Vælg de eksperimentelle funktioner, som du ønsker at prøve

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 32004R0847

Ir-Regolament (KE) Nru 847/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-29 ta' April 2004 dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimijiet dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi

ĠU L 157, 30.4.2004, s. 7–17 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Dokumentets juridiske status I kraft

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/847/oj

32004R0847



Official Journal L 157 , 30/04/2004 P. 0007 - 0017


Ir-Regolament (KE) Nru 847/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-29 ta' April 2004

dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimijiet dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artiklu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewopew [1],

Huma u jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artiklu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Ir-relazzjonijiet fl-avjazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi ġew tradizzjonalment irregolati bi ftehimijiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, l-Annessi ta' magħhom u arranġamenti oħra bilaterali jew multi-laterali li għandhom x'jaqsmu magħhom.

(2) Wara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-każijiet C-466/98, C-467/98, C-468/98, C-469/98, C-471/98, C-472/98, C-475/98 u C-476/98, il-Komunità għandha l-kompetenza esklussiva rigward l-aspetti varji ta' dawn il-ftehimijiet.

(3) Il-Qorti ċċarat ukoll id-dritt tat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji li jibbenefikaw mid-dritt li jiġu stabbiliti fil-Komunità, inkluż id-dritt għall-aċċess mhux diskriminatorju tas-suq.

(4) Meta jkun jidher illi l-kontenut tas-suġġett ta' ftehim jidħol f'parti minnu fil-kompetenza tal-Komunità u f'parti minnu f'dik ta' l-Istati Membri, huwa essenzali li tiġi żgurata koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji, kemm fil-proċess tan-negozjati u l-konklużjoni u kemm fit-twettiq ta' l-impenji midħula għalihom. Dan l-obbligu ta' koperazzjoni joħroġ mill-ħtieġa ta' l-unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità. L-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa għalbiex jiżguraw l-aħjar koperazzjoni possibbli f'dan ir-rigward.

(5) Il-proċedura tal-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni stabbilita b'dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri, skond il-liġijiet Komunitarji kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(6) Il-ftehimijiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li fihom dispożizzjonijiet kontrarji għal-liġijiet Komunitarji għandhom jiġu emendati jew mibdula minn ftehimijiet ġodda li jkunu kompatibbli għal kollox mal-liġijiet Komunitarji.

(7) Mingħajr preġudizzju għat-Trattat, u b'mod partikulari għall-Artikolu 300 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jixtiequ li jagħmlu emendi għall-ftehimijiet eżistenti u jagħmlu provvediment għalbiex jamministraw l-implimentazzjoni tagħhom sa dak iż-żmien meta jidħol is-seħħ ftehim konkluż mill-Komunità.

(8) Huwa essenzjali li jiġi żgurat li Stat Membru li jkun qiegħed jikkonduċi negozjati jqis il-liġijiet Komunitarji, l-interessi aktar wiesgħa Komunitarji u n-negozjati Komunitarji li jkunu għaddejja.

(9) Jekk Stat Membru jixtieq li jinvolvi t-trasportaturi bl-ajru fil-proċess tan-negozjati, it-trasportaturi bl-ajru kollha bi stabbiliment fit-territorju ta' l-Istat Membru interessat għandom jiġu ttrattati ndaqs.

(10) L-istabbiliment fit-territorju ta' Stat Membru jimplika l-eżerċizzju effettiv u reali ta' l-attività tat-trasport bl-ajru permezz ta' arranġamenti stabbli; il-għamla legali ta' dan l-istabbiliment, sewwa jekk fergħa u sewwa jekk sussidjarja b'personalità legali, ma għandux ikun il-fattur determinanti f'dan ir-rigward. Meta impriża tiġi stabbilita fit-territorju ta' numru ta' Stati Membri, kif iddefinit bit-Trattat, għandha tiżgura, għalbiex tevita kull ċirkumvenzjoni tal-liġijiet nazzjonali, illi dawn l-istabbilimenti jwettqu l-obbligi li jistgħu jiġu imposti, skond il-liġijiet Komunitarji, mil-liġijiet nazzjonali li japplikaw għall-attività tagħha.

(11) Sabiex jiġi żgurat illi d-dritijiet tat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji ma jiġux ristretti b'mod mhux mistħoqq, ma għandhom jiddaħħlu l-ebda miżuri ġodda li jnaqqsu n-numru tat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji li jistgħu ikunu maħtura għalbiex jipprovdu servizzi bl-ajru f'suq mogħti fil-ftehimijiet bilaterali tas-servizzi bl-ajru.

(12) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxi proċeduri mhux diskriminatorji u trasparenti għad-distribuzzjoni tad-drittijiet għat-traffiku bejn it-trasportaturi bl-ajru Komunitarji. Meta jkunu qegħdin japplikaw dawn il-proċeduri, l-Istati Membri għandhom iqisu kif mistħoqq il-ħtieġa li jippriservaw il-kontinwità tas-servizzi bl-ajru.

