Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004L0085

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/85/KE tat- 28 ta' Ġunju 2004 li temenda d-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta ċerti dispożizzjonijiet fl-Estonja

    ĠU L 236, 7.7.2004, p. 10–11 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 100–101 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/03/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/85/oj

    30.5.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    100


    ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2004/85/KE

    tat-28 ta' Ġunju 2004

    li temenda d-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta ċerti dispożizzjonijiet fl-Estonja

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka ma' l-Unjoni Ewropea (“It-Trattat ta' l-Adeżjoni”) u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Att dwar l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi mwaqqfa l-Unjoni Ewropea, “Att ta' Adeżjoni”, u b'mod partikolari l-Artikolu 57 tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-talba ta' l-Estonja,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Matul in-negozjati għal adeżjoni, l-Estonja invokat il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ta' l-elettriku tagħha biex titlob perjodu ta' transizzjoni għall-applikazzjoni ta' Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Deċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku (1)

    (2)

    Fl-Anness VI ta' l-Att ta' Adeżjoni, l-Estonja kienet mogħtija perjodu ta' transizzjoni sal-31 ta' Diċembru 2008 għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 96/92/KE, relatat mal-ftuħ gradwali tas-suq.

    (3)

    Dikjarazzjoni Nru 8 annessa mat-Trattat ta' l-Adeżjoni għarfet barra minn hekk li s-sitwazzjoni speċifika relatata mar-ristrutturar tas-settur ta' l-oil shale fl-Estonja kien se jitlob sforzi partikolari sal-aħħar tal-2012.

    (4)

    Direttiva 96/92/KE kienet sostitwita minn Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku, li għandha tiġi implimentata mill-1 ta' Lulju 2004 u li għandha l-effett li tħaffef il-ftuħ tas-suq ta' l-elettriku.

    (5)

    Permezz ta' ittra tas-17 ta' Settembru 2003, l-Estonja għaddiet talba sabiex ma jiġix applikat l-Artikolu 21(1)(b) tad-Direttiva 2003/54/KE, dwar il-ftuħ tas-suq għall-klijenti mhux privati, sal-31 ta' Diċembru 2012. F'ittra ulterjuri tal-5 ta' Diċembru 2003, l-Estonja indikat li kienet qed tippjana li tilħaq il-ftuħ komplet tas-suq previst fl-Artikolu 21(1)(ċ) ta' dik id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2015.

    (6)

    It-talba ta' l-Estonja hi bbażata fuq pjan ta' ristrutturar kredibbli għas-settur ta' l-oil shale li jestendi sal-31 ta' Diċembru 2012.

    (7)

    L-oil shale hu l-uniku riżorz ta' enerġija veru indiġena fl-Estonja u produzzjoni nazzjonali tirrappreżenta kważi 84 % tal-produzzjoni dinjija. 90 % ta' l-elettriku prodott fl-Estonja huwa mill-fuel solidu. Huwa għalhekk ta' importanza strateġika kbira għas-sigurtà ta' proviżjoni fl-Estonja.

    (8)

    L-għoti ta' derogazzjoni ulterjuri għall-perjodu 2009-2012 għandha tiggarantixxi s-sigurtà ta' investimenti f'impjanti li jiġġeneraw u sigurtà ta' proviżjoni fl-Estonja filwaqt li tippermetti li l-problemi ambjentali serji li jinħolqu minn dawn l-impjanti jiġu solvuti.

    (9)

    Din it-talba magħmula mill-Estonja għandha tiġi mogħtija u d-Direttiva 2003/54/KE tiġi hekk emendata,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Fl-artikolu 26 tad-direttiva 2003/54/KE il-paragrafu 3 għandu jiżdied ġod-Direttiva 2003/54/KE:

    “3.   L-Estonja ser tiġi mogħtija derogazzjoni temporanja mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 21(1)(b) u (ċ) sal-31 ta' Diċembru 2012. L-Estonja għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-ftuħ tas-suq ta' l-elettriku tagħha. Dan għandu jiġi eżegwit gradwalment tul il-perjodu ta' referenza bil-għan tal-ftuħ komplet tas-suq sal-1 ta' Jannar 2013. Fil-1 ta' Jannar 2009, il-ftuħ tas-suq għandu jirrapreżenta mill-inqas 35 % tal-konsum. L-Estonja għandha tikkomunika kull sena lill-Kummissjoni l-limiti ta' konsum li jestendu l-eliġibililità lill-klijenti finali”.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mill-1 ta' Lulju 2004. Huma għandhom minnufih jikkommunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk il-miżuri.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jkunu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi biex issir referenza bħal din għandhom ikunu stabbiliti minn Stati Membri.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fil-Lussemburgu, nhar it-28 ta' Ġunju 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. CULLEN


    (1)  ĠU L 27, tat-30.1.1997, p. 20. Id-Direttiva kienet sostitwita mid-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 176, tal-15.7.2003, p. 37).


    Top