EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R0216

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 216/2001 tad-29 ta’ Jannar 2001 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 404/93 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana

ĠU L 31, 2.2.2001, p. 2–4 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2007; Impliċitament imħassar minn 32007R1234

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/216/oj

32001R0216



Official Journal L 031 , 02/02/2001 P. 0002 - 0004


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 216/2001

tad-29 ta’ Jannar 2001

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 404/93 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) Kien hemm kuntatti numerużi mill-qrib ma’ pajjiżi fornituri u ma’ partijiet oħra interessati biex jiġi solvut it-tilwim imqanqal mir-reġim tal-importazzjoni stabbilit bir-Regolament (KEE) Nru 404/93 [4] u biex jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-grupp speċjali mwaqqaf bis-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

(2) Analiżi tal-alternattivi kollha preżentati mill-Kummissjoni tissuġġerixxi li t-twaqqif ta’ sistema ta’ importazzjoni għal żmien medju bażata fuq l-applikazzjoni ta’ dazju doganali b’rata xierqa u l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali tal-importazzjoni minn pajjiżi ACP tipprovdi l-aħjar garanzija, l-ewwelnett li jinkisbu l-għanijiet tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fir-rigward tal-produzzjoni tal-Komunità u d-domanda mill-konsumatur, u t-tieni, li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-kummerċ internazzjonali, u t-tielet li jiġi evitat aktar tilwim.

(3) Iżda, sistema bħal din għandha tiġi introdotta malli jitlestew in-negozjati ma’l-imsieħba tal-Komunità b’konformità mal-proċeduri tal-WTO, b’mod partikolari l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT). Ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati għandu jitressaq għall-approvazzjoni tal-Kunsill li għandu wkoll, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jistabbilixxi l-livell applikabbli tat-Tariffi Komuni Doganali.

(4) Sakemm jidħol fis-seħħ dak ir-reġim, il-Komunità għandha tiġi fornuta taħt diversi kwoti tat-tariffi miftuħa għall-importazzjoni mill-pajjiżi kollha u mmaniġġati b’konformità mar-rakommandazzjonijiet magħmula mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim. L-ewwel kwota tat-tariffa ta’ 2200000 tunnellata metrika b’rata ta’ EUR 75 għandha tkun marbuta fl-WTO. It-tieni, kwota addizzjonali tat-tariffa ta’ 353000 tunnellata metrika għandha tiġi miftuħa biex tlaħħaq maż-żieda fil-konsum li tirriżulta mit-tkabbir tal-Komunità fl-1995, bl-applikazzjoni tal-istess rata. Sabiex tiġi żgurata provvista sodisfaċenti lill-Komunità, għandha tinfetaħ it-tielet kwota tat-tariffa awtonoma ta’ 850000 tunnellata metrika, ukoll għall-pajjiżi kollha. Taħt din l-aħħar kwota tat-tariffa, għandha ssir dispożizzjoni għall-possibiltà, skond il-proċedura approprjata, għal tnaqqis fid-dazju doganali applikabbli sabiex titħalla l-importazzjoni effettiva tal-banana li toriġina f’pajjiżi terzi li ma jibbenefikawx minn preferenzi fit-tariffi mogħtija fir-rigward tal-banana li toriġina fil-pajjiżi ACP.

(5) In vista tal-obbligi kontrattwali lejn il-pajjiżi ACP u l-ħtieġa li jiġu ggarantiti lilhom kondizzjonijiet xierqa tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta’ preferenza fit-tariffa ta’ EUR 300 għal kull tunnellata metrika lill-banana li toriġina f’dawk il-pajjiżi għandha tippermetti li jinżammu l-flussi kummerċjali in kwistjoni. Din sa tkun tinvolvi b’mod partikolari l-applikazzjoni fuq importazzjoni bħal din ta’ dazju doganali ta’ żero taħt it-tliet kwoti tat-tariffa.

(6) Il-Kummissjoni għandha tiġi awtorizzata biex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi provvedituri li jkollhom interess sostanzjali li jfornu s-suq tal-Komunità biex jipprovaw jiksbu allokazzjoni negozjata tal-ewwel żewġ kwoti tat-tariffi. Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata l-awtorità biex tistabbilixxi regoli għall-immaniġġar tal-kwoti tat-tariffi mwaqqfa b’dan ir-Regolament.

