Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0388

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 388/2006 tat- 23 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-isfruttament sostenibbli ta' istokkijiet tal-lingwata fil-Bajja ta' Biskajja

ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 288–291 (MT)
ĠU L 65, 7.3.2006, p. 1–4 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/03/2019; Imħassar b' 32019R0472

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/388/oj

29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

288


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 388/2006

tat-23 ta' Frar 2006

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-isfruttament sostenibbli ta' istokkijiet tal-lingwata fil-Bajja ta' Biskajja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ġie indikat minn konsulenza xjentifika reċenti mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) li l-istokkijiet tal-lingwata fid-Diviżjonijiet VIIIa u VIIIb ta' l-ICES ġew suġġetti għal livelli ta' mortalità mis-sajd li naqqsu l-kwantitajiet ta' ħut matur fil-baħar sal-punt li jista' jiġri li l-istokkijiet ma jkunux kapaċi jerġgħu jirkupraw permezz tar-riproduzzjoni u jkunu suġġetti għar-riskju li jiġu eżawriti.

(2)

Jeħtieġ li jittieħdu miżuri wkoll għat-twaqqif ta' pjan pluriennali għall-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-lingwata fil-Bajja ta' Biskajja skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd (2).

(3)

L-objettiv tal-pjan huwa li jiġi żgurat sfruttament tal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja li jipprovdi kondizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.

(4)

Ir-Regolament 2371/2002 jirrikjedi inter alia li sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, il-Komunità tapplika l-approċċ prekawzjonali billi tieħu miżuri li jipproteġu u jikkonservaw l-istokk, li jipprovdu għall-isfruttament sostenibbli tiegħu u li jimminimizzaw l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar. Huwa meħtieġ li l-Komunità timmira lejn implementazzjoni progressiva ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, u li tikkontribwixxi għal attivitajiet tas-sajd effiċjenti fi ħdan industrija tas-sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiva li tipprovdi standard ta' għajxien ġust lil dawk li jiddependu mis-sajd għal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja u tieħu kont ta' l-interessi tal-konsumaturi.

(5)

Sabiex jintlaħaq dak l-objettiv jeħtieġ li l-livelli ta' rati ta' mortalità mis-sajd jiġu kkontrollati sabiex isir ferm probabbli li dawk ir-rati jitnaqqsu minn sena għal sena.

(6)

Tali kontroll tar-rati ta' mortalità mis-sajd jista' jintlaħaq permezz tat-twaqqif ta' metodu adegwat għall-iffissar tal-livell tal-Qabda Totali Permissibbli (TAC) għall-istokkijiet konċernati, u b'sistema li taħtha l-isforzi tas-sajd għal dawn l-istokkijiet jiġu ristretti għal livell li fih ma jkunx probabbli li t-TACs jinqabżu.

(7)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd irrikkmanda li l-bijomassa prekawzjonali għall-istokk tal-lingwata fil-Bajja ta' Biskajja għandu jkun 13 000t.

(8)

L-istokk tal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja jinsab qrib il-livelli ta' bijomassa prekawzjonali, u sabiex jintlaħqu tali livelli f'terminu qasir ma jeħtieġx l-applikazzjoni ta' sistema sħiħa ta' ġestjoni ta' l-isforz. Madankollu, huwa opportun li jiġu stabbiliti miżuri li jillimitaw il-kapaċità totali ta' flotot prinċipali tas-sajd għal dan l-istokk, bil-ħsieb li maż-żmien titnaqqas dik il-kapaċità, u jkun żgurat li r-riżorsa tirkupra u ma jitħalliex li jiżdied l-isforz fil-ġejjieni.

(9)

Jeħtieġ li jiġu inklużi miżuri ta' kontroll barra minn dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (3) sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

SUĠĠETT U OBJETTIVI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali għall-isfruttament sostenibbli ta' l-istokk tal-lingwata li tgħix fil-Bajja ta' Biskajja (minn hawn il quddiem imsemmija “lingwata tal-Bajja ta' Biskajja”).

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament “Bajja ta' Biskajja” tfisser iż-żona tal-baħar definita mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) bħala d-Diviżjonijiet VIIIa u VIIIb.

Artikolu 2

L-objettiv tal-pjan ta' ġestjoni

1.   Il-pjan għandu jimmira li jġib il-bijomassa ta' stokk ta' riproduzzjoni tal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja 'l fuq mil-livell prekawzjonali ta' 13 000 tunnellata metrika fl-2008 jew qabel u, wara din id-data, jiżgura l-isfruttament sostenibbli tagħha.

