Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0048

    Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 22 ta' Diċembru 2004 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment kontra telf taħt self għal ċerti tipi ta’ proġetti fir-Russja, l-Ukraina, il-Moldova u l-Belarus

    ĠU L 21, 25/01/2005, p. 11–12 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 159M, 13/06/2006, p. 68–69 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/48(1)/oj

    13.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    68


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-22 ta' Diċembru 2004

    li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment kontra telf taħt self għal ċerti tipi ta’ proġetti fir-Russja, l-Ukraina, il-Moldova u l-Belarus

    (2005/48/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 181A tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    B’sostenn għall-politika tal-Pajjiżi Ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jixtieq jagħmilha possibbli għall-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (EIB) li jagħti self għal ċerti tipi ta’ proġetti fir-Russja u fl-Istati Indipendenti Ġodda tal-Punent (“WNIS”), jiġifieri l-Belarus, il-Moldova u l-Ukraina.

    (2)

    B’sostenn għall-inizjattiva tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mnedija mill-Kunsill ta’ Ħelsinki ta’ Diċembru 1999, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/777/KE tas-6 ta’ Novembru 2001 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment kontra telf taħt azzjoni ta’ self speċjali għal proġetti ambjentali magħżula fil-baċin tar-Russja tal-Baħar Baltiku taħt id-Dimensjoni tat-Tramuntana (2) ġiet adottata.

    (3)

    Is-self ta’ l-EIB taħt id-Deċiżjoni 2001/777/KE issa qed joqrob lejn il-limitu massimu tiegħu.

    (4)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill ta’ l-Ecofin tal-25 ta’ Novembru 2003 approva allokazzjoni addizzjonali għal self lir-Russja u lid-WNIS mill-EIB, bħala żvilupp ieħor tad-Deċiżjoni 2001/777/KE għal proġetti fl-oqsma fejn l-EIB għandu vantaġġ komparattiv u fejn hemm domanda għal kreditu li ma ġietx issodisfata. L-oqsma fejn l-EIB hu kkunsidrat li għandu “vantaġġ komparattiv” huma: l-ambjent kif ukoll l-infrastruttura tat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija fuq assi prijoritarji tar-rettikolat Trans-Ewropew (“TEN”) li għandhom implikazzjonijiet trans-konfini għal xi Stat Membru.

    (5)

    Il-mandat ta’ self għandu jkun soġġett, min-naħa waħda, għal kondizzjonalità xierqa konsistenti ma’ ftehim ta’ livell għoli ta’ l-UE dwar aspetti politiċi u makro-ekonomiċi, u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra dwar aspetti settorjali u ta’ proġett, u min-naħa l-oħra, għal tqassim ta’ xogħol xieraq bejn l-EIB u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD).

    (6)

    Il-finanzjament ta’ l-EIB għandu jkun amministrat skond il-kriterji u l-proċeduri normali ta’ l-EIB, inklużi miżuri xierqa ta’ kontroll, kif ukoll skond ir-regoli u l-proċeduri rilevanti li jikkonċernaw il-Qorti ta’ l-Awdituri u l-OLAF, b’tali mod li jiġu sostnuti l-linji politiċi Komunitarji. Għandu jkun hemm konsultazzjoni regolari bejn l-EIB u l-Kummissjoni biex tiġi żgurata kordinazzjoni ta’ prijoritajiet u attivitajiet fil-pajjiżi in kwistjoni u biex jitkejjel il-progress lejn it-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ politika rilevanti tal-Komunità.

    (7)

    Din id-deċiżjoni ser jittieħed kont tagħha fil-qafas tal-valutazzjoni sħiħa f’Diċembru 2006 tal-mandat ta’ self ġenerali ta’ l-EIB għal proġetti barra l-Unjoni Ewropea.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għan

    Il-Komunità għandha tagħti lill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (minn hawn ’il quddiem “l-EIB”) garanzija fir-rigward tal-pagamenti kollha li ma rċeviex iżda li huma dovuti fir-rigward ta’ krediti miftuħa, skond il-kriterji normali tiegħu u b’sostenn għall-għanijiet rilevanti ta’ politika esterna tal-Komunità, għal proġetti ta’ investiment imwettqa fir-Russja u fl-Istati Indipendenti Ġodda tal-Punent, jiġifieri l-Belarus, il-Moldova u l-Ukraina.

    Artikolu 2

    Proġetti eliġibbli

    Proġetti eliġibbli ta’ interess sinifikanti għall-Unjoni Ewropea għandhom ikunu fis-setturi li ġejjin:

    l-ambjent;

    l-infrastruttura tat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija fuq assi prijoritarji tar-rettikolat Trans-Ewropew (“TEN”) li għandhom implikazzjonijiet trans-konfini għal xi Stat Membru.

    Artikolu 3

    Limitu massimu u kondizzjonijiet

    1.   Il-limitu globali tal-krediti miftuħa għandu jkun EUR 500 miljun.

    2.   L-EIB għandu jibbenefika minn garanzija Komunitarja eċċezzjonali ta’ 100 %, li għandha tkopri l-ammont totali tal-krediti miftuħa taħt din id-Deċiżjoni u s-somom kollha relatati.

    3.   Proġetti ffinanzjati minn self li għandu jkun kopert mill-garanzija għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

    (a)

    eliġibbiltà skond l-Artikolu 2;

    (b)

    koperazzjoni, u fejn hu xieraq ko-finanzjament, mill-EIB ma’ instituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra sabiex jiġi żgurat li r-riskju jinqasam b’mod raġonevoli u jkun hemm kondizzjonalità ta’ proġett xierqa.

    L-EIB għandu jaqsam ix-xogħol b’mod xieraq ma’ l-EBRD, skond modalitajiet miftiehma reċiprokament, u għandu jirrapporta għaldaqstant skond l-Artikolu 5. B’mod partikolari, l-EIB għandu jieħu vantaġġ mill-esperjenza ta’ l-EBRD fir-Russja u fid-WNIS.

    Artikolu 4

    Eliġibbiltà ta’ pajjiżi individwali

    Pajjiżi individwali għandhom isiru eliġibbli taħt il-limitu massimu skond u meta huma jissodisfaw kondizzjonalità xierqa konsistenti ma’ ftehim ta’ livell għoli ta’ l-Unjoni Ewropea mal-pajjiż in kwistjoni dwar aspetti politiċi u makro-ekonomiċi. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina meta pajjiż individwali jkun issodisfa l-kondizzjonalità xierqa u għandha tinnotifika lill-EIB b’dan.

    Artikolu 5

    Rapportar

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sena dwar l-operazzjonijiet ta’ self imwettqa taħt din id-Deċiżjoni u għandha, fl-istess ħin, tissottometti valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u tal-kordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali involuti fil-proġetti.

    Dik l-informazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-kontribut tas-self taħt din id-Deċiżjoni għat-twettiq ta’ l-għanijiet rilevanti ta’ politika esterna tal-Komunità.

    Għall-finijiet ta’ l-ewwel u t-tieni paragrafi, l-EIB għandu jittrasmetti lill-Kummissjoni l-informazzjoni xierqa.

    Artikolu 6

    Tul ta’ żmien

    Il-garanzija għandha tkopri self iffirmat sal-31 ta’ Jannar 2007.

    Jekk, sa l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, is-self mogħti mill-EIB ma jkunx laħaq il-limitu massimu globali msemmi fl-Artikolu 3(1), il-perijodu għandu jiġi estiż awtomatikament b’sitt xhur.

    Artikolu 7

    Dispożizzjonijiet finali

    1.   Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

    2.   L-EIB u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu t-termini li fuqhom għandha tingħata l-garanzija.

    Magħmula fi Brussell, nhar it-22 ta' Diċembru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. VEERMAN


    (1)  Opinjoni mogħtija nhar il-14 ta' Diċembru 2004 (Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal uffiċjali).

    (2)  ĠU L 292, 9.11.2001, p. 41.


    Top