Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004L0011

Id-Direttiva 2004/11/EK tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/24/KEE li għandha x'taqsam ma' mezzi ta' limitazzjoni ta' veloċità jew limitazzjoni simili ta' veloċità abbord sistemi ta' ċerti kategoriji ta' vetturi bil-mutur

ĠU L 44, 14.2.2004, p. 19–20 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2014; Impliċitament imħassar minn 32009R0661

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/11/oj

32004L0011



Official Journal L 044 , 14/02/2004 P. 0019 - 0020


Id-Direttiva 2004/11/EK tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill

tal-11 ta' Frar 2004

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/24/KEE li għandha x'taqsam ma' mezzi ta' limitazzjoni ta' veloċità jew limitazzjoni simili ta' veloċità abbord sistemi ta' ċerti kategoriji ta' vetturi bil-mutur

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

Huma u jaġixxu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [1],

Billi:

(1) Miżuri għandhom jiġu adottati għall-għan li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/24/KEE [2] hija waħda mid-direttivi separati skond il-proċedura ta' approvazzjoni tal-Komunità imdaħħla permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [3]. Id-dispożizzjonijiet u d-definizzjonijiet preskritti fid-Direttiva 70/156/KEE li jirrigwardjaw vetturi, sistemi ta' vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati għandhom għalhekk japplikaw għal din id-Direttiva.

(3) Mezzi ta' limitazzjoni ta' veloċità għal vetturi użati għall-ġarr ta' passiġġieri u għall-ġarr ta' merkanzija li għandhom piż massimu li jaqbeż l-10 tunnellati mettriċi urew influwenza pożittiva fuq is-sigurta tat-triq u naqqsu s-severita ta' feriti fil-każ ta' inċidenti, filwaqt li naqqsu wkoll tniġġiż ta' l-arja u konsun tal-karburant.

(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE ta' l-10 ta' Frar 1992 dwar l-istallazzjoni u l-użu ta' mezzi ta' limitazzjoni ta' veloċità għal ċerti kategoriji ta' vetturi bil-mutur fil-Komunità [4] ġiet estiża għal vetturi bil-mutur iżgħar ta' kategoriji M2 u N2. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi emendat l-iskop tad-Direttiva 92/24/KEE li għandha x'taqsam mal-ħtiġijiet tal-kostruzzjoni ta' limitaturi ta' veloċità kif xieraq biex jiġu koperti l-istess kategoriji ta' vetturi bil-mutur.

(5) Id-Deċiżjoni 92/24/KEE għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 92/24/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 1 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

- "vettura"; għandha tfisser kull vettura bil-mutur ta' kategoriji M2, M3, N2 jew N3, kif definit fl-Anness II mad-Direttiva 70/156/EEC, maħsuba għall-użu fit-triq, li għandha mill-inqas erba' roti u disinn ta' veloċità massima li taqbeż il-25 km/h,

- "mezz ta' limitazzjoni ta' veloċità"; għandu jfisser strument li jillimita l-veloċità maħsub għall-użu fuq vettura fl-iskop ta' din id-Direttiva li għaliha tista' tingħata approvazzjoni tat-tip ta' unit tekniku separat fit-tifsira tad-Direttiva 70/156/KEE. Sistemi ta' limitazzjoni ta' veloċità massima ta' vetturi mibnija ġewwa fihom, inkoporati fid-disinn ta' vetturi mill-outset, għandhom jilħqu l-istess ħtiġijiet bħal mezzi ta' limitazzjoni ta' veloċità.";

2. l-ewwel sentenza tat-tielet sottoparagrafu ta' l-oġġett numru 1.1 ta' l-Anness I għandha tiġi mibdula b'dan li ġej:

"L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tiġi limitata sa valur speċifikat il-veloċità massima fit-triq ta' vetturi li jġorru l-merkanzija ta' kategoriji N2 u N3 u ta' vetturi li jġorru l-passiġġieri ta' kategoriji M2 u M3."

Artikolu 2

1. B'effett mis-sbatax ta' Novembru 2004, l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li għandhom x'jaqsmu ma mezzi ta' limitazzjoni ta' veloċità jew sistemi simili:

- jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta' vettura, mezz ta' limitazzjoni ta' veloċità jew sistema abbord ta' limitazzjoni ta' veloċità,

- jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' vettura jew jirrifjutaw il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' mezz ta' limitazzjoni ta' veloċità jew sistema abbord ta' limitazzjoni ta' veloċità,

jekk il-vetturi, mezzi ta' limitazzjoni ta' veloċità jew sistemi abbord ta' limitazzjoni ta' veloċità jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/24/KEE.

2. B'effett mill-1 ta' Jannar 2005, l-Istati Membri għandhom, għal raġunijiet li għandhom x'jaqsmu ma' mezzi ta' limitazzjoni ta' veloċità jew sistemi abbord ta' limitazzjoni ta' veloċità, jipprojbixxu l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi, mezzi ta' limitazzjoni ta' veloċità jew sistemi abbord ta' limitazzjoni ta' veloċità li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/24/KEE.

Artikolu 3

1. L-Istati Membru għandhom jadottaw u jippubblikaw, qabel is-17 ta' Novembru 2004, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni fil-pront. Għandhom japplikaw dawn il-miżuri mit-18 ta' Novembru 2004.

2. Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewliena tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strassbourg, fil-11 ta' Frar 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2003 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Direttiva tal-Kunsill ta' l-20 ta' Jannar 2004.

[2] ĠU L 129, ta'-14.5.1992, p. 154.

[3] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 36).

[4] ĠU L 57, tat-2.3.1992, p. 27. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/85/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 327, ta' l-4.12.2002, p. 8).

--------------------------------------------------

Top