(7) Għandha ssir dispożizzjoni biex il-kwota tat-tariffa addizzjonali ta’ 353000 tunnellata metrika tiġi mmodifikata biex tieħu in konsiderazzjoni kwalunkwe żieda fid-domanda tal-Komunità li titfaċċa meta jsir supply balance. Għandha ssir dispożizzjoni wkoll biex tittieħed azzjoni speċifika xierqa bħala reazzjoni għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li x’aktarx jeffettwaw il-provvista fis-suq tal-Komunità.

(8) Ir-Regolament (KEE) Nru 404/93 għandu għalhekk jiġi emendat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 404/93 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1. Artikoli 16 sa 20 għandhom jinbidlu b’li ġej:

"Artikolu 16

1. Dan l-Artikolu u Artikoli 17 sa 20 għandhom jgħoddu għall-importazzjoni ta’ prodotti friski li jaqgħu fil-kodiċi NM ex08030019 sad-dħul fis-seħħ tar-rata tat-tariffa doganali komuni għal dawk il-prodotti, mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006, stabbilita taħt il-proċedura prevista f’Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ.

2. Sakemm tidħol fis-seħħ ir-rata msemmija fil-paragrafu 1, l-importazzjoni msemmija fl-imsemmi paragrafu għandha tkunu taħt il-kwoti tat-tariffi miftuħa minn Artikolu 18.

Artikolu 17

Safejn ikun meħtieġ, l-importazzjoni tal-banana fil-Komunità għandha tkun soġġetta għal sottomissjoni ta’ liċenza tal-importazzjoni, li għandha tinħareġ mill-Istati Membri lil kull parti interessata, irrispettivament mill-post fejn ikunu stabbiliti fil-Komunità u bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi adottati għall-applikazzjoni ta’ Artikoli 18 u 19.

Dawn il-liċenzi tal-importazzjoni għandhom ikunu validi fil-Komunità kollha. Ħlief fejn jiġu adottati derogi taħt il-proċedura stabbilita f’Artikolu 27, il-ħruġ tal-liċenzi għandu jkun soġġett għad-depożitu ta’ garanzija kontra rabta għall-importazzjoni skond it-termini ta’ dan ir-Regolament waqt il-perjodu tal-validità tal-liċenza. Ħlief fil-każijiet ta’ force majeure, il-garanzija għandha tintilef kollha jew parti minnha jekk l-operazzjoni ma titwettaqx jew titwettaq parti biss minnha fiż-żmien preskritt.

Artikolu 18

1. Kull sena mill-1 ta’ Jannar għandhom jinfetħu l-kwoti tat-tariffa li ġejjin:

(a) kwota tat-tariffa ta 2200000 tunnellata metrika piż nett, imsejħa ‘il-kwota A’;

(b) kwota addizzjonali tat-tariffa ta’ 353000 tunnellata metrika piż nett, imsejħa ‘il-kwota B’;

(ċ) kwota awtonoma tat-tariffa ta’ 850000 tunnellata metrika piż nett, imsejħa ‘il-kwota Ċ’.

Dawn il-kwoti tat-tariffa għandhom jinfetħu għal importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi terzi kollha.

Il-Kummissjoni tista’, abbażi ta’ ftehim ma’ partijiet kontraenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ b’interess sostanzjali fil-provvista tal-banana, talloka l-kwoti tat-tariffi ‘A’ u ‘B’ fost il-pajjiżi fornituri.

2. L-importazzjoni taħt il-kwoti tat-tariffa ‘A’ u ‘B’ għandha tkun soġġetta għal dazju doganali ta’ EUR 75 għal kull tunnellata metrika.

3. L-importazzjoni taħt il-kwota tat-tariffa ‘Ċ’ għadha tkun soġġetta għal dazju doganali ta’ EUR 300 għal kull tunnellata metrika.

