This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R1824
Commission Implementing Regulation (EU) 2020/1824 of 2 December 2020 amending Implementing Regulation (EU) 2017/2468 laying down administrative and scientific requirements concerning traditional foods from third countries in accordance with Regulation (EU) 2015/2283 of the European Parliament and of the Council on novel foods (Text with EEA relevance)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1824 tat-2 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468 li jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi li jikkonċernaw ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ikel ġdid (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1824 tat-2 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468 li jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi li jikkonċernaw ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ikel ġdid (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2020/8347
ĠU L 406, 3.12.2020, p. 51–57
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
3.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 406/51 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1824
tat-2 ta’ Diċembru 2020
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468 li jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi li jikkonċernaw ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ikel ġdid
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 u l-Artikolu 35(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jistabbilixxi regoli għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ ikel ġdid fl-Unjoni. |
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2468 (2) jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi dwar ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (UE) 2015/2283. Dawk l-emendi għandhom l-għan li jsaħħu t-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fl-oqsma kollha tal-katina alimentari li fihom l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) tagħti valutazzjoni xjentifika tar-riskju, inkluż fil-qasam tal-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi. |
(4) |
Fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi, l-emendi għar-Regolament (KE) Nru 178/2002 introduċew dispożizzjonijiet ġodda dwar, fost kwistjonijiet oħra: pariri ġenerali ta’ qabel is-sottomissjoni mill-persunal tal-Awtorità wara talba ta’ applikant jew notifikant potenzjali u l-obbligu li jinnotifika l-istudji kkummissjonati jew imwettqa minn operaturi tan-negozju biex jappoġġaw applikazzjoni jew notifika u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dak l-obbligu. Iddaħħlu wkoll dispożizzjonijiet dwar id-divulgazzjoni pubblika mill-Awtorità tad-data xjentifika, tal-istudji u ta’ informazzjoni oħra kollha li jappoġġaw l-applikazzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, minn kmieni fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju, segwita minn konsultazzjoni ma’ partijiet terzi. L-emendi jistabbilixxu wkoll rekwiżiti proċedurali speċifiċi għas-sottomissjoni ta’ talbiet ta’ kunfidenzjalità u l-valutazzjoni tagħhom mill-Awtorità fir-rigward tal-informazzjoni sottomessa minn applikant, fil-każ li l-Kummissjoni titlob l-opinjoni tal-Awtorità. |
(5) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1381 emenda wkoll ir-Regolament (UE) 2015/2283 biex jipprevedi d-divulgazzjoni pubblika mill-Awtorità ta’ notifiki fil-każ li din tressaq oġġezzjonijiet ta’ sikurezza debitament motivati kif ukoll biex tinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw konsistenza mal-adattamenti tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u billi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet settorjali fir-rigward tal-informazzjoni kunfidenzjali. |
(6) |
Minħabba l-ambitu u l-applikazzjoni ta’ dawk l-emendi kollha, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468 jiġi aġġustat biex jakkomoda l-bidliet fir-rigward tal-kontenut, tal-abbozzar u tal-preżentazzjoni tan-notifiki u l-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 14 u 16 tar-Regolament (UE) 2015/2283, tal-arranġamenti għall-verifika tal-validità tan-notifiki u tal-applikazzjonijiet u l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-opinjoni tal-Awtorità. B’mod partikolari, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468 jagħmel referenza għall-formati standard tad-data u li jesiġi li l-applikazzjonijiet jipprovdu informazzjoni li turi l-konformità mar-rekwiżit ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Jenħtieġ li jiċċara wkoll li l-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżit ta’ notifika tifforma parti mill-verifika tal-validità ta’ applikazzjoni. |
(7) |
Barra minn hekk, meta jitqies il-fatt li l-Awtorità hija responsabbli mill-ġestjoni tal-bażi tad-data tal-istudji f’konformità mal-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li tikkonsulta lill-Awtorità bħala parti mill-verifika tal-validità tan-notifiki u tal-applikazzjonijiet, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi aċċertat li n-notifika jew l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti li huma stabbiliti f’dak l-Artikolu. |
(8) |
Meta jsiru konsultazzjonijiet pubbliċi matul il-valutazzjoni tar-riskju f’konformità mal-Artikolu 32c(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, jenħtieġ li l-opinjoni tal-Awtorità tinkludi wkoll ir-riżultati ta’ dawk il-konsultazzjonijiet skont ir-rekwiżiti ta’ trasparenza li għalihom hija soġġetta l-Awtorità. |
(9) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mis-27 ta’ Marzu 2021 u li japplika għan-notifiki u għall-applikazzjonijiet imressqa minn dik id-data, li hija d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1381. |
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2468
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2468 huwa emendat kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
|
(2) |
L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:
|
(3) |
L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:
|
(4) |
L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 7 Verifika tal-validità ta’ notifika 1. Mal-wasla ta’ notifika ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha bla dewmien tivverifika jekk l-ikel ikkonċernat jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament(UE) 2015/2283 u jekk in-notifika tissodisfax ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3, 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. 2. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-Awtorità dwar jekk in-notifika tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri u l-Awtorità għandhom jipprovdu l-fehmiet tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum tax-xogħol. 3. Il-Kummissjoni tista’ titlob aktar informazzjoni mingħand l-applikant fir-rigward tal-validità tan-notifika u tgħarraf lill-applikant dwar il-perjodu li fih dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta. 4. B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2015/2283 u għall-Artikolu 32b(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, notifika tista’ titqies valida anki jekk ma jkunx fiha l-elementi kollha meħtieġa skont l-Artikoli 3, 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament, dment li l-applikant ikun ressaq ġustifikazzjoni verifikabbli għal kull element nieqes. 5. Il-Kummisjoni għandha tgħarraf lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Awtorità dwar jekk in-notifika tqisitx valida jew le. Jekk in-notifika ma tqisitx valida, il-Kummissjoni għandha tindika r-raġunijiet għal dik il-konklużjoni.”; |
(5) |
L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 8 Verifika tal-validità ta’ applikazzjoni 1. Mal-wasla ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha bla dewmien tivverifika jekk l-applikazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikoli minn 4 sa 6 ta’ dan ir-Regolament u tal-Artikolu 32b tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. 2. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Awtorità dwar jekk l-applikazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1. L-awtorità għandha tipprovdi l-fehmiet tagħha lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum tax-xogħol. 3. Il-Kummissjoni tista’ titlob aktar informazzjoni mingħand l-applikant fi kwistjonijiet dwar il-validità tal-applikazzjoni u tgħarraf lill-applikant dwar il-perjodu li fih dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta. 4. B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/2283 u għall-Artikolu 32b(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, applikazzjoni tista’ titqies valida anki jekk ma jkunx fiha l-elementi kollha rekwiżiti skont l-Artikoli minn 4 sa 6 ta’ dan ir-Regolament, dment li l-applikant ikun ressaq ġustifikazzjoni verifikabbli għal kull element nieqes. 5. Il-Kummisjoni għandha tgħarraf lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Awtorità dwar jekk l-applikazzjoni tqisitx valida jew le. Jekk l-applikazzjoni ma tqisitx valida, il-Kummissjoni għandha tindika r-raġunijiet għal dik il-konklużjoni.”; |
(6) |
L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej: jiżdied il-punt (e):
|
(7) |
L-Annessi I u II huma sostitwiti f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament; |
(8) |
Jitħassar l-Anness III. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mis-27 ta’ Marzu 2021 u għan-notifiki u għall-applikazzjonijiet li jiġu sottomessi lill-Kummissjoni minn dik id-data.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2468 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi li jikkonċernaw ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 55).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 1829/2003, (KE) Nru 1831/2003, (KE) Nru 2065/2003, (KE) Nru 1935/2004, (KE) Nru 1331/2008, (KE) Nru 1107/2009, (UE) 2015/2283 u d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 231, 6.9.2019, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
ANNESS
L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2017/2468 huma sostitwiti kif ġej:
(1) |
L-Anness I huwa sostitwit b’dan li ġej: “ANNESS I Mudell tal-ittra li takkumpanja notifika dwar ikel tradizzjonali minn pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2015/2283 IL-KUMMISSJONI EWROPEA Direttorat Ġenerali Direttorat Unità Data: … Suġġett: Notifika dwar ikel tradizzjonali minn pajjiż terz f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2283 (Jekk jogħġbok indika b’mod ċar billi timmarka waħda mill-kaxxi)
L-Applikant(i) jew ir-Rappreżentant(i) tiegħu/tagħhom fl-Unjoni (isem/ismijiet, indirizz(i).…) … … … iressaq/iressqu din in-notifika sabiex tiġi aġġornata l-lista tal-Unjoni dwar ikel ġdid. L-identità tal-ikel tradizzjonali: … … Kunfidenzjalità. Skont il-każ, iddikjara jekk l-applikazzjoni tinkludix data kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2015/2283
Kategoriji tal-ikel, kundizzjonijiet tal-użu u rekwiżiti tat-tikkettar
Dejjem tiegħek, Firma … Mehmuża:
|
(2) |
L-Anness II huwa sostitwit b’dan li ġej: “ANNESS II Mudell tal-ittra li takkumpanja applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/2283 IL-KUMMISSJONI EWROPEA Direttorat Ġenerali Direttorat Unità Data: … Suġġett: Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/2283 L-Applikant(i) jew ir-Rappreżentant(i) tiegħu/tagħhom fl-Unjoni Ewropea (isem/ismijiet, indirizz(i).…) … … … iressaq/iressqu din l-applikazzjoni sabiex tiġi aġġornata l-lista tal-Unjoni dwar ikel ġdid. L-identità tal-ikel tradizzjonali: … … Kunfidenzjalità. Skont il-każ, iddikjara jekk l-applikazzjoni tinkludix data kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2015/2283
Kategoriji tal-ikel, kundizzjonijiet tal-użu u rekwiżiti tat-tikkettar
Dejjem tiegħek, Firma … Mehmuża:
|