2.   Dan l-objettiv għandu jintlaħaq billi titnaqqas gradatament ir-rata ta' mortalità mis-sajd għall-istokk.

Artikolu 3

Miżuri leġislattivi u l-iffissar annwali tat-TAC

1.   Ladarba l-bijomassa ta' stokk tiġi valutata mill-ICES bħala daqs jew 'il fuq mil-livell prekawzjonali ta' 13 000 tunnellata metrika, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni, dwar

(a)

mira għal perjodu fit-tul għal livell tar-rata ta' mortalità mis-sajd;

u

(b)

rata ta' tnaqqis fir-rata ta' mortalità mis-sajd sabiex tiġi applikata sakemm jintlaħaq il-livell immirat tar-rata ta' mortalità mis-sajd deċiż taħt (a).

2.   Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni it-TAC għas-sena ta' wara għal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja.

KAPITOLU II

IL-QABDA TOTALI PERMISSIBBLI

Artikolu 4

Proċedura għall-iffissar tat-TAC

1.   Fejn il-bijomassa ta' l-istokk ta' riproduzzjoni tal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja tkun ġiet stmata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), fid-dawl tar-rapport l-aktar reċenti mill-ICES, bħala inqas minn 13 000 tunnellata metrika, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar TAC li, skond l-istima ta' l-STECF, m'għandux jaqbeż il-livell ta' qabdiet li jirriżulta fi tnaqqis ta' 10 % fir-rata ta' mortalità mis-sajd fis-sena ta' applikazzjoni tiegħu meta mqabbel mar-rata ta' mortalità mis-sajd għas-sena preċedenti.

2.   Fejn il-bijomassa ta' l-istokk ta' riproduzzjoni tal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja tkun ġiet stmata mill-STECF, fid-dawl tar-rapport l-aktar reċenti mill-ICES, bħala waħda ta' 13 000 tunnellata metrika jew aktar, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar TAC li għandu jiġi stabbilit f'livell ta' qabdiet li, skond l-istima ta' l-STECF, ikun l-ogħla minn:

(a)

dak it-TAC li l-applikazzjoni tiegħu tikkonforma mat-tnaqqis tar-rata ta' mortalità mis-sajd li jkun ġie deċiż mill-Kunsill skond l-Artikolu 3(1)(b);

(b)

dak it-TAC li l-applikazzjoni tiegħu jikkonforma mat-tnaqqis tar-rata ta' mortalità mis-sajd li jkun ġie deċiż mill-Kunsill skond l-Artikolu 3(1)(a).

3.   Fejn l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu tkun tali li tirriżulta f'TAC li jaqbeż it-TAC tas-sena ta' qabel b'iżjed minn 15 %, il-Kunsill għandu jadotta TAC li jkun 15 % akbar mit-TAC ta' dik is-sena.

4.   Fejn l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew 2 tkun tirriżulta f'TAC tkun inqas mit-TAC tas-sena ta' qabel b'aktar minn 15 %, il-Kunsill għandu jadotta TAC li jkun 15 % inqas mit-TAC ta' dik is-sena.

KAPITOLU III

LIMITAZZJONI FUQ L-ISFORZ TAS-SAJD

Artikolu 5

Permess tas-sajd speċjali rigward il-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd li jwasslu għal qabdiet u għaż-żamma abbord ta' aktar minn 2 000 kg ta' lingwata fid-Diviżjonijiet VIIIa u VIIIb ta' l-ICES kull sena kalendarja minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u reġistrati fit-territorju tagħhom għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżit ta' permess tas-sajd għal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja. Dan il-permess għandu jkun permess speċjali tas-sajd maħruġ skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1627/94 tas-27 ta’ Ġunju 1994 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali rigward permessi speċjali tas-sajd (4).

2.   Għandu jkun projbit, fi ħdan id-Diviżjonijiet VIIIa u VIIIb ta' l-ICES, li tinqabad u tinżamm abbord, li tkun trasbordata jew li titniżżel l-art kwalunkwe kwantità ta' lingwata aktar minn 100 kg f'kull vjaġġ tas-sajd, sakemm il-bastiment konċernat ma jkollux permess tas-sajd għal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja.

3.   Kull Stat Membru għandu jikkalkola l-kapaċità totali, f'tunnellati metriċi grossi, tal-bastimenti tiegħu li, fl-2002, fl-2003 jew fl-2004, żbarkaw aktar minn 2 000 kg ta' lingwata tal-Bajja ta' Biskajja. Dan il-valur għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni.

4.   Fuq talba bil-miktub mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, fi żmien tletin jum, dokumentazzjoni tar-records ta' qabdiet magħmula mill-bastimenti mogħtija permessi tas-sajd għal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja.

5.   Kull sena l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw il-kapaċità totali, f'tunnellati metriċi grossi, tal-bastimenti li jkollhom permess tas-sajd għal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja li, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kienu suġġetti għal waqfien permanenti mill-attività tas-sajd bl-għoti ta' għajnuna mill-Istat taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd (5).

6.   Kull Stat Membru għandu joħroġ permessi tas-sajd għal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja lill-bastimenti tiegħu jekk biss il-kapaċità totali ta' dawk il-bastimenti ma tkunx taqbeż id-differenza bejn il-kapaċità totali determinata skond il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u l-kapaċità tal-bastimenti suġġett għal waqfien permanenti ta' l-attività tas-sajd determinata skond il-paragrafu 5.

7.   B'deroga mill-paragrafu 6, fejn il-Kummissjoni tkun iddeċidiet, abbażi ta' rapporti xjentifiċi mill-STECF, li l-mira ta' mortalità mis-sajd definita fl-Artikolu 3(1) tkun intlaħqet, kull Stat Membru għandu joħroġ biss permess tas-sajd għal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja lill-bastimenti tiegħu jekk il-kapaċità totali ta' dawk il-bastimenti ma tkunx taqbeż il-kapaċità totali tal-bastimenti li kellhom il-permessi tas-sajd tal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja fis-sena ta' qabel.

8.   Il-permessi tas-sajd għal-linwata tal-Bajja ta' Biskajja għandhom ikunu validi għal perjodu ta' sena kalendarja u l-ebda permess ġdid tas-sajd ma għandu jinħareġ matul is-sena tas-sajd.

9.   B'deroga mill-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, jistgħu jinħarġu permessi ġodda sakemm ikunu simultanjament irtirati permessi minn bastiment jew bastimenti ta' l-istess tunnellaġġ gross totali bħal dak tal-bastiment jew bastimenti li jirċievu l-permessi l-ġodda.

Artikolu 6

Proċedura alternattiva għall-ġestjoni ta' l-isforz

1.   B'deroga mill-Artikolu 5, Stat Membru li l-kwota tiegħu għal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja tkun inqas minn 10 % tat-TAC jista' jimplementa metodu differenti ta' ġestjoni ta' l-isforz. Dan il-metodu għandu jistabbilixxi livell ta' referenza għall-isforz tas-sajd daqs l-isforz tas-sajd li jkun sar fis-sena 2005. L-Istati Membri konċernati għandhom jiżguraw li l-isforz tas-sajd ma jaqbiżx il-livell ta' referenza fl-2006 u fis-snin ta' wara.

2.   Stat Membru li jagħmel użu mid-deroga fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi mitlub mill-Kummissjoni sabiex jipprovdi rapport dwar l-implementazzjoni ta' kwalunkwe metodu differenti ta' ġestjoni ta' l-isforz. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dan ir-rapport lill-Istati Membri l-oħra kollha.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-isforz tas-sajd għandu jitkejjel bħala t-total, fi kwalunkwe sena kalendarja, tal-prodotti tal-moltiplikazzjonijiet, kalkolati għal kull bastiment rilevanti, tal-qawwa tal-magna nstallata mkejla f'kW u n-numru ta' jiem ta' sajd fiż-żona.

4.   Fl-2009 u f'kull tielet sena suċċessiva l-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata u abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni dwar reviżjonijiet ta' livelli ta' referenza stabbiliti taħt il-paragrafu 1. Tali reviżjonijiet għandhom jimmiraw li jiżguraw allokazzjoni xierqa ta' opportunitajiet tas-sajd.

5.   Fuq talba ta' Stat Membru, l-isforz tas-sajd massimu kull sena ffissat taħt il-paragrafu 1 jista' jkun aġġustat mill-Kummissjoni sabiex jippermetti lill-Istat Membru juża bis-sħiħ l-opportunitajiet tiegħu ta' sajd għal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja. It-talba għandha tkun akkumpanjata minn informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta' kwoti u dwar l-isforz. Għandhom jittieħdu deċiżjonijiet mill-Kummissjoni fi żmien sitt ġimgħat mir-riċeviment tat-talba skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

KAPITOLU IV

MONITORAĠĠ, ISPEZZJONI U SORVELJANZA

Artikolu 7

Marġini ta' tolleranza

B'deroga mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta' Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-reġistrazzjoni ta' informazzjoni dwar il-qabdiet ta' ħut ta' l-Istati Membri (6), il-marġini ta' tolleranza permessa fil-kalkoli tal-kwantitajiet, f'kilogrammi, ta' piż naturali, tal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja miżmuma abbord bastimenti, għandhom ikunu ta' 8 % tal-figura fil-ġurnal ta' abbord. Għandu jiġi applikat il-fattur ta' konverżjoni adottat mill-Istat Membru li l-bandiera tiegħu l-bastiment ikun itajjar.

Artikolu 8

L-użin tal-kwantitajiet imniżżla l-art

L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru għandhom jiżguraw li kwalunkwe kwantità ta' lingwata maqbuda fil-Bajja ta' Biskajja komuni li taqbeż 300 kg għandha tintiżen bl-użu ta' miżien ta' sala ta' rkant qabel ma tinbiegħ.

Artikolu 9

Pre-notifika

Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd tal-Komunità li kien preżenti fil-Bajja ta' Biskajja li jixtieq jittrasborda kwalunkwe kwantità ta' lingwata li nżammet abbord jew jiżbarka kwalunkwe kwantità ta' lingwata f'port jew f'post ta' żbark ta' pajjiż terz għandu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru tal-bandiera, mill-inqas 24 siegħa qabel it-trasbord jew l-iżbark, b'dan li ġej:

(a)

l-isem tal-port jew il-lok ta' l-iżbark,

(b)

il-ħin previst tal-wasla f'dak il-port jew lok ta' żbark,

(ċ)

il-kwantitajiet f'kilogrammi ta' piż naturali ta' l-ispeċi kollha li tagħhom jinżammu abbord iktar minn 50 kg.

In-notifika tista' ssir ukoll minn rappreżentant tal-kaptan tal-bastiment tas-sajd.

Artikolu 10

Stivar separat tal-lingwata komuni

1.   Għandu jkun projbit li jinżamm, abbord bastiment tas-sajd tal-Komnuità, fi kwalunkwe kontenitur individwali kwalunkwe kwantità ta' lingwata komuni mħallta ma' kwalunkwe speċi oħra ta' organiżmi tal-baħar.

2.   Il-kaptani ta' bastimenti tas-sajd tal-Komnuità għandhom jipprovdu lill-ispetturi mill-Istati Membri bl-assistenza li tkun tippermetti l-verifika tal-kwantitajiet dikjarati fil-ġurnal ta' abbord mal-qabdiet ta' lingwata komuni miżmuma abbord.

Artikolu 11

It-trasport tal-lingwata komuni

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jesiġu li kwalunkwe kwantità ta' lingwata komuni li taqbeż 300 kg maqbuda fi kwalunkwe waħda miż-żoni ġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1 u li tiġi mniżżla l-art l-ewwel f'dak l-Istat Membru tintiżen qabel ma tiġi trasportata x'imkien ieħor mill-port ta' l-ewwel żbark.

2.   B'deroga mill-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-kwantitajiet ta' lingwata komuni ikbar minn 300 kg li jiġu trasportati lejn post ieħor mill-post ta' żbark jew ta' importazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn kopja ta' waħda mid-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament dwar il-kwantitajiet ta' lingwata trasportati. Ma għandhiex tapplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(4)(b) ta' dak ir-Regolament.

KAPITOLU V

SEGWITU

Artikolu 12

Valutazzjoni tal-miżuri ta' ġestjoni

Il-Kummissjoni għandha tfittex parir xjentifiku mill-STECF dwar ir-rata ta' progress lejn il-miri tal-pjan ta' ġestjoni fit-tielet sena ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u kull tielet sena suċċessiva ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tipproponi miżuri rilevanti, u l-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata dwar miżuri alternattivi sabiex tintlaħaq il-mira deskritta fl-Artikolu 2.

Artikolu 13

Ċirkostanzi partikolari

Jekk l-STECF jirrakkomanda li d-daqs ta' l-istokk ta' riproduzzjoni tal-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja ikun qiegħed ibati minn kapaċità mnaqqsa ta' riproduttività, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni dwar TAC li jkun aktar baxx minn dak previst fl-Artikolu 4.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-23 ta' Frar 2006.

Għall- Kunsill

Il-President

E. GEHRER


(1)  Għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(3)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 768/2005 (ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1).

(4)  ĠU L 171, 6.7.1994, p. 7.

(5)  ĠU L 337, 30.12.1999, p. 10.

(6)  ĠU L 276, 10.10.1983, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1804/2005 (ĠU L 290, 4.11.2005, p. 10).


Top