Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0787

2010/787/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 10 ta' Diċembru 2010 dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi

ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/787/oj

21.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta' Diċembru 2010

dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi

(2010/787/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod l-punt (e) tal-Artikolu 107(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (2) jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2010.

(2)

Il-kontribut żgħir tal-faħam issussidjat għat-taħlita globali tal-enerġija ma għadux jiġġustifika ż-żamma ta' dawn is-sussidji sabiex tkun żgurata l-provvista tal-enerġija fl-Unjoni.

(3)

Il-politika tal-Unjoni li tinkoraġġixxi sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ekonomija sostenibbli u sigura b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju ma tiġġustifikawx l-appoġġ indefinit tal-minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi. Il-kategoriji ta' għajnuna permessi bir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 għalhekk ma għandhomx jitkomplew indefinittivament.

(4)

Madanakollu, fin-nuqqas ta' regoli speċifiċi għas-settur tal-Għajnuna mill-Istat, japplikaw biss ir-regoli ġenerali dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-faħam. F'dan il-kuntest, il-minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi u li attwalment qegħdin jibbenefikaw minn għajnuna skont ir-Regolament (KE) Nru 1407/2002, jistgħu ma jibqgħux eliġibbli għall-għajnuna u jistgħu jkunu mġiegħla jagħlqu.

(5)

Mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali dwar l-Għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri biex itaffu l-konsegwenzi soċjali u reġjonali tal-għeluq ta' dawk il-minjieri, jiġifieri l-istralċ ordnat tal-attivitajiet fil-kuntest ta' pjan irrivokabbli ta' għeluq u/jew il-finanzjament tal-ispejjeż eċċezzjonali, b'mod partikolari r-responsabbiltajiet li jintirtu.

(6)

Din id-Deċiżjoni timmarka t-transizzjoni għas-settur tal-faħam, mill-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi għas-settur għall-applikazzjoni ta’ regoli ġenerali ta' Għajnuna mill-Istat li huma applikabbli għas-setturi kollha.

(7)

Sabiex jitnaqqsu għal minimu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern li jirriżultaw mill-għajnuna u sabiex jiġi nkoraġġit l-għeluq tal-minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi, din l-għajnuna għandha tkun digressiva u strettament limitata għall-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam li huma ppjanati rrivokabbilment għall-għeluq.

(8)

Sabiex jittaffa l-impatt ambjentali mill-produzzjoni tal-faħam mill-unitajiet ta’ produzzjoni tal-faħam li lilhom tingħata għajnuna għall-għeluq, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjan ta' miżuri adatti, pereżempju fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli jew il-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

(9)

L-intrapriżi għandhom ikunu eliġibbli għal għajnuna biex jiġu koperti l-ispejjeż li, f'konformità mal-prattiki normali tal-kontabbiltà, ma jaffettwawx direttament l-ispejjeż tal-produzzjoni. Din l-għajnuna hija maħsuba biex tkopri spejjeż eċċezzjonali li jirriżultaw mill-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam tagħhom. Sabiex ikun evitat li din l-għajnuna tkun ta' benefiċċju għal intrapriżi li ma ħaqqhomx u li jagħlqu biss xi wħud mis-siti ta' produzzjoni tagħhom, l-intrapriżi kkonċernati għandhom iżommu kontijiet separati għal kull wieħed mill-unitajiet ta' produzzjoni tagħhom.

(10)

Fit-twettiq tal-kompitu tagħha taħt din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni jiġu stabbiliti, miżmuma u segwiti. Fir-rigward, aktar speċifikament, għas-suq tal-elettriku, għajnuna lill-industrija tal-faħam ma għandhiex tkun tali li taffettwa lilll-produtturi tal-elettriku fl-għażla tas-sorsi ta' provvista primarja tal-enerġija. Konsegwentament, il-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-faħam għandhom ikunu maqbula liberament bejn il-partijiet kontraenti fid-dawl tal-kondizzjonijiet prevalenti fis-suq dinji.

