Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0794

    2012/794/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2012 li tawtorizza lill-Bulgarija u lir-Rumanija biex japplikaw miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 349, 19/12/2012, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/794/oj

    19.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 349/55


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tas-17 ta’ Diċembru 2012

    li tawtorizza lill-Bulgarija u lir-Rumanija biex japplikaw miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    (2012/794/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    B’ittra rreġistrata għand il-Kummissjoni fil-25 ta’ Mejju 2011, il-Bulgarija u r-Rumanija talbu awtorizzazzjoni biex jidderogaw mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE, li jirregola l-ambitu territorjali ta’ dik id-Direttiva, fir-rigward ta’ manutenzjoni, tiswija u ċċarġjar ta’ pedaġġi fir-rigward tal-pont tal-fruntiera fuq ix-xmara Danubju bejn Vidin (Bulgarija) u Calafat (Rumanija) (“id-deroga mitluba”). Il-Bulgarija u r-Rumanija ssostitwixxew parzjalment id-deroga mitluba permezz ta’ ittra rreġistrata għand il-Kummissjoni fis-7 ta’ Marzu 2012.

    (2)

    B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet id-deroga mitluba lill-Istati Membri l-oħrajn permezz ta’ ittra ddatata 17 ta’ Lulju 2012, bl-eċċezzjoni ta’ Spanja li kienet infurmata b’ittra ddatata 18 ta’ Lulju 2012. Permezz ta’ ittra ddatata 19 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Bulgarija u lir-Rumanija li hi kellha l-informazzjoni kollha li kienet tikkunsidra meħtieġa sabiex tqis id-deroga mitluba.

    (3)

    Fir-rigward tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-pont, id-deroga mitluba hija li l-fruntiera territorjali bejn il-Bulgarija u r-Rumanija tkun ikkunsidrata bħala li tinsab fin-nofs tal-pont.

    (4)

    Fir-rigward ta’ ċċarġjar ta’ pedaġġi biex wieħed jaqsam il-pont, id-deroga mitluba hija li t-tul kollu tal-pont ikun ikkunsidrat bħala li jinsab fuq it-territorju tal-Istat Membru li fih jibda xi vjaġġ ta’ transitu. B’hekk il-VAT Bulgara biss se tiġi imposta fuq il-pedaġġ kollu tal-vjaġġi kollha li jibdew minn naħa Bulgara. Bl-istess mod, il-VAT Rumena biss se tiġi imposta fuq vjaġġi li jibdew minn naħa Rumena.

    (5)

    Fin-nuqqas ta’ dawn il-miżuri ta’ deroga, l-ewwelnett, id-determinazzjoni tal-post ta’ provvista għall-manutenzjoni, tiswija u ċċarġjar ta’ pedaġġi tkun tiddipendi fuq l-istabbiliment preċiż tal-fruntiera territorjali fuq ix-xmara Danubju li, fil-prattika, tkun ferm diffiċli għall-persuni taxxabbli involuti. It-tieni, fir-rigward ta’ ċċarġjar ta’ pedaġġi, kemm il-VAT Bulgara kif ukoll dik Rumena jkollhom ikunu applikati fuq il-pedaġġ impost għal vjaġġ f’direzzjoni waħda fuq il-pont. Il-miżuri ta’ deroga huma għalhekk maħsuba biex jissimplifikaw il-ġbir tal-VAT applikabbli.

    (6)

    Ladarba d-deroga mitluba tikkonċerna l-ambitu territorjali għal skopijiet ta’ VAT, li lilu m’għandu jkun hemm l-ebda tibdil fil-futur, id-deroga mitluba għandha tkun awtorizzata għal perijodu indefinit.

    (7)

    Id-deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ taxxa miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effetti negattivi fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-valur miżjud,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Bulgarija u r-Rumanija huma b’dan awtorizzati biex japplikaw id-derogi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-Deċiżjoni fir-rigward tal-manutenzjoni, tiswija u ċċarġjar ta’ pedaġġi fir-rigward tal-pont tal-fruntiera fuq ix-xmara Danubju bejn Vidin (Bulgarija) u Calafat (Rumanija).

    Artikolu 2

    Biex jiġi stabbilit il-post ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli rigward il-manutenzjoni jew it-tiswija tal-pont transkonfinali, il-konfini territorjali għandu jitqies bħala li jinsab fin-nofs tal-pont għall-provvista ta’ prodotti u servizzi, akkwisti intra-Komunitarji u importazzjonijiet ta’ oġġetti maħsuba għal dik il-manutenzjoni jew tiswija.

    Artikolu 3

    Biex jiġi stabbilit il-post ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli rigward l-iċċarġjar ta’ pedaġġi, it-tul kollu tal-pont tal-fruntiera għandu jitqies bħala li jinsab fuq it-territorju tal-Istat Membru li fih jibda xi vjaġġ ta’ transitu.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija u lir-Rumanija.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. ALETRARIS


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


    Top