(13) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni [3].

(14) Kull Stat Membru jista' jinvoka l-kunfidenzalità tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimijiet bilaterali li jkun innegozja u jitlob lill-Kummissjoni li ma jaqsamx it-tagħrif ma' l-Istati Membri l-oħra.

(15) L-arranġamenti għal koperazzjoni akbar dwar l-użu ta' l-ajruport ta' Ġibiltà ġew miftiehma f'Londra fit-2 ta' Diċembru 1987 mir-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta' Fuq f'dikjarazzjoni konġunta mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi. Dawn l-arranġamenti għad iridu jitħaddmu.

(16) Ġaladarba l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-kordinament tan-negozjati mal-pajjiżi terzi u l-verifika tal-konformità tagħhom mal-liġijiet Komunitarji, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, għar-raġuni ta' l-iskop matul il-Komunità kollha ta' dan ir-Regolament, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' taddotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif iddikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif iddikjarat f'dan l-Artikolu, dan ir-Reglament ma jmurx lil hemm minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn il-miri,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

In-Notifika lill-Kummissjoni

1. Stat Membru jista', mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha, jidħol f'negozjati ma' pajjiż terz li jirrigwardaw ftehim ġdid ta' servizz bl-ajru jew il-modifika ta' ftehim eżistenti dwar servizzi bl-ajru, l-Annessi tagħhom, u kull arranġament bilaterali jew multi-laterali li jkollu x'jaqsam magħhom, li l-kontenut tas-suġġett tagħhom jidħol f'parti minnu fil-kompetenza tal-Komunità, sakemm:

- kull klawsola rilevanti standard, żviluppata u stabbilita b'mod konġunt bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, tiġi inkluża f'dawn in-negozjati;

u

- tikkonforma mal-proċedura ddikjarata fil-paragrafi 2, 3 u 4.

Meta approprjat, il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna sabiex tieħu sehem bħala osservatur f'kull negozjat minn dawn.

2. Meta Stat Membru jkun beħsiebu jidħol f'dawn in-negozjati, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tiegħu bil-miktub. Din in-notifika għandha tinkludi kopja tal-ftehim eżistenzi, jekk disponibbli, id-dokumentazzjoni rilevanti l-oħra u indikazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet li jridu jiġu indirizzati fin-negozjati, il-għanijiet tan-negozjati u kull tagħrif ieħor rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din in-notifika u, fuq talba, id-dokumentazzjoni li takkumpanjaha, disponibbli għall-Istati Membri l-oħra, bla ħsara għall-ħtiġiet tal-kunfidenzalità.

It-tagħrif għandu jiġi trasmess mill-inqas xahar kalendarju qabel ma jkunu skedati li jibdew in-negozjati formali mal-pajjiż terz interessat. Jekk, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, in-negozjati formali jiġu skedati f'avviż ta' inqas minn xahar, l-Istat Membru għandu jinnotifika t-tagħrif malajr kemm jista' jkun.

3. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu kummenti lill-Istat membru li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu li jidħol f'negozjati skond il-paragrafu 2. Dan l-Istat Membru għandu jqis dawn il-kummenti kemm jista' jkun fil-kors tan-negozjati.

4. Jekk, fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta tirċievi n-notifika riferita fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni tikkonkludi illi n-negozjati x'aktarx:

- jimminaw il-għanijiet tan-negozjati Komunitarji li jkunu għaddejja mal-pajjiż terz interessat,

u/jew

- iwasslu għal ftehim li jkun inkompatibbli mal-liġijiet nazzjonali

għandha tgħarraf lill-Istati Membri kif jixraq.

Artikolu 2

Il-Konsultazzjoniji ta' min għandu interess u l-parteċipazzjoni fin-negozjati

Safejn u sakemm it-trasportaturi bl-ajru u l-partijiet l-oħra interessati jridu jiġu involuti fin-negozjati riferiti fl-Artiklu 1, l-Istati Membri għandhom jittrattaw indaqs lit-trasportaturi bl-ajru kollha Komunitarji bi stabbiliment fuq it-territorji rispettivi tagħhom li għalihom japplika t-Trattat.

Artikolu 3

Il-Projbizzjoni dwar it-tidħil ta' arranġamenti aktar restrittivi

Stat Membru ma għandu jidħol fl-ebda arranġament ġdid ma' pajjiż terz, li jnaqqas in-numru tat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji li jista', skond l-arranġamenti eżistenti, jiġi maħtur għalbiex jipprovdi servizzi bejn it-territrorju tiegħu u dan il-pajjiż, la rigward is-suq intier tat-trasport bl-ajru bejn iż-żewġ partijiet u lanqas fuq il-bażi ta' pari ta bliet speċifiċi.

