Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012JN06

    Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika- ANNESS VI Żvilupp rurali (imsemmi fl-Artikolu 35 (2) tal-Att tal-Adeżjoni)

    ĠU L 112, 24.4.2012, p. 87–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 300, 9.11.2013, p. 88–89 (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/acc_2012/anx_6/sign

    24.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 112/6


    ANNESS VI

    Żvilupp rurali (imsemmi fl-Artikolu 35 (2) tal-Att tal-Adeżjoni)

    MIŻURI ADDIZZJONALI TEMPORANJI DWAR L-IŻVILUPP RURALI GĦALL-KROAZJA

    A.   Appoġġ għall-azjendi agrikoli ta' semisussistenza taħt ristrutturazzjoni

    Fil-qafas leġislattiv dwar l-iżvilupp rurali għall-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020, fir-rigward tal-Kroazja, għandu jingħata appoġġ speċjali għall-azjendi agrikoli ta' semisussistenza, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, għal bdiewa fir-rigward ta' applikazzjonijiet approvati sal-31 ta' Diċembru 2017, dment li ma jkunux previsti miżuri u/jew appoġġ ġenerali simili fir-regolament l-ġdid dwar l-iżvilupp rurali għall-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020.

    B.   Gruppi ta' produtturi

    Fil-qafas leġislattiv dwar l-iżvilupp rurali għall-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020, fir-rigward tal-Kroazja, għandu jingħata appoġġ speċjali biex jiġu ffaċilitati l-istabbiliment u l-operat amministrattiv tal-gruppi ta' produtturi, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, għal gruppi ta' produtturi li huma rikonoxxuti uffiċjalment mill-awtorità kompetenti tal-Kroazja sal-31 ta' Diċembru 2017, dment li ma jkunux previsti miżuri u/jew appoġġ ġenerali simili fir-regolament l-ġdid dwar l-iżvilupp rurali għall-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020.

    C.   Leader

    Fil-qafas leġislattiv tal-iżvilupp rurali għall-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020, fir-rigward tal-Kroazja, il-kontribuzzjoni minima mill-FAEŻR għall-programm ta' żvilupp rurali għal Leader għandha tkun stabbilita medjament f'livell li huwa mill-anqas nofs il-perċentwali tal-baġit li għandu jkun applikabbli għall-Istati Membri l-oħrajn, jekk jiġi stabbilit dan ir-rekwiżit.

    D.   Supplimenti għall-pagamenti diretti

    1.

    Jista' jingħata appoġġ lil bdiewa li huma eliġibbli għal pagamenti jew għajnuniet diretti nazzjonali komplementari skont l-Artikolu 132 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009.

    2.

    L-appoġġ mogħti lil bidwi fir-rigward tas-snin 2014, 2015 u 2016 ma għandux jeċċedi d-differenza bejn:

    (a)

    il-livell ta' pagamenti diretti applikabbli fil-Kroazja għas-sena kkonċernata f'konformità mal-Artikolu 121 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, u

    (b)

    45 % tal-livell ta' pagamenti diretti applikabbli fl-Unjoni kif kostitwiti fit-30 ta' April 2004 fis-sena rilevanti.

    3.

    Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-appoġġ mogħti taħt din subsezzjoni D fil-Kroazja fir-rigward tas-snin 2014, 2015 u 2016 ma għandhiex teċċedi l-20 % tal-allokazzjoni annwali rispettiva tagħha taħt il-FAEŻR.

    4.

    Ir-rata ta' kontribuzzjoni tal-Unjoni għas-supplimenti għall-pagamenti diretti ma għandhiex teċċedi 80 %.

    E.   Strument għall-assistenza ta' qabel l-adeżjoni - Żvilupp rurali

    1.

    Il-Kroazja tista' tkompli tintrabat f'kuntratti jew tidħol f'impenji taħt il-programm IPARD skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat-12 ta' Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta' qabel l-adeżjoni (IPA) (1) sa ma tibda tintrabat f'kuntratti jew tidħol f'impenji skont ir-Regolament rilevanti dwar l-iżvilupp rurali. Il-Kroazja għandha tinforma lill-Kummissjoni bid-data li fiha tibda tintrabat f'kuntratti jew tidħol f'impenji skont ir-Regolament rilevanti dwar l-iżvilupp rurali.

    2.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għal dan il-għan f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 182/2011. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-IPA msemmi fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006.

    F.   Evalwazzjoni ex post tal-IPARD

    Fil-qafas leġislattiv dwar l-iżvilupp rurali għall-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm tal-IPARD għall-Kroazja, l-infiq relatat mal-evalwazzjoni ex post tal-programm tal-IPARD previst fl-Artikolu 191 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 jista' jkun eliġibbli taħt l-assistenza teknika.

    G.   Modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli

    Fil-qafas leġislattiv dwar l-iżvilupp rurali għall-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020, fir-rigward tal-Kroazja, l-intensità massima ta' għajnuna għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli għandha tkun ta' 75% tal-ammont ta' investiment eliġibbli għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (2), fi ħdan perijodu massimu ta' erba' snin mid-data tal-adeżjoni skont l-Artikoli 3(2) u 5(1) ta' dik id-Direttiva.

    H.   Żamma ta' standards

    Fil-qafas leġislattiv dwar l-iżvilupp rurali għall-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020, fir-rigward tal-Kroazja, ir-rekwiżiti amministrattivi statutorji msemmija fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 applikabbli f'dak il-perijodu ta' programmazzjoni għandhom jiġu rispettati skont l-iskeda ta' żmien li ġejja: ir-rekwiżiti msemmija fil-Punt A tal-Anness II għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014; ir-rekwiżiti msemmija fil-Punt B tal-Anness II għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2016; u r-rekwiżiti msemmija fil-punt C tal-Anness II għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2018.


    (1)  ĠU L 170, 29.6.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.


    Top