Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Strument ta’ Appoġġ Tekniku tal-UE (2021–2027)

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 2021/240 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Għandu l-għan li jassigura li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tkompli tipprovdi għarfien espert personalizzat fuq il-post u tappoġġa lill-Istati Membri tal-UE biex itejbu l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva tagħhom sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw ir-riformi.

PUNTI EWLENIN

Objettivi

Biex jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE billi jgħinu l-Istati Membri jimplimentaw ir-riformi, ir-regolament għandu l-għan li jassisti l-awtoritajiet nazzjonali biex itejbu l-kapaċità tagħhom sabiex:

  • ifasslu, jiżviluppaw u jimplimentaw ir-riformi;
  • jippreparaw, jemendaw, jimplimentaw u jirrevedu pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza skont ir-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza (ara s-sommarju).

Kamp ta’ applikazzjoni

L-objettivi speċifiċi jirreferu għal għadd ta’ oqsma ta’ politika b’enfażi speċifika fuq azzjonijiet li jsawru t-tranżizzjonijiet diġitali, ġusti u ekoloġiċi. Dawn jinkludu:

  • l-immaniġġjar pubbliku finanzjarju u ta’ assi, il-proċess tal-baġit, inkluż baġit ekoloġiku u skont il-ġeneri, qafas makro-fiskali, il-maniġment ta’ dejn u flus kontanti, in-nefqa u l-politika tat-tassazzjoni;
  • riformi istituzzjonali, is-simplifikazzjoni ta’ regoli u proċeduri, ir-riformi tas-sistemi tal-ġustizzja, it-tisħiħ ta’ superviżjoni finanzjarja u r-rinfurzar tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;
  • l-ambjent tan-negozju, l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid u r-rilokazzjoni tal-produzzjoni lejn l-UE, l-iżvilupp sostenibbli settorjali u l-appoġġ għar-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni;
  • l-edukazzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-politiki taż-żgħażagħ , il-politiki dwar is-suq tax-xogħol, it-taħriġ mill-ġdid u mtejjeb b’mod partikolari l-ħiliet diġitali, il-litteriżmu dwar il-midja, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, l-inugwaljanzi fid-dħul u kull forma ta’ diskiriminazzjoni;
  • il-kura tas-saħħa pubblika, sistemi tas-sigurtà soċjali, il-kura u l-benesseri u l-kura tat-tfal aċċessibbli, affordabbli u reżiljenti;
  • politiki għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, tranżizzjonijiet diġitali, ġusti u ekoloġiċi, tagħlim elettroniku, l-użu ta’ intelliġenza artifiċjali, it-trasport u l-mobilità, l-indirizzar tal-faqar fl-enerġija u l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, il-protezzjoni tal-ħamrija u l-bijodiversità, is-sajd u l-iżvilupp sostenibbli ta’ żoni rurali, remoti u insulari;
  • il-politiki u r-regolamenti tas-settur finanzjarju, inkluż il-litteriżmu finanzjarju, l-istabbiltà finanzjarja, l-aċċess għall-finanzi u s-self għall-ekonomija reali, partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, persuni li jaħdmu għal rashom u l-imprendituri;
  • il-produzzjoni, il-provvista u l-monitoraġġ tal-kwalità tad-data u l-istatistika;
  • il-preparazzjoni għas-sħubija fiż-żona tal-euro;
  • sejbien bikri ta’ u rispons ikkoordinat għal riskji sostanzjali tas-saħħa pubblika jew tas-sigurtà, kif ukoll l-assigurazzjoni tal-kontinwità tan-negozju u tas-servizz għal istituzzjonijiet u setturi essenzjali pubbliċi u privati.

Appoġġ tekniku

Biex jikseb l-oġġettivi tar-regolament, l-istrument ser jiffinanzja għadd ta’ tipi ta’ azzjonijiet li jinkludu, imma mhumiex limitati għal:

  • provvista ta’ kompetenza relatata ma’ pariri politiċi, tibdil tal-politika, formulazzjoni ta’ strateġiji u pjan direzzjonali ta’ riformi kif ukoll għal riformi leġiżlattivi, istituzzjonali, strutturali u amministrattivi;
  • provvista ta’ esperti għal perjodu ta’ żmien qasir jew twil, inkluż esperti residenti biex iwettqu dmirijiet f’oqsma speċifiċi jew biex iwettqu attivitajiet operazzjonali;
  • bini tal-kapaċità istituzzjonali, amministrattiva jew settorjali u azzjonijiet ta’ appoġġ relatat f’kull livell ta’ governanza, li jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal- organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
  • organizzazzjoni ta’ appoġġ lokali operazzjonali fl-oqsma bħall-ażil, il-migrazzjoni u l-kontroll fuq il-fruntiera;
  • it-twettiq ta’ studji, inkluż studji ta’ fattibilità, riċerka, analiżi u stħarriġ, evalwazzjonijiet u valutazzjoni tal-impatt.

Stati Membri li jixtiequ jirċievu appoġġ tekniku għandhom jissottomettu talba għal dan lill-Kummissjoni billi jidentifikaw l-oqsma ta’ politika u l-prioritajiet.

Baġit

  • Il-baġit għall-istrument għall-perjodu huwa EUR 864 miljun fi prezzijiet kurrenti.
  • L-Istati Membri jistgħu jittrasferixxu riżorsi addizzjonali lill-baġit tal-istrument biex jiffinanzjaw azzjonijiet eliġibbli għall-appoġġ tekniku li mbagħad jiġu użati esklussivament għall-benefiċċju ta’ dak l-Istat Membru kkonċernat.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mid-.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, , pp. 1-16).

l-aħħar aġġornament

Top