Id-dazju doganali deskritt fl-ewwel subparagrafu jista’ jitnaqqas matul is-sena mill-Kummissjoni safejn dan ikun metħeiġ biex tiġi żgurata l-possibiltà ta’ importazzjoni effettiva ta’ banana li toriġina f’pajjiżi terzi li ma jibbenefikawx mill-preferenza fit-tariffa tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

L-arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura stabbilita f’Artikolu 27.

4. Preferenza fit-tariffa ta’ EUR 300 għal kull tunellata metrika għandha tgħodd għall-importazzjoni li toriġina mill-pajjiżi ACP sew taħt kif ukoll barra mill-kwoti tat-tariffi.

5. Ir-rati tad-dazju doganali ffissati f’dan l-Artikolu għandhom jinqalbu fil-valuta nazzjonali skond ir-rati applikabbli għall-prodotti in kwistjoni għall-finijiet tat-tariffa komuni tad-dwana.

6. Il-kwota addizzjonali tat-tariffa prevista fil-paragrafu 1(b) tista’ tiżdied jekk id-domanda fil-Komunità tiżdied kif ikun indikat minn balance sheet tal-produzzjoni, tal-konsum, tal-importazzjoni u l-esportazzjonijiet.

Il-balance sheet għandha tiġi adottata u l-kwota tat-tariffa miżjuda taħt il-proċedura spjegata f’Artikolu 27.

7. Fejn il-provvista tas-suq tal-Komunità tkun soġġetta għal ċirkostanzi eċċezzjonali li jeffettwaw il-produzzjoni jew l-importazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri speċifiċi meħtieġa skond il-proċedura spjegata f’Artikolu 27.

F’każijiet bħal dawn, il-kwota addizzjonali tat-tariffa ‘B’ tista’ tiġi aġġustata abbażi tal-balance sheet imsemmija fil-paragrafu 6. Il-miżuri speċifiċi jistgħu jidderogaw mir-regoli adottati skond Artikolu 19(1). Dawn m’għandhomx jiddiskriminaw bejn pajjiżi terzi.

8. Il-banana li terġa’ tiġi esportata mill-Komunità m’għandhiex titnaqqas mill-kwoti korrispondenti tat-tariffa.

Artikolu 19

1. Il-kwoti tat-tariffa jistgħu jiġu amministrati b’konformità mal-metodu bażat fuq il-konsiderazzjoni tal-flussi kummerċjali tradizzjonali (‘dawk tradizzjonali/dawk ġodda’) u/jew skond metodi oħra.

2. Il-metodu adottat għandu jikkunsidra kif ikun approprjat il-ħtieġa li jinżamm l-ekwilibriju fil-provvista tas-s-suq tal-Komunità.

Artikolu 20

Il-Kummissjoni għandha tadotta dispożizzjonijeit biex timplimenta dan it-Titolu taħt il-proċedura spjegata f’Artikolu 27. L-iskop tagħhom għandu jinkludi:

(a) regoli dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffa msemmija f’Artikolu 18;

(b) meta tkun meħtieġa, garanzija tan-natura u l-oriġini tal-prodotti;

(ċ) miżuri meħtieġa biex jiżguraw ir-rispett lejn l-obbligazzjonijiet li joħorġu minn ftehim konkluż mill-Komunità taħt Artikolu 300 tat-Trattat."

2. Is-seba’ inċiż ta’ Artikolu 29 għandu jinbidel b’li ġej:

"— il-kwantitajiet ta’ banana tal-Komunità u ta’ l-ACP u banana ġejja minn pajjiżi terzi li ma jkunux pajjiżi ACP, mqiegħda fis-suq fit-territorju tagħhom."

3. L-Anness għandu jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu jgħodd mill-1 ta’ April 2001. Iżda l-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 27, tittardja d-data mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2001, jekk dan jiġi ppruvat li jkun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-modifiki fl-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffi.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta’ Jannar 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Winberg

[1] ĠU C 177 E, tas-27.06.00, p. 28.

[2] L-opinjoni mogħtija fit-13.12.2000 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 140, tat-18.05.00, p. 6.

[4] ĠU L 47, tal-25.2.1993, p. 1. Ir-Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 (ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80).

--------------------------------------------------

Top