(11)

L-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni m’għandiex teskludix li l-għajnuna għall-industrija tal-faħam tista' tinsab kompatibbli mas-suq intern għal raġunijiet oħra. F'dan il-kuntest, regoli speċifiċi oħrajn, b'mod partikolari dawk dwar l-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-għajnuna għall-protezzjoni ambjentali u l-għajnuna għall-attivitajiet ta' taħriġ, jibqgħu japplikaw fil-limiti tal-intensitajiet massimi tal-għajnuna, dment li ma jkunx previst mod ieħor.

(12)

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-miżuri nnotifikati abbażi ta’ din id-Deċiżjoni u tieħu d-deċiżjonijiet f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (3).

(13)

Biex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta' kontinwità bejn il-miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 u l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2011,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“faħam” tfisser faħam fil-kategoriji A u B ta' grad għoli, grad medju u grad baxx fit-tifsira tas-sistema ta' kodifikazzjoni internazzjonali għall-faħam stabbilita mill-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (4);

(b)

“għeluq” tfisser il-waqfien permanenti tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-faħam;

(c)

“pjan ta' għeluq” tfisser pjan imfassal minn Stat Membru li jipprevedi miżuri li jilħqu l-qofol tagħhom fl-għeluq definittiv ta’ unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam;

(d)

“unità ta' produzzjoni tal-faħam” tfisser sit tal-faħam taħt l-art jew fil-miftuħ u infrastrutturi relatati li kapaċi jipproduċu faħam mhux maħdum indipendentament minn partijiet oħra tal-intrapriża;

(e)

“sena tal-faħam” tfisser sena kalendarja jew perijodu ieħor ta' 12-il xahar użat bħala referenza għal kuntratti fl-industrija tal-faħam;

(f)

“spejjeż tal-produzzjoni” tfisser spejjeż totali relatati mal-produzzjoni attwali, inklużi operazzjonijiet ta' tħaffir, operazzjonijiet għat-tlestija tal-faħam, b'mod partikolari il-ħasil, l-għażla skont id-daqs u l-kwalità, u t-trasport lejn il-post fejn ser jintuża, deprezzament normali u imposti ta' mgħax ibbażat fuq is-suq fuq kapital misluf;

(g)

“telf attwali mill-produzzjoni” tfisser id-differenza pożittiva bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-faħam u l-prezz tal-bejgħ fil-punt fejn ser jintuża maqbula liberament bejn il-partijiet kontraenti fid-dawl tal-kondizzjonijiet prevalenti fis-suq dinji.

KAPITOLU II

KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA

Artikolu 2

Prinċipju

1.   Fil-kuntest tal-għeluq ta’ minjieri li mhumiex kompetittivi, l-għajnuna għall-industrija tal-faħam tista' tkun ikkunsidrata kompatibbli mal-funzjonament adatt tas-suq intern jekk tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-għajnuna għandha tkopri biss spejjeż b'rabta mal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku, il-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku flimkien, il-produzzjoni tal-kokk u l-karburazzjoni tal-kalkari tal-blast fl-industrija tal-azzar, fejn tali użu jseħħ fl-Unjoni.

Artikolu 3

Għajnuna għall-għeluq

1.   L-għajnuna għal xi intrapriża maħsuba speċifikament biex tkopri t-telf attwali mill-produzzjoni tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam tista’ titqies kompatibbli biss mas-suq intern jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-operazzjoni tal-unitajiet ta' produzzjoni kkonċernati trid tkun tagħmel parti minn pjan ta’ għeluq li l-iskadenza tiegħu ma taqbiżx il-31 ta’ Diċembru 2018;

(b)

l-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam ikkonċernati jridu jingħalqu definittivament f'konformità mal-pjan ta' għeluq;

(c)

l-għajnuna nnotifikata ma għandhiex teċċedi d-differenza bejn l-ispejjeż prevedibbli ta' produzzjoni u d-dħul prevedibbli għas-sena tal-faħam. L-għajnuna mħallsa effettivament trid tkun soġġetta għal korrezzjoni annwali, ibbażata fuq l-ispejjeż u d-dħul effettivi, sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena ta' produzzjoni tal-faħam wara is-sena li fiha tkun ingħatat l-għajnuna;