Artikolu 4

Il-Konklużjoni tl-ftehimijiet

1. Mal-firma ta' ftehim, l-Istat Membru interessat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bir-riżultat tan-negozjati flimkien ma' kull dokumentazzjoni rilevanti.

2. Meta n-negozjati jkunu rriżultaw fi ftehim li jinkorpora l-klawsoli standard rilevanti riferiti fl-Artikolu 1(1), l-Istat Membru għandu jiġi awtorizzat li jikkonkludi l-ftehim,

3. Meta r-riżultati jkunu rriżultaw fi ftehim li ma jinkorporax il-klawsoli standard rilevanti riferiti fl-Artikolu 1(1), l-Istat Membru għandu jiġi awtorizzat, skond il-proċedua riferita fl-Artikolu 7(2), li jikkonkludi l-ftehim, sakemm dan ma jagħmilx ħsara lill-għan u l-fini tal-politika tat-trasport komuni tal-Komunità. L-Istat Membru għandu japplika l-ftehim b'mod proviżorju sakemm joħroġ ir-riżultat ta' din il-poċedura,

4. Minkejja l-paragrafi 2 u 3, jekk il-Komunità tkun qiegħda tinnegozja b'mod attiv ma' l-istess pajjiż terz fuq il-bażi ta' mandat speċifiku għal pajjiż jew fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/…./KE ta'…. li tawtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi bi ftehim Komunitarju 1, l-Istat Membru interessat jista' jiġi awtorizzat, skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 7(2), li japplika b'mod proviżorju u/jew jikkonkludi l-ftehim.

Artikolu 5

Id-Distribuzzjoni tad-drittijiet għat-traffiku

Meta Stat Membru jikkonkludi ftehim, jew emendi għal ftehim jew għall-Annesssi ta' miegħu, li jipprovdi limitazzjonijiet dwar l-użu tad-drittijiet għat-traffiku jew għan-numru tat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji eliġibbli li jrid jiġi maħtur għalbiex jieħu vantaġġ mid-drittijiet għat-traffiku, dan l-Istat Membru għandu jiżgura d-distribuzzjoni tad-drittijiet għat-traffiku fost it-trasportaturi bl-ajru Komunitarji eliġibbli fuq il-bażi ta' proċedura mhux diskriminatorja u trasparenti.

Artikolu 6

Il-Pubblikazzjoni tal-proċeduri

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bil-proċeduri li għandhom japplikaw għall-għanijiet ta' l-Artikolu 5 u, meta approprjat, l-Artikolu 2. Għall-għanijiet tat-tagħif, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn il-proċeduri jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fi żmien tmien ġimgħat minn meta jiġu rċevuti. Kull proċedura ġdida u bidla sossegwenti għall-proċeduri eżistenti għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mill-inqas tmien ġimgħat qabel ma jidħlu fi-seħħ, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiżgura l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea f'dan il-perjodu taż-żmien ta' tmien ġimgħat.

Artikolu 7

Il-Proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-kumitat stabbilit skond l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar l-aċċess tat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji għar-rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji [4].

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artiklu 8 tagħha.

3. Il-Kumitat għandu jaddotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 8

Il-Kunfidenzalità

Meta jinnotifikaw lill Kummissjoni dwar in-negozjati u r-riżultati tagħhom kif previst fl-Artikli 1 u 4, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu b'mod ċar lill-Kummissjoni jekk kull tagħrif fihom għandux jiġi kkunsidrat kunfidenzali u jekk jistax jinqasam ma' l-Istati Membri l-oħra. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull tagħrif identifikat bħala kunfidenzjali jiġi ttrattat skond l-Artiklu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 li jirrigwarda l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [5].

Artikolu 9

Ġibiltà

1. L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-ajruport ta' Ġibiltà hija mifhuma li hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit rigward il-kontroversja dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih huwa lokat l-ajruport.

2. L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-ajruport ta' Ġibiltà għandha tiġi sospiża sakemm jibdew jaħdmu l-arranġamenti fid-Dikjarazzjoni Konġunta magħmula mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit fit-2 ta' Diċembru 1987. Il-Gvernijiet ta' Spanja u tar-Renju Unit għandhom jgħarrfu lill-Kunsill b'din id-data tad-dħul fil-ħidma.

Artikolu 10

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, fi- 29.4.2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU C 234, tat-30.9.2003, p. 21.ĠU C 234, tat-30.9.2003, p. 6.

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Settembru 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Ufiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2003 (ĠU C 54 E, tat-2.3.2004, p. 33), Pożizzjoni Komuni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Marzu 2004 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' April 2004.

[3] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[4] ĠU L 240, ta' l-24.8.1992, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[5] ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43.

--------------------------------------------------

Op