This document is an excerpt from the EUR-Lex website
L-UE ma għandha ebda setgħa biex timponi jew tiġbor taxxi — dawn is-setgħat huma f’idejn l-Istati Membri tal-UE. L-enfasi ewlenija tal-politika fiskali tal-UE hija fuq l-operat bla xkiel tas-suq uniku tagħha, jiġifieri li tiżgura li l-attività ekonomika transkonfinali ma tiġix imxekkla minn ostakoli fiskali u li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Hija tfittex li tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji ma jesperjenzawx diffikultajiet fir-rigward tat-tassazzjoni doppja, distorsjoni tal-kompetizzjoni, fit-talbiet għar-rifużjonijiet tat-taxxa u fil-kisba ta’ informazzjoni dwar ir-regoli fiskali fir-rigward ta’ Stati Membri oħrajn.
L-isforzi tal-UE fl-armonizzazzjoni huma predominantement ikkonċentrati fuq il-leġiżlazzjoni dwar it-taxxi imposti fuq merkanzija u servizzi (taxxi indiretti, bħat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u d-dazji tas-sisa imposti fuq prodotti tal-enerġija, l-elettriku, l-alkoħol u t-tabakk manifatturat) aktar milli t-taxxi fuq id-dħul jew il-profitti (taxxi diretti). Madankollu, sar progress fuq miżuri li huma intiżi biex jittrattaw l-evażjoni fiskali fuq it-tfaddil u l-assistenza reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa.
Id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw it-tassazzjoni huma stipulati fl-Artikoli 110 sa 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. L-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni armonizzata dwar it-tassazzjoni teħtieġ il-qbil unanimu tal-Istati Membri kollha fil-Kunsill, fattur li kellu t-tendenza li jaġixxi bħala brejk fuq l-adozzjoni ta’ regoli komuni. B’riżultat ta’ dan, riċentement, grupp ta’ 11-il Stat Membru ġew awtorizzati jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u issa qed isir użu dejjem akbar ta’ approċċi mhux vinkolanti, bħal rakkomandazzjonijiet, bħala mezz ta’ kif tinkiseb il-koordinazzjoni fil-qasam fiskali.