(d)

l-ammont ta’ għajnuna ekwivalenti għal kull tunnellata ta’ faħam ma tridx twassal biex il-prezzijiet tal-faħam tal-Unjoni fil-punt fejn ser jintuża jkunu orħos minn dawk ta’ faħam ta’ kwalità simili minn pajjiżi terzi;

(e)

l-unitajiet ta’ produzzjoni tal-faħam ikkonċernati għandhom ikunu ilhom attivi mill-31 ta' Diċembru 2009;

(f)

l-ammont globali tal-għajnuna għall-għeluq mogħtija minn Stat Membru għandu jsegwi xejra ‘l isfel: sa tmiem l-2013 it-tnaqqis m’għandux ikun anqas minn 25 %, sa tmiem l-2015 mhux anqas minnanqas 40 %, sa tmiem l-2016 mhux anqas minn 60 % u sa tmiem l-2017 mhux anqas minn 75 % tal-għajnuna mogħtija fl-2011;

(g)

l-ammont totali tal-għajnuna għall-għeluq għall-industrija tal-faħam ta' Stat Membru ma għandux jeċċedi, fi kwalunkwe sena wara l-2010, l-ammont ta' għajnuna mogħtija minn dak l-Istat Membru u awtorizzata mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002 għas-sena 2010.

(h)

l-Istati Membri għandhom jipprovdu pjan biex jieħdu miżuri bil-għan li jittaffa l-impatt ambjentali tal-unitajiet ta’ produzzjoni tal-faħam lil lilhom tingħata għajnuna skont dan l-Artikolu, pereżempju fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli jew il-qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

2.   L-inklużjoni ta’ miżuri li jikkostitwixxu Għajnuna tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat fi pjan kif imsemmi fil-punt (h) tal-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għan-notifika u l-obbligazzjonijiet ta' waqfa imposti fuq l-Istati Membri fir-rigward ta' tali miżuri mill-Artikolu 108(3) tat-Trattat, u għall-kompatibiltà ta' tali miżuri mas-suq intern.

3.   Jekk l-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam li qegħdin jingħataw l-għajnuna skont il-paragrafu 1 ma jingħalqux fid-data stabbilita fil-pjani ta' għeluq kif awtorizzati mill-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirkupra l-għajnuna kollha mogħtija fir-rigward tal-perijodu kollu kopert mill-pjan ta' għeluq.

Artikolu 4

Għajnuna li tkopri spejjeż eċċezzjonali

1.   Għajnuna mill-Istat mogħtija lil intrapriżi li jwettqu jew li wettqu xi attività marbuta mal-produzzjoni tal-faħam sabiex ikunu jistgħu jkopru l-ispejjeż li jirriżultaw minn jew li rriżultaw mill-għeluq ta’ unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam u li mhumiex relatati mal-produzzjoni attwali, tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern dment li l-ammont imħallas ma jeċċedix dawn l-ispejjeż. Din l-għajnuna tista' tintuża biex tkopri:

(a)

l-ispejjeż imġarrba u l-provvedimenti għall-ispejjeż magħmula biss minn intrapriżi li qed jagħlqu jew li għalqu unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam, inklużi l-intrapriżi li jibbenefikaw minn għajnuna għall-għeluq;

(b)

l-ispejjeż imġarrba għadd ta' intrapriżi.

2.   Il-kategoriji ta' spejjeż koperti mill-paragrafu 1 huma definiti fl-Anness. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal spejjeż li jirriżultaw minn nuqqas ta' konformità mar-regolamenti ambjentali.

Artikolu 5

Kumulazzjoni

1.   L-ammont massimu ta' għajnuna awtorizzata skont din id-Deċiżjoni għandu japplika irrispettivament minn jekk l-għajnuna tkunx iffinanzjata kompletament mill-Istati Membri jew jekk tkun parzjalment finanzjata mill-Unjoni.

