Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006Q0025

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta' Diċembru 2005 li temenda r-Regoli ta' Proċedura interni tagħha

    ĠU L 19, 24.1.2006, p. 20–22 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 76–78 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/25(1)/oj

    8.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    76


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-23 ta' Diċembru 2005

    li temenda r-Regoli ta' Proċedura interni tagħha

    (2006/25/KE, Euratom)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 131 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, (1) u l-Artikolu 41, (1) tiegħu,

    IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Id-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jwaqqfu sistema ġenerali ta' twissija f'waqtha “ARGUS”, li t-test tiegħu hu anness ma' din id-Deċiżjoni, huma hawnhekk magħduda mar-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni (1) bħala Anness.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2006.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Diċembru 2005.

    Għall-Kummissjoni

    José Manuel BARROSO

    Il-President


    (1)  ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26. Regoli ta' Proċedura kif l-aħħar emendati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/960/KE, Euratom (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 83).


    ANNESS

    DISPOŻIZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI LI JWAQQFU S-SISTEMA ĠENERALI TA' TWISSIJA F'WAQTHA

    Billi:

    (1)

    Huwa xieraq għall-Kummissjoni li tistabbilixxi sistema ġenerali ta' twissija f'waqtha msejħa ARGUS, sabiex ittejjeb il-kapaċità ta' reazzjoni malajr, effiċjenti u f'manjiera kkordinata, fil-qasam ta' kompetenza tagħha, għall-kriżijiet ta' natura multisettorali li jkopru oqsma politiċi diversi u li jeħtieġu azzjoni fuq il-livell Komunitarju, hi x'inhi l-kawża tagħhom.

    (2)

    Is-sistema għandha tkun ibbażata inizjalment fuq netwerk ta' komunikazzjoni interna li tippermetti lid-Direttorati-ġenerali u s-servizzi tal-Kummissjoni li jaqsmu informazzjoni fl-eventwalità ta' kriżi.

    (3)

    Is-sistema tkun reveduta fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba u l-progress teknoloġiku biex tiżgura għaqda u koordinazzjoni tan-netwerks speċjalizzati eżistenti.

    (4)

    Hu neċessarju li jkun definit il-proċess ta' koordinazzjoni xieraq biex jittieħdu d-deċiżjonijiet u tkun ġestita risposta f'waqtha, ikkordinata u koerenti tal-Kummissjoni għal kriżi multisettorali ewlenija, filwaqt li jinżamm suffiċjentement flessibbli u adattabbli għall-bżonnijiet u ċirkostanzi partikolari ta' kriżi speċifika u li jirrispetta l-istrumenti politiċi eżistenti li jittrattaw mal-kriżijiet speċifiċi.

    (5)

    Is-sistema għandha tirrispetta l-kartteristiċi speċifiċi, l-għarfien espert, l-arranġamenti u l-qasam ta' kompetenza ta' kull sistema settorali ta' twissija f'waqtha eżistenti tal-Kummissjoni li tippermetti is-servizz tagħha jirrispondi għal kriżijiet speċifiċi fl-oqsma varji ta' l-attività tal-Komunità, kif ukoll il-prinċipju ġenerali tas-sussidjarjetà.

    (6)

    Ġaladarba l-komunikazzjoni hi l-element ewlieni tal-ġestjoni tal-kriżi, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-informazzjoni lill-pubbliku u lill-komunikazzjoni effettiva maċ-ċittadini, permezz ta' l-istampa u l-istrumenti ta' komunikazzjoni varji u postijiet tal-Komunikazzjoni, minn Brussell u/jew mil-lok l-aktar xieraq.

    Artikolu 1

    Is-sistema ARGUS

    (1)   Twaqqfet sistema ġenerali ta' twissija u risposta f'waqtha msejħa ARGUS sabiex ittejjeb il-kapaċità tal-Kummissjoni biex tipprovdi risposta malajr, effiċjenti u koerenti fl-eventwalità ta' kriżi maġġuri ta' natura multisettorali li tkopri oqsma politiċi diversi li jinħtieġu azzjoni fuq livell Komunitarju, hi x'inhi l-kawża.

    (2)   ARGUS għandha tkun magħmula minn

    (a)

    netwerk ta' komunikazzjoni interna;

    (b)

    proċess ta' koordinazzjoni speċifiku li għandu jkun attivat f'każ ta' kriżi maġġuri multisettorali.

    (3)   Dawn id-dispożizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni tal-Kummisjoni 2003/246/KE dwar il-proċeduri operattivi għall-ġestjoni tal-kriżi.

    Artikolu 2

    Network ta' informazzjoni dwar l-ARGUS

    (1)   In-netwerk ta' komunikazzjoni interna għandha tkun pjattaforma permanenti li tippermetti d-Direttorati-Ġenerali u s-servizzi tal-Kummissjoni li jibdlu, f'ħin reali, tagħrif relevanti dwar kriżijiet multisettorali emerġenti jew theddid prevedibbli jew imminenti ta' dawn u biex jikkoordinaw risposta xieraq fil-qasam ta' kompetenza tal-Kummissjoni.

    (2)   Il-membri tal-qalba tan-netwerk huma: Is-Segretarju Ġenerali; DĠ ta' l-Istampa u l-Komunikazzjoni inkluż s-servizz tal-Kelliem Ewlieni; DĠ ta' l-Ambjent; DĠ Saħħa u Ħarsien tal-Konsumatur; DĠ Ġustizzja, Libertà u Sigurtà; DĠ Relazzjonijiet Esterni; DĠ Għajnuna Umanitajra; DĠ Impjegati u Amministrazzjoni; DĠ Kummerċ; DĠ Informatika; DĠ Tassazzjoni u Għaqda Doganali; iċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunt u s-Servizz legali.

    (3)   Kwalunkwe Direttorat-ġenerali u servizz ieħor tal-Kummissjoni jista' jkun inkluż fin-netwerk, fuq talba tagħhom, provdut li jimplimentaw il-ħtiġijiet minimi msemmija f'paragrafu (4).

    (4)   Direttorati-ġenerali u servizzi li huma membri tan-netwerk għandhom jaħtru korrispondent għall-ARGUS u jimplimentaw arranġamenti ta' dmirijiet ta' l-għassa li jippermettu s-servizz ikun ikkuntattjat u jirreġixxi malajr fl-eventwalità ta' kriżi li timmerita l-intevent tiegħu. Is-sistema tkun imfassla biex tippermetti tagħmel dan fl-allokazzjoni eżistenti ta' riżorsi umani.

    Artikolu 3

    Il-proċess ta' koordinazzjoni fl-eventwalità ta' kriżi maġġura

    (1)   Fl-eventwalità ta' kriżi ewlenija multisettorali jew theddida prevedibbli jew imminenti tagħha, il-President jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tar-responsabbiltà politika tar-risposta tal-Kummissjoni għall-kriżi. Jew iżomm ir-responsabbiltà għalih jew jiddelegaha lil Membru tal-Kummissjoni.

    (2)   Din ir-responsabbiltà tikkonsisti fi tmexxija u koordinazzjoni r-risposta għall-kriżi, ir-rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni ma' l-istituzzjonijiet l-oħra u r-responsabbiltà tal-komunikazzjoni mal-pubbliku. Din ma taffettwax il-kompetenzi eżistenti u l-mandati fil-Kulleġġ.

    (3)   Is-Segretarjat ġenerali, taħt l-awtorità tal-President, jattiva l-istruttura speċifika tal-ġestjoni operattiva ta' kriżi msejħa l-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Kriżijiet deskritt fl-artikolu 4.

    Artikolu 4

    Il-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Kriżijiet

    (1)   Il-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Kriżijiet hu struttura operattiva speċifika tal-ġestjoni tal-kriżi stabbilita biex imexxi u jikkoordina r-risposta għall-kriżi, fil-waqt li jiġbor fih flimkien ma' rappreżentanti tad-Direttorati ġenerali u s-servizzi relevanti kollha tal-Kummissjoni. Bħala regola ġenerali, id-Direttorati ġenerali u s-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(2) għandu jkun rappreżentat fil-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Kriżijiet, flimkien Direttorati Ġenerali u servizzi oħrajn li għandhom x'jaqsmu mal-kriżi speċifika. Il-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Kriżijiet iserraħ fuq ir-riżorsi u l-mezzi eżistenti tas-servizzi.

    (2)   Il-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Kriżijiet għandu jkun presedut mid-Deputat Segretarju Ġenerali b'responsabbiltà partikolari għall-koordinazzjoni politika.

    (3)   Il-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Kriżijiet b'mod partikolari jeżamina u jissorvelja l-iżvilupp tas-sitwazzjoni, jidentifika kwistjonijiet u għażliet għal deċiżjoni u azzjoni, jiżgura li d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet huma implimentati u jiżgura l-koerenza u l-konsistenza tar-risposta.

    (4)   Id-Deċiżjonijiet maqbula fil-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Kriżijiet ikunu adottati permezz ta' proċeduri normali ta' teħid ta' deċiżjonijiet u jkunu eżekwiti mid-Direttorati Ġenerali u s-sistemi ta' twissija f'waqtha.

    (5)   Is-servizzi tal-Kummissjoni bi dmir jiżguraw il-ġestjoni tal-ħidmiet f'konnessjoni mar-risposta fil-qasam ta' kompetenza tagħhom.

    Artikolu 5

    Il-Manwal tal-Proċeduri Operattivi

    Manwal tal-Proċeduri Operattivi jiddefinixxi d-dispożizzjonijiet dettaljati biex jimplimentaw din id-deċiżjoni.

    Artikolu 6

    Il-Kummissjoni tirrevedi din id-deċiżjoni fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba u l-progress teknoloġiku, l-aktar tard sa sena wara d-dħul fis-seħħ tagħha, u, jekk hemm bżonn, tadotta miżuri addizzjonali relatati mal-funzjoni ta' l-ARGUS.


    Top