Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22000A1116(01)

Il-konvenzjoni dwar il-ħarsien tax-xmara Renu

ĠU L 289, 16/11/2000, p. 31–37 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2000/706/oj

Related Council decision

22000A1116(01)



Official Journal L 289 , 16/11/2000 P. 0031 - 0037


Il-konvenzjoni dwar il-ħarsien tax-xmara Renu

IL-GVERNIJIET TA'

R-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

IR-RENJU TA' L-OLANDA,

IL-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA,

u L-KOMUNITÀ' EWROPEA,

XEWQANA li jaħdmu lejn l-iżvilupp sostenibbli ta' l-ekosistema tax-Xmara Renu fuq il-bażi ta' metodu komprensiv, li jqis ir-rikkezza naturali tax-xmara, ix-xtut u ż-żoni alluvjali tagħha,

XEWQANA li jżidu l-koperazzjoni tagħhom fir-rigward ta' konservazzjoni u titjib ta' l-eksistema tax-xmara Renu,

Waqt li jirreferu għall-Konvenzjoni ta' l-17 ta' Marzu 1992 dwar il-ħarsien u l-użu ta' kanali ta' l-ilma u għadajjar internazzjonali u l-Konvenzjoni tat-22 ta' Settembru 1992 dwar il-ħarsien ta' l-ambjent marittimu ta' l-Atlantiku tal-Grigal,

Wara li kkunsidraw ix-xogħol imwettaq taħt il-Ftehim tad-29 ta' April 1963 fir-rigward tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-ħarsien tax-xmara Renu kontra t-Tniġġis u l-Ftehim Addizzjonali tat-3 ta' Diċembru 1976,

Wara li kkunsidraw li jridu jsiru sforzi sabiex jiżdied it-titjib miksub fil-kwalità ta' l-ilma taħt il-Konvenzjoni tat-3 ta' Diċembru 1976 għall-ħarsien tar-Renu kontra tniġġis kimiku u taħt il-Programm t'azzjoni tar-Renu tat-30 ta' Settembru 1987,

Waqt li huma konsapevoli li r-ristawrar tar-Renu huwa meħtieġ ukoll sabiex tiġi konservata u mtejba l-ekosistema tal-Baħar tat-Tramuntana,

Konsapevoli mill-importanza tax-xmara Renu bħala kanal ta' l-ilma Ewropew u mid-diversi użi tagħha,

FTIEHMU kif ġej:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din il-Konvenzjoni:

(a) "Ix-xmara Renu" tfisser ir-Renu mill-fetħa ta' l-Għadira Untersee u, fl-Olanda, il-fergħat Bovenrijn, Bijlands Kanaal, Pannerdensch Kanaal, IJssel, Nederrijn, Lek, Waal, Boven-Merwede, Beneden-Merwede, Noord, Oude Maas, Nieuwe Maas u Scheur u l-Nieuwe Waterweg sal-linja bażi kif speċifikata fl-Artikolu 5 in konnessjoni ma' l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Ketelmeer u l-IJsselmeer;

(b) "Kummissjoni tfisser" il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tar-Renu (ICPR).

Artikolu 2

Kompetenza

Din il-Konvenzjoni tapplika għal:

(a) ix-xmara Renu;

(b) l-ilma ta' taħt l-art konness mar-Renu;

(ċ) l-ekosistemi akwatiċi u terrestri li jkollhom interazzjoni jew li jista' jkollhom interazzjoni mar -Renu;

(d) iż-żona mnejn jaqa' l-ilma ġo r-Renu, sa fejn it-tniġġis ta' din iż-żona minn sustanzi tossiċi jaffettwa r-Renu negattivament;

(e) iż-żona mnejn jaqa' l-ilma ġo r-Renu, sa fejn din tkun ta' importanza għall-prevenzjoni ta' l-għargħar u għall-protezzjoni matul ir-Renu.

Artikolu 3

Għanijiet

Il-Partiiet Kontraenti għandhom isegwu l-għanijiet li ġejjin permezz ta' din il-Konvenzjoni:

1. żvilupp sostenibbli ta' l-ekosistema tar-Renu, b' mod partikolari permezz ta':

(a) il-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità ta' l-ilmijiet tar-Renu, inkluża l-kwalità ta' materja sospiża, sedimenti u ilma ta' taħt l-art, partiklarment permezz ta'

- prevenzjoni, tnaqqis u eliminazzjoni kemm jista' jkun tat-tniġġis ikkawżat minn sustanzi tossiċi u minn nutrijenti, minn point sources (eż. l-industriji u muniċipalitajiet) u diffuse sources (eż. agrikoltura u traffiku), inkluż dak mill-ilma ta' taħt l-art-u tniġġis mit-trasport bil-baħar,

- billi tiġi garantita u mtejja s-sigurta' ta' installazzjonijiet u billi jiġu evitati inċidenti u disgrazzji;

(b) ħarsien tal-popolazzjonijiet ta' organismi u tad-diversità ta' l-ispeċi u t-tnaqqis ta' kontaminazzjoni minn sustanzi tossiċi f'organismi;

(ċ) manutenzjoni, titjib u ristawrar tal-funzjoni naturali ta' l-ilmijiet, waqt li jiġi żgurat li l-amministrazzjoni taċ-ċirkolazzjoni tieħu in konsiderazzjoni ċ-ċirkolazzjoni naturali ta' materja solida u tippromwovi interazzjonijiet bejn ix-xmara, l-ilma ta' taħt l-art u żoni alluvjali; konservazzjoni, ħarsien u riattivazzjoni ta' żoni alluvjali bħala pjanuri naturali ta' l-għargħar;

(d) konservazzjoni, titjib u ristawrar tal-biċċa l-kbira tal-ħabitats naturali għal fawna u flora selvaġġa fl-ilma, fuq il-qiegħ tax-xmara u xtut u f'żoni maġenbhom, u titjib tal-kondizzjonijiet ta' għixien għall-ħut u l-irristawrar tal-migrazzjoni ħielsa tagħhom;

(e) tmexxija ambjentali soda u razzjonali tar-risorsi ta' l-ilma;

(f) għandhom jiġu kunsidrati ħtiġijiet ekoloġiċi meta jkunu qegħdin jiġu implimentati miżuri tekniċi għall-iżvilupp tal-kanal ta' l-ilma, eż. għall-protezzjoni ta' pavimenti, trasport bil-baħar, jew l-użu ta' enerġija idroelettrika;

2. Il-produzzjoni ta' ilma tajjeb għax-xorb mill-ilmijiet tar-Renu;

3. titjib tal-kwalità tas-sediment sabiex il-materjal imħammel ikun jista' jiġi depożitat jew mifrux mingħajr ma jaffettwa l-ambjent b'mod negattiv;

4. prevenzjoni u ħarsien ġenerali mill-għargħar, wara li jiġu kunsidrati ħtiġijiet ekoloġiċi;

5. sabiex tiġi assistita r-ristawrazzjoni tal-Baħar tat-Tramuntana, flimkien ma' l-azzjonijiet l-oħra meħuda għall-ħarsien tiegħu.

Artikolu 4

Prinċipji

Għal dan il-għan, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiġu gwidati mill-prinċipji li ġejjin:

(a) prinċipju prekawzjonarju;

(b) ġrinċipju ta' azzjoni priventiva;

(ċ) prinċipju ta' rettifikazzjoni, bħala prijorita' fis-sors;

(d) il-prinċipju li min iniġġes iħallas;

(e) il-prinċipju li ma tiżdiedx il-ħsara;

(f) il-prinċipju ta' kumpens f'każ ta' miżuri tekniċi maġġuri;

(g) il-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli;

(h) l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-prattika l-iktar avvanzata li hija l-aħjar għall-ambjent;

(i) il-prinċipju li ma jiġix trasferit tniġġis ambjentali minn ambjent wieħed għall-ieħor.

Artikolu 5

Impenji tal-Partiiet Kontraenti

Li jiksbu l-għanijiet stabiliti fl-Artikolu 3, fl-ambitu tal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 4, il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom:

1. li jtejbu l-koperazzjoni tagħhom u li jinfurmaw lil-xulxin, partikolarment fir-rigward ta' azzjonijiet meħuda fit-territorju tagħom sabiex jiġi mħares ir-Renu;

2. li jimplimentaw fit-territorju tagħhom il-programmi internazzjonali ta' kejl u l-istudji ta' l-ekosistema tar-Renu miftiehma mill-Kummissjoni, u li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir -riżultati;

3. li jagħmlu analiżi bil-għan li jiġu identifikati l-kawżi u l-partijiet responsabbli għat-tniġġis;

4. li jinbdew l-azzjonijiet awtonomi li huma jqisu li huma meħtieġa fit-territorju tagħhom, u f'kull każ sabiex jiġi żgurat li

(a) ir-rimi ta' ilma maħmuġ li aktarx jista' jaffettwa l-kwalità ta' l-ilma huwa soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel jew għal regoli ġenerali li jistipulaw limiti ta' emissjoni;

(b) r-rimi ta' sustanzi perikolużi jiġi mnaqqas bil-mod bil-għan li jiġi eliminat kompletament;

(ċ) jiġi sorvelljat il-ħarsien ta' l-awtorizzazzjonijiet u tar-regoli ġenerali, kif ukoll ir-rimi;

(d) l-awtorizzazzjonijiet u r-regoli ġenerali jiġu eżaminati perjodikament u aġġustati kull fejn titjib sostanzjali fl-iktar teknoloġija avvanzata jippermetti li jsir dan, jew fejn din il-ħtieġa tinħoloq mill-istat tal-medju li jkun qiegħed jirċievi;

(e) ir-riskju ta' tniġġis minn inċidenti u diżgrazzji jiġi mnaqqas kemm jista' jkun minn regolamenti, u l-miżuri meħtieġa jittieħdu f'każ ta' emerġenza;

(f) miżuri tekniċi li aktarx jista' jkollhom effett serju fuq l-ekosistema jiġu soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel, flimkien mal-kondizzjonijiet meħtieġa, jew għal regolamenti ġenerali;

5. li jagħtu bidu għall-azzjonijiet meħtieġa fit-territorju tagħhom sabiex jiġu implimentati deċiżjonijiet meħudu mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 11;

6. fil-każ ta' inċidenti jew diżgrazzji li jistgħu jheddu l-kwalità ta' l-ilma tar-Renu jew fil-każ ta' għargħar iminenti, jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Partijiet Kontraenti li aktarx jistgħu jiġu affettwati, b'mod konformi mal-pjanijiet ta' twissja u avviż kordinati mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Kummissjoni

1. Sabiex jimplimentaw din il-Konvenzjoni, il-Partijiet Kontraenti għandhom isegwu l-koperazzjoni tagħhom fi ħdan il-Kummisjoni.

2. Il-Kummissjoni għandu jkollha personalità ġuridika. Fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti hija għandha, b'mod partikolari, tgawdi minn kapaċità legali mogħtija mil-liġi domestika lil persuni legali. Hija għandha tiġi rappreżentata mill-President tagħha.

3. Kwistjonijiet ta' leġislazzjoni ta' xogħol u kwistjonijiet soċjali għandhom jiġu regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn il-Kummissjoni għandha s-sede tagħha.

Artikolu 7

Organizzazzjoni tal-Kummissjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tikkonsisti fid-delegazzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti. Kull Parti Kontraenti għandha tappunta d-delegati tagħha, li wieħed minnhom għandu jkun il-kap tad-delegazzjoni.

2. Id-delegazzjonijiet jistgħu jimpjegaw is-servizz ta' esperti.

3. Il-Kummissjoni għandha tkun preseduta għal tliet snin minn kull delegazzjoni tal-Parti Kontraenti li jkun ikun imissha skond l-ordni li tinsab fil-preambolu. Id-delegazzjoni li tippresjedi l-Kummissjoni għandha tappunta l-President. Il-President m' għandux jaġixxi bħala l-persuna magħżula biex jitkellem f' isem id-delegazzjoni tagħha.

Jekk xi parti kontraenti tirrinunzja d-dritt tagħha li tippresjedi l-Kummissjoni, il-Parti Kontraenti li jkun imiss għandha tieħu is-Sede.

4. Il-Kummissjoni għandha tabbozza r-regoli ta' proċedura u r-regolamenti finanzjarji.

5. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' organizzazzjoni internazzjonali, l-istruttura ta' ħidma li hija tqis bħala meħtieġa u l-estimi annwali ta' ħidma.

Artikolu 8

Doveri tal-Kummissjoni

1. Sabiex tikseb l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3 il-Kummissjoni għandha twettaq id-dmirijiet li ġejjin:

(a) li tipprepara programmi u studji internazzjonali ta' kejl ta' l-ekosistema tax-xmara Renu u li tagħmel użu mir-risultati tagħhom, b' koperazzjoni ma' istituzjonijiet xjentifiċi jekk dan ikun meħtieġ;

(b) li tagħmel proposti għal miżuri individwali u għal programmi ta' miżuri, inklużi l-istrumenti ekonomiċi fejn dan ikun xieraq u wara li jiġu kunsidrati l-ispejjeż mistennija;

(ċ) li tikkooordina l-pjanijiet ta' twissija u ta' avviż ta' l-Istati Kontraenti għar-Renu;

(d) li tiġi evalwata l-effettività ta' l-azzjonijiet deċiżi, speċjalment fuq il-bażi tar-rapporti tal-Partijiet Kontraenti u tar-riżultati tal-programmi u studji ta' kejl ta' l-ekosistema tar-Renu;

(e) li twettaq kull dmirijiet oħra fdati lilha mill-Partijiet Kontraenti.

2. Għal dawn il-finijiet, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjonijiet b'mod konformi ma' l-Artikoli 10 u 11.

3. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta' attività annwali lill-Partijiet Kontraenti.

4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pubbliku dwar l-istat tar-Renu u r-riżultati ta' xogħolha. Hija tista' tabbozza u tippubblika rapPorti.

Artikolu 9

Sessjonijiet plenarji tal-Kummissjoni

1. Fuq stedina tal-President, il-Kummissjoni għandha tiltaqa' għal sessjoni plenarja waħda fis-sena.

2. Sessjonijiet plenarji straodinarji jistgħu jiġu msejjħa mill-President, fuq inizzjattiva tiegħu jew fuq talba ta' mill-inqas żewġ delegazzjonijiet.

3. Il-President għandu jipproponi l-aġenda. Kull delegazzjoni għandu jkollha d-dritt li jkollha l-punti li hija tixtieq li jiġu diskussi inklużi fuq l-aġenda.

Artikolu 10

Teħid ta' deċiżjonijiet mill-Kummissjoni

1. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jittieħdu unanimament.

2. Kull delegazzjoni għandu jkollha vot wieħed.

3. Jekk miżuri li jridu jiġu mwettqa mill-Partijiet Kontraenti b'mod konformi ma' l-Artikolu 8(1)(b) jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità Ewropea, din ta' l-aħħar għandha tivvota skond in-numru ta' voti ta' l-Istati Membri li jikkorrispondi man-numru ta' l-Istati Membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti ta' din il-Konvenzjoni, minkejja l-paragrafu 2 li hawn fuq. Il-Komunità Ewropea m' għandhiex tivvota f'każijiet fejn jivvotaw l-Istati Membri tagħha, u Viċi-versa.

4. L-astensjoni ta' delegazzjoni waħda biss m' għandhiex tikkostitwixxi impediment għall-unanimità. Dan m' għandux japplika għad-delegazzjoni tal-Komunità' Ewropea. In-nuqqas ta' delegazzjoni għandu jiġi meqjus bħala astensjoni.

5. Ir-regoli ta' proċedura jistgħu jipprovdu għal proċedura bil-miktub.

Artikolu 11

Implementazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Partijiet Kontraenti, fil-forma ta' rakkomandazzjonijiet, id-deċiżjonijiet tagħha dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 8(1)(b), li għandhom jiġu implimentati b'mod konformi mal-liġi nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti.

2. Il-Kummissjoni tista' tistipula li dawn id-deċiżjonijiet:

(a) għandhom jiġu applikati mill-Partijiet Kontraenti fuq il-bażi ta' skeda;

(b) għandhom jiġu implimentati b'mod koordinat.

3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni fir-rigward ta':

(a) il-miżuri leġislattivi, regolatorji u oħrajn li huma jkunu ħadu bil-għan li jiġu implimentati d-disposizzjoniijiet ta' din il-Konvenzjoni u fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni;

(b) ir-riżultati tal-miżuri implimentati b'mod konformi mas-subparagrafu (a);

(ċ) problemi li jinqalgħu fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fis-subparagrafu (a).

4. Jekk Parti Kontraenti ma tkunx tista' timplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, totalment jew parzjalment, hija għandha tirrapporta dan fi żmien limitu ta' żmien speċifiku iffissat mill-Kummissjoni skond il-merti partikolari ta' kull każ, u għandha tagħti r-raġunijiet tagħha. Kull delegazzjoni tista' tissottometti talba għal konsultazzjoni, fir-rigward ta' liema trid tingħata risposta fi żmien xahrejn.

Fuq il-bażi ta' rapporti mill-Partijiet Kontraenti jew ta' konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li għandhom jittieħdu miżuri sabiex jassistu l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet.

5. Il-Kummissjoni għandha żżomm lista tad-deċiżjonijiet tagħha indirizzati lill-Partijiet Kontraenti. Il-Partijiet Kontraenti għandhom kull sena jżidu mal-lista aġġornamenti dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, sa l-iktar tard xagħrejn qabel is-sessjoni plenarja tal-Kummissjoni.

Artikolu 12

Segretarjat tal-Kummissjoni

1. Il-Kummissjoni għandu jkollha sekretarjat permanenti, li għandu jwettaq id-doveri fdati lilu mill-Kummissjoni u għandu jaqa' taħt id-direzzjoni ta' segretarju eżekuttiv.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiddeċiedu dwar il-kwartjieri ġenerali tas-segretarjat.

3. Il-Kummissjoni għandha taħtar segretarju eżekuttiv.

Artikolu 13

Distribuzzjoni ta' l-ispejjeż

1. Kull Parti Kontraenti għandha terfa' l-ispejjeż tar-rappresentazzjoni tagħha fil-Kummissjoni u fl-istruttura operattiva tagħha, u kull Stat Kontraenti għandhu jerfa' l-ispejjeż ta' l-istudji u ta' l-azzjonijiet li huwa jwettaq fit-territorju tiegħu stess.

2. Id-distribuzzjoni ta' l-ispejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' l-estimi ta' ħidma annwali bejn il-Partijiet Kontraenti għandhom jiġu stipulati fir-regoli ta' proċedura u fir-regolamenti finanzjarji tal-Kummissjoni.

Artikolu 14

Koperazzjoni ma' l-Istati l-oħra, organizazzjonijiet oħrajn u esperti esterni.

1. Il-Kummissjoni għandha tikkoopera ma organizzazzjonijiet intergovermentali oħrajn u tista' tindirizza rakkomandazzjonijiet lilhom.

2. Il-Kummissjoni tista' tirrikonoxxi bħala osservanti:

(a) Stati li għandhom interess fix-xogħol tal-Kummissjoni;

(b) organizzazzjonijiet intergovernamentali li x-xogħol tagħhom huwa relatat mal-Konvenzjoni;

(ċ) organizzazzjonijiet non-governamentali, sa fejn l-isfera ta' interess jew l-attivitajiet tagħhom huma relevanti.

3. Il-Kummissjoni għandha tpartat informazzjoni ma' organizzazzjonijiet non-govermentali sa fejn l-isfera ta' interess jew l-attivitajiet tagħhom ikunu relevanti. Il-Kummissjoni għandha b' mod partikolari tikkonsulta lil dawn l-organizzazzjonijiet qabel ma tiddiskuti deċiżjonijiet li aktarx jista' jkollhom impatt importanti fuqhom, u għandha tinfurmahom malli jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet.

4. L-Osservaturi jistgħu jagħtu lill-Kummissjoni kull informazzjoni jew rapporti li huma relevanti għall-għanijiet tal-Konvenzjoni. Jistgħu jiġu mistiedna biex jipparteċipaw f'laqgħat tal-Kummissjoni mingħajr ma jkollhom dritt ta' vot.

5. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tikkonsulta speċjalisti li jirrapreżentaw l-organizazzjonijiet rikonoxxuti non-governmentali jew esperti oħrajn u tistedinhom għal-laqgħat tagħha.

6. Il-kondizzjonijiet għal koperazzjoni u dawk għal eliġibiltà u parteċipazzjoni għandhom jiġu stipulati fir-regoli ta' proċedura u regolamenti finanzjarji.

Artikolu 15

Lingwi ta' ħidma

Il-lingwi ta' ħidma tal-Kummissjoni għandhom ikunu l-Ġermaniż, il-Franċiż u l-Olandiż. Għandhom jiġu stipulati arranġamenti dettaljati fir-regoli ta' proċedura u fir-regolamenti finanzjarji.

Artikolu 16

Soluzzjoni ta' tilwim

1. Jekk tinqala' tilwima bejn Partijiet Kontraenti fir-rigward ta' l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni, il-Partijiet konċernati għandhom ifittxu soluzzjoni permezz ta' negozjati jew kull forma ta' soluzzjoni ta' tilwim aċċettabbli għalihom.

2. Jekk ma tistax tinsab soluzzjoni għat-tilwima b'dan il-mod, din għandha, sakemm il-Partijiet li jkunu involuti fi-tilwima ma jiddeċidux mod ieħor, tiġi sottomessa, fuq talba ta' waħda minnhom, għal arbitraġġ b'mod konformi mad-disposizzjoniijiet ta' l-Anness ta' din il-Konvenzjoni, li għandu jifforma parti integrali minnha.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Kull Parti Kontraenti għandha tinnotifika lill-Gvern tal-Konfederazzjoni Svizzera la darba tkun lestiet il-proċeduri meħtieġa biex iddaħħal din il-Konvenzjoni fis-seħħ. Il-Gvern tal-Konfederazzjoni Svizzera għandu jikkonferma li jkun irċieva n-notifikazzjonijiet u għandu jinforma wkoll lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn. Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara li tasal l-aħħar notifika.

Artikolu 18

Irtirar

1. Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ, kull waħda mill-Partijiet Kontraenti tista' f'kull ħin tirtira minn diin il-Konvenzjoni permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub lill-Gvern tal-Konfederazzjoni Svizzera.

2. L-irtirar mill-Konvenzjoni għandu jieħu effett biss fit-tmiem tas-sena ta' wara.

Artikolu 19

Tneħħija u kontinwazzjoni ta' l-applikazzjoni tal-liġi preżenti.

1. Mad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni u minkejja l-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, dan li ġej għandu jiġi mħassar:

(a) Ftehim tad-29 ta' April 1963 dwar il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-xmara Renu kontra t-Tniġġis,

(b) Ftehim Addizzjonali tat-3 ta' Diċembru 1976 għall-Ftehim tad-29 ta' April 1963 dwar il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-xmara Renu kontra t-Tniġġis,

(ċ) Konvenzjoni tat-3 ta' Diċembru 1976 għall-ħarsien tax-xmara Renu kontra tniġġis kimiku.

2. Deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet, limiti ta' valuri u kull ftehim ieħor addottat fuq il-bażi tal-Ftehim tad-29 ta' April 1963 li jirrigwarda l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-xmara Renu kontra t-Tniġġis, il-Ftehim Addizzjonali tat-3 ta' Diċembru 1976 u l-Konvenzjoni tat-3 ta' Diċembru 1976 għall-ħarsien tax-xmara Renu kontra tniġġis kimiku, għandhom jibqgħu applikabbli mingħajr ebda bidla fin-natura legali tagħhom, sakemm il-Kummissjoni ma tħassarhomx espliċitament.

3. Id-distribuzzjoni ta' spejjeż li għandhom x' jaqsmu ma l-estimi ta' ħidma annwali definiti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-29 ta' April 1963 fir-rigward tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-xmara Renu kontra t-Tniġġis, kif emendat mill-Ftehim Addizzjonali tat-3 ta' Diċembru 1976 għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm il-Kummissjoni tkun stabbiliet distribuzzjoni fir-regoli ta' proċedura u fir-regolamenti finanzjarji tagħha.

Artikolu 20

Oriġinal u depożitu

Din il-Konvenzjoni, miktuba bil-lingwa Olandiża, Franċiża u Ġermaniża, li kull wieħed minn dawn it-tliet testi huwa awtentiku indaqs, hija depositata mal-Gvern tal-Konfederazzjoni Svizzera, li għandu jittrasmetti kopja ċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Magħmul f'Berne, fit-12 ta' April 1999.

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

ir-Renju ta' l-Olanda,

ir-Repubblika Franċiża,

il-Konfederazzjoni Svizzera:

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

Għall-Komunità Ewropea:

--------------------------------------------------

L-ANNESS

ARBITRAĠĠ

1. Sakemm il-partijiet f'tilwima ma jiddeċidux mo ieħor, il-proċedura ta' arbitraġġ għandha titmexxa b'mod konformi mad-disposizzjoniijiet ta' dan l-Anness.

2. It-tribunal arbitrali għandu jikkonsisti fi tliet membri. L-attur u l-konvenut għandhom jappuntaw arbitru kull wieħed; iż-żewġ arbitri appuntati b'dan il-mod għandhom b'kunsens komuni jinnomimaw terz li ghaħndu jippresjedi t-tribunal.

Jekk is-sede tat-tribunal arbitrali ma tkunx ġiet appuntata fi żmien xahrejn mill-ħatra tat-tieni arbitru, il-President tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għandu jappunta arbitru fi żmien xahrejn oħra fuq talba ta' l-ewwel parti li taġixxi.

3. Jekk waħda mill-partijiet fit-tilwima ma tkunx appuntat membru tat-tribunal fi żmien xahrejn ta' meta tirċievi t-talba msemmija fl-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni, il-parti l-oħra tista' tissottometti l-kwisjtoni lill-President tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja li għandu jappunta s-sede tat-tribunal arbitrali fi żmien xahrejn oħra. La darba tiġi maħtura, is-sede għandha titlob lill-parti li tkun għadha ma appuntatx arbitru biex tagħmel dan fi żmien xahrejn. Malli jiskadi dan il-limitu ta' żmien huwa jew hija għandha tissottometti l-kwistjoni lill-President tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja li għandha tagħmel din il-ħatra fi żmien xahrejn oħra.

4. Jekk, f'wieħed mill-każijiet imsemmijin hawn fuq, il-president tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ma jitħalliex jaġixxi jew ikun persuna ta' nazzjonalità ta' waħda mill-partijiet fit-tilwima, il-Viċi-President tal-Qorti jew l-iktar membru anzjan tal-Qorti li ma jkunx ġie mwaqqaf milli jaġixxi u li ma jkunx persuna ta' nazzjonalità ta' waħda mill-partijiet fit-tilwima għandu jappunta s-sede tat-tribunal arbitrali jew arbitru.

5. Dawn id-disposizzjoniijiet għandhom jgħoddu, mutatis mutandis, għall-mili ta' karigi li jkunu tbattlu.

6. It-tribunal aribtrali għandu jiddeċiedi fuq il-bażi tar-regoli tad-dritt internazzjonali u b' mod partikolari fuq il-bażi tad-disposizzjoniijiet ta' din il-Konvenzjoni.

7. Fir-rigward ta' kwistjonijiet kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, it-tribunal arbitrali għandu jiddeċiedi b'maġġoranza tal-voti tal-membri tiegħu, in-nuqqas jew l-astenzjoni ta' wieħed mill-membri tat-tribunal maħtur mill-partijiet m' għandux iwaqqaf lit-tribunal milli jasal għal deċiżjoni. Fil-każ ta' parità ta' voti, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv. Id-deċiżjonijiet tat-tribunal għandhom jorbtu lill-partijiet. Kull parti għandha issofri l-ispejjeż ta' l-arbitru maħtur minnha u għandha taqsam l –ispejjeż l-oħrajn bin-nofs. Fir-rigward ta' kwistjonijiet oħrajn, it-tribunal arbitrali għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

8. F'każ ta' tilwima bejn żewġ Partijiet Kontraenti, li waħda minnhom biss tkun Stat Membru tal-Komunità' Ewropea, li hija Parti Kontraenti wkoll, il-parti l-oħra għandha simultanjament tibgħat t-talba tagħha lil-dak l-Istat Membru u lill-Komunità, li għandhom flimkien jinnotifikaw lill-parti fi żmien xahrejn wara li jirċievu t-talba jekk l-Istat Membru, il-Komunità jew l-Istat Membru u l-Komunità flimkien humiex partijiet fit-tilwima. Jekk din in-notifikazzjoni ma tingħatax fi żmien appuntat, kemm l-Istat Membru kif ukoll il-Komunità għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu parti waħda fit-tilwima għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan l-Anness. L-istess għandu japplika meta l-Istat Membru u l-Komunità ikunu flimkien parti għal tilwima.

--------------------------------------------------

Protokoll Ta' Firem

Waqt li qegħdin jiffirmaw il-Konvenzjoni għall-ħarsien tax-xmara Renu, il-kapijiet ta' delegazzjoni fl-ICPR jaqblu dwar il-punti segwenti.

1. Dawn li ġejjin m' humiex affettwati mill-Konvenzjoni:

(a) IL-Konvenzjoni tat-3 ta' Diċembru 1976 għall-Ħarsien tax-xmara Renu kontra t-Tniġġis minn Kloridi;

(b) l-Iskambju ta' ittri tad-29 ta' April/13 Mejju 1983 dwar il-Konvenzjoni hawn fuq imsemmija, liema skambju daħal fis-seħħ fil-5 ta' Lulju 1985;

(ċ) id-Dikjarazzjoni tal-11 ta' Diċembru 1986 tal-kapijiet ta' delegazzjoni tal-Gvernijiet li huma Parti għall-Ftehim tad-29 ta' April 1963 dwar il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-xmara Renu kontra t-Tniġġis;

(d) Il-Protokoll Addizzjonali tal-25 ta' Settembru 1991 dwar il-Konvenzjoni tat-3 ta' Diċembru 1976 għall-Ħarsien tax-xmara Renu kontra t-Tniġġis minn Kloridi;

(e) id-Dikjarazzjoni tal-25 ta' Settembru 1991 tal-kapijiet ta' delegazzjoni tal-Gvernijiet li huma Parti għall-Ftehim tad-29 ta' April 1963 dwar il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-xmara Renu kontra t-Tniġġis.

2. "Ta' l-iprem kwalità" u "l-aħjar metodi ta' teknika disponibbli" huma espressjonijiet sinonimi u, bħall-espressjoni "l-aħjar prattika ambjentali", iridu jinftiehmu kif definiti fil-Konvenzjoni tas-17 ta' Marzu 1992 dwar il-ħarsien u l-użu ta' kanali ta' l-ilma li jaqsmu l-fruntieri u għadajjar internazzjonali (L-Annessi I u II) u l-Konvenzjoni tat-22 ta' Settembru 1992 għall-ħarsien ta' l-ambjent marittimu ta' l-Atlantiku tal-Grigal (Appendiċi I).

3. Il-Kummissjoni għandha tkompli jkollha s-sede tagħha f'Koblenz.

4. F'każijiet ta' soluzzjonijiet għal tilwim bejn Stati Membri tal-Komunità Ewropea li ma jikkonċernaw ebda Stat ieħor, għandu japplika l-Artikolu 219 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula f'Berne, fit-12 ta' April 1999.

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

ir-Renju ta' l-Olanda,

ir-Repubblika Franċiża,

il-Konfederazzjoni Svizzera:

il-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

Għall-Komunità Ewropea:

--------------------------------------------------

Top