2.   Għajnuna awtorizzata skont din id-Deċiżjoni ma għandhiex tingħaqqad ma’ Għajnuna oħra mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat jew ma’ forom oħrajn ta' finanzjament tal-Unjoni għall-istess spejjeż eliġibbli jekk din id-duplikazzjoni tirriżulta f'ammont ta' għajnuna ogħla minn dak awtorizzat skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Separazzjoni tal-kontijiet

Kull għajnuna li jirċievu l-intrapriżi għandha tintwera fil-kontijiet ta’ qligħ u telf bħala entrata separata ta’ dħul distinta mill-fatturat. Fejn l-intrapriżi jibbenefikaw minn għajnuna skont din id-Deċiżjoni jkomplu jinnegozjaw jew joperaw wara l-għeluq ta' xi wħud mill-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam tagħhom jew kollha kemm huma, huma għandhom iżommu kontijiet preċiżi u separati għal kull waħda mill-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam tagħhom u għal attivitajiet ekonomiċi oħrajn li mhumiex relatati mal-minjieri tal-faħam. L-għajnuna mogħtija skont din id-Deċiżjoni għandha tkun amministrata b'tali mod li ma jkun hemm l-ebda possibiltà li tkun trasferita għal unitajiet oħra ta' produzzjoni tal-faħam li ma jkunux parti mill-pjan ta' għeluq jew għal attivitajiet ekonomiċi oħrajn tal-istess intrapriża.

KAPITOLU 3

PROĊEDURI

Artikolu 7

Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri

1.   Minbarra r-Regolament (KE), l-għajnuna kif imsemmija f'din id-Deċiżjoni għandha tkun soġġetta għar-regoli speċjali stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6.

2.   Stati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jagħtu għajnuna għall-għeluq kif imsemmija fl-Artikolu 3 għandhom jinnotifikaw pjan ta' għeluq għall-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam ikkonċernati lill-Kummissjoni. Il-pjan għandu jkun fih tal-inqas dan li ġej:

(a)

l-identifikazzjoni tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam,

(b)

l-ispejjeż effettivi jew stmati tal-produzzjoni għal kull unità ta' produzzjoni tal-faħam għal kull sena tal-faħam;

(c)

il-produzzjoni stmata tal-faħam, għal kull sena tal-faħam, tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam li jkunu s-suġġett ta' pjan ta’ għeluq;

(d)

l-ammont stmat ta' għajnuna għall-għeluq għall kull sena tal-faħam.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kwalunkwe emenda għall-pjan ta' għeluq lill-Kummissjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-għajnuna kollha li għandhom l-intenzjoni li jagħtu lill-industrija tal-faħam skont din id-Deċiżjoni matul is-sena tal-faħam. Huma għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni d-dettalji kollha relevanti għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-produzzjoni prevedibbli flimkien mar-relazzjoni tagħhom mal-pjani ta' għeluq li jkun ġew innotifikat lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2.

5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-ammont, u dwar il-kalkoli tal-għajnuna imħallsa effettivament matul is-sena tal-faħam, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem tas-sena in kwistjoni. Fejn issir kwalunkwe korrezzjoni għall-ammonti oriġinarjament imħallsa matul sena tal-faħam partikolari, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni qabel it-tmiem tas-sena tal-faħam segwenti.

6.   Meta jinnotifikaw l-għajnuna kif imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 u meta jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mħallsa effettivament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni tivverifika li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jiġu segwiti.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 8

Miżuri implimentattivi

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Hija tista', fil-limiti stabbiliti minn din id-Deċiżjoni, tistabbilixxi qafas konġunt għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2011.

Hija għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2027.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

V. VAN QUICKENBORNE


(1)  Opinjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 205, 2.8.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(4)  Sistema internazzjonali għall-kodifikazzjoni tal-faħam ta' grad medju u għoli (1998), Klassifikazzjoni internazzjonali tal-faħam fis-saff (1998) u Sistema internazzjonali tