifieri ċ-ċriev (“l-isħarriġ”).

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni d-definizzjonijiet li hemm imniżżla fl-Anness I għandhom japplikaw.

    Artikolu 3

    L-ambitu tar-rapport

    1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ biex tinstab il-preżenza tas-CWD fiċ-ċriev skond ir-rekwiżiti minimi fl-Anness II.

    2.   L-Istati Membri għandhom itemmu l-istħarriġ tagħhom sa mhux aktar tard minn tmiem l-istaġun tal-kaċċa ta' l-2007.

    Artikolu 4

    Il-miżuri li jridu jittieħdu mill-Istati Membri wara l-ittestjar għas-CWD

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri stabbiliti fl-Anness III wara l-ittestjar għas-CWD.

    Artikolu 5

    Rapporti li għandhom ikunu pprovduti lill-Kummissjoni mill-Istati Membri

    L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni r-rapporti li ġejjin:

    (a)

    rapport minnufih wara s-sejba pożittiva jew mhux konklużiva ta' enċefalopatija sponġiformi kontaġġjuża f'xi ċerv;

    (b)

    rapport annwali tar-riżultati ta' l-istħarriġiet kif stabbilit fl-Anness IV.

    Artikolu 6

    Sommarju tar-rapporti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri

    Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Istati Membri sommarju tar-rapporti kif stabbilit fl-Artikolu 5.

    Artikolu 7

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 19 ta' Marzu 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1923/2006 (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 1).


    ANNESS I

    Definizzjonijiet

    Għar-raġunijiet ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    (a)

    “l-ispeċi mmirati” tfisser iċ-ċerv aħmar salvaġġ u tat-trobbija (Cervus elaphus) u/jew iċ-ċerv b'denbu abjad salvaġġ (Odocoileus virginianus);

    (b)

    “l-Istati Membri mmirati” tfisser dawk l-Istati Membri li għandhom biżżejjed popolazzjonijiet ta' speċi immirati li jippermettu li jinkisbu daqsijiet ta' kampjuni meħtieġa għall-istatistika; huma differenti minn xulxin skond l-ispeċi immirati u skond jekk humiex speċi immirati slavaġ jew tat-trobbija u hemm lista tagħhom fit-tabelli 1 u 2 fl-Anness II;

    (ċ)

    “ċriev kliniċi/morda” tfisser ċriev li juru sinjali ta' mġiba anormali u/jew disturb fil-moviment u/jew b'mod ġenerali f'kundizzjoni ħażina;

    (d)

    “ċriev korruti jew maqtula bit-traffiku” tfisser ċriev milquta minn vetturi fuq it-triq li għalihom il-kondizzjoni ante-mortem ma tistax tiġi aċċertata;

    (e)

    “ċriev mejtin/maqtula” tfisser ċriev misjuba mejta fir-razzett jew fil-beraħ u ċriev tat-trobbija maqtula għal raġunijiet ta' saħħa/età;

    (f)

    “ċriev imbiċċra f'saħħithom” tfisser ċriev f'saħħithom tat-trobbija maqtula fil-biċċerija jew fir-razzett;

    (g)

    “ċriev f'saħħithom maqtula b'tir” tfisser ċriev slavaġ u f'saħħithom maqtula b'tir matul l-istaġun tal-kaċċa.

    (h)

    “gruppi mmirati” tfisser iċ-ċriev iddefiniti fil-punti (c) sa (g).


    ANNESS II

    Rekwiżiti minimi għal stħarriġ biex tinstab il-preżenza tal-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev

    1.   Teħid ta' kampjuni mill-Istati Membri mmirati ta' l-ispeċi mmirati.

    (a)

    L-Istati Membri mmirati għandhom jieħdu kampjuni għall-ittestjar tal-marda ta' tnewwin kroniku (CWD) skond it-tabella 1 għall-popolazzjoni tagħhom ta' ċriev slavaġ ħomor u ċriev ta' denbhom abjad u t-tabella 2 għall-popolazzjoni tagħhom ta' ċriev ħomor tat-trobbija.

    Dawn il-kampjuni jistgħu jittieħdu mill-gruppi kollha mmirati fl-Istati Membri mmirati.

    (b)

    L-awtorità kompetenti ta' l-Istati Membri mmirati għandhom jikkunsidraw il-kriterji li ġejjin huma u jiddeċiedu dwar it-teħid ta' kampjuni tal-kampjuni magħżula għall-ispeċijiet immirati:

    (i)

    Iċ-ċriev kollha għandhom ikunu 'l fuq minn 18-il xahar; l-età ta' l-annimal għandha tkun stmata ibbażata fuq id-dentatura, sinjali ovvji ta' maturità jew kull tagħrif ieħor affidabbli;

    (ii)

    fil-każ taċ-ċriev f'saħħithom maqtula b'tir, għandhom jittieħdu l-kampjuni b'mod partikolari minn ċriev irġiel;

    (iii)

    fil-każ taċ-ċriev f'saħħithom imbiċċra, għandhom jittieħdu l-kampjuni b'mod partikolari minn ċriev irġiel u nisa ixjeħ;

    (ċ)

    L-awtorità kompetenti ta' l-Istati Membri mmirati għandha tikkunsidra dawn il-fatturi ta' riskju potenzjali, meta jkunu preżenti, hi u tiddeċiedi dwar it-teħid ta' kampjuni tal-kampjuni magħżula għall-ispeċi mmirati:

    (i)

    żoni ta' popolazzjoni magħquda ta' ċriev;

    (ii)

    inċidenza għolja ta' scrapie;

    (iii)

    inċidenza għolja ta' BSE;

    (iv)

    ċriev li jkunu kkunsmaw għalf potenzjalment ikkontaminat bit-TSE;

    (v)

    ċriev fuq irziezet jew f'reġjuni fejn fil-passat huwa magħruf li saru importazzjonijiet minn reġjuni oħra affettwati mis-CWD ta' ċriev jew ta' prodotti tagħhom.

    (d)

    L-awtorità kompetenti ta' l-Istati Membri mmirati għandha tieħu kampjuni każwali biex tagħżel l-ispeċijiet immirati għall-kampjuni.

    2.   It-teħid ta' kampjuni għas-CWD fl-ispeċijiet kollha taċ-ċriev mill-Istati Membri kollha.

    L-Istati Membri kollha għandhom jieħdu kampjuni għas-CWD minn ċriev kliniċi/morda u ċriev mejta/maqtula, bħala prijorità, kif ukoll minn ċriev korruti jew maqtula mit-traffiku ta' l-ispeċijiet kollha taċ-ċriev. L-awtorità kompetenti ta' l-Istati Membri għandha tagħmel l-almu tagħha biex tkabbar kemm jista' jkun l-għarfien dwar dawn iċ-ċriev u tiżgura li kemm jista' jkun dawn iċ-ċriev jiġu ttestjati għas-CWD

    Tabella 1

    Ċriev Ħomor Slavaġ (Cervus elaphus ), u Ċriev ta' Denbhom Abjad (Odocoileus virginianus)

     

    Popolazzjoni ta' l-ispeċi mmirati

    Daqs tal-kampjun

    Ir-Repubblika Ċeka

    25 000

    598

    Il-Ġermanja

    150 000

    598

    Spanja

    220 000 sa 290 000

    598

    Franza

    100 000

    598

    L-Italja

    44 000

    598

    Il-Latvja

    28 000

    598

    L-Ungerija

    74 000

    598

    L-Awstrija

    150 000

    598

    Il-Polonja

    600 000

    598

    Is-Slovakkja

    38 260

    598

    Il-Finlandja

    30 000

    598

    Ir-Renju Unit

    382 500

    598


    Tabella 2

    Ċriev ħomor tat-trobbija (Cervus elaphus elaphus)

     

    Popolazzjoni ta' l-ispeċijiet immirati

    Daqs tal-kampjun

    Ir-Repubblika Ċeka

    > 9 000

    576

    Il-Ġermanja

    11 500

    598

    Franza

    17 000

    598

    L-Irlanda

    10 000

    581

    L-Awstrija

    10 000

    581

    Ir-Renju Unit

    28 000

    598

    3.   Teħid ta' kampjuni u ttestjar fil-laboratorju

    Kampjun ta' obex għandu jinġabar u jiġi ttestjat għal kull ċerv fil-kampjuni msemmija fil-punti 1 u 2 ta' dan l-Anness. Ta' l-inqas porzjon minn kull kampjun għandu jinżamm frisk jew iffriżat sakemm jinkiseb riżultat negattiv, f'każ li tinħtieġ analiżi bijoloġika.

    L-awtorità kompetenti ta' l-Istati Membri għandha tirreferi għall-punt 3 tal-Kapitolu C ta' l-Anness X tar-Regolament KE (Nru) 999/2001 għall-gwida dwar metodi u protokolli.

    Testijiet rapidi kif imsemmija fil-punt 4 tal-Kapitolu C ta' l-Anness X tar-Regolament KE (Nru) 999/2001 użati fis-sejba għall-enċefalopatija sponġiformi kontaġġuża (TSE) fl-obex ta' annimali bovini jew annimali żgħar li jixtarru għandhom jitqiesu xierqa għall-użu fit-teħid ta' kampjuni msemmi fil-punti 1 u 2 ta' dan l-Anness. L-Istati Membri jistgħu wkoll jużaw l-immunoistokimika għal skopijiet ta' skrining u għal dan il-għan għandhom jissodisfaw test tal-profiċjenza mil-Laboratorju ta' Referenza tal-Komunità. Fejn Stat Membru ma jistax jikkonferma riżultat pożittiv ta' test rapidu, għandu jibgħat kampjun xieraq ta' tissue lis-CRL għal konferma. Fil-każ ta' sejbiet pożittivi tat-TSE, il-protokoll kif stipulat fi 3.2, (c)(i) u (ii) tal-Kapitolu C ta' l-Anness X tar-Regolament KE (Nru) 999/2001 għandu japplika.

    4.   Ġenotipar

    Il-ġenotip tal-proteina prion għandu jiġi ddeterminat għal kull sejba pożittiva ta' TSE fiċ-ċriev skond il-linjigwida tal-Laboratorju ta' Referenza tal-Komunità għat-TSEs.


    ANNESS III

    Miżuri għal wara l-ittestjar taċ-ċriev

    1.

    Fejn ċerv intiż biex jitqiegħed fis-suq għall-konsum mill-bniedem jintgħażel għall-ittestjar għas-CWD, l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-traċċjabilità ta' din il-karkassa u jiżguraw li ma tinħariġx għall-bejgħ kummerċjali sakemm jinkiseb riżultat negattiv mit-test rapidu.

    2.

    Safejn huwa possibbli, u kullmeta japplika l-punt 1, il-kaċċatur, sid l-annimal jew il-bidwi, fejn huwa magħruf, għandu jkun infurmat meta jintbagħtu l-kampjuni għall-ittestjar għas-CWD u r-riżultati ta' test pożittiv rapidu għandhom jiġu kkomunikati kemm jista' jkun malajr b'mezzi awtorizzati.

    3.

    L-Istati Membri għandhom jirriżervaw id-dritt li jżommu xi materjal għal skopijiet ulterjuri ta' dijanjożi jew riċerka sakemm jinkiseb riżultat negattiv mit-test rapidu għas-CWD.

    4.

    Safejn ikun possibbli, għajr għall-materjal li jrid jinżamm għal skopijiet ulterjuri ta' dijanjożi jew riċerka, il-biċċiet kollha tal-ġisem ta' ċerv li jinstab pożittiv għat-test rapidu, inkluża l-ġilda, għandhom jintremew direttament b'konformità ma' l-Artikoli 4(2)(a), (b) jew (e) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (1).


    (1)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.


    ANNESS IV

    Rekwiżiti ta' rappurtaġġ u reġistrazzjoni

    1.   Rekwiżiti fuq l-Istati Membri

    Tagħrif li jrid jiġi ppreżentat mill-Istati Membri fir-rapport annwali tagħhom dwar ir-riżultati ta' l-istħarriġ għas-CWD.

    (a)

    L-għadd ta' kampjuni ta' ċriev mibgħuta għall-ittestjar, skond il-grupp immirat, skond il-kriterji li ġejjin:

    l-ispeci,

    iċ-ċriev tat-trobbija jew slavaġġ,

    il-grupp immirat,

    is-sess,

    l-età.

    (b)

    Ir-riżultati tat-testijiet rapidi u ta' konferma (l-għadd ta' testijiet pożittivi u negattivi) u, fejn ikun applikabbli, tat-testing diskriminatorju, it-tissue kampjun u t-test rapidu u t-teknika ta' konferma użata.

    (ċ)

    L-inħawi ġeografiċi, inkluż il-pajjiż ta' oriġini, jekk mhux dak ta' l-Istat Membru li jkun qed jibgħat ir-rapport, tal-każijiet pożittivi tat-TSE.

    (d)

    Il-ġenotip, u l-ispeċi, ta' kull ċerv misjub pożittiv għat-TSE.

    2.   Perjodi ta' rappurtaġġ

    Ir-riżultati tat-teħid ta' kampjuni għas-CWD għas-sena ta' qabel għandhom jiġu rrappurtati fir-rapport annwali.

    Dan ir-rapport għandu jintbagħat kemm jista' jkun malajr iżda mhux aktar tard minn sitt xhur, wara t-tmiem ta' kull sena ta' l-istħarriġ.

    Ir-rapport ta' l-2007 għandu jinkludi r-riżultati ta' l-istaġun tal-kaċċa ta' l-2007, anke meta xi kampjuni jkunu ttieħdu fl-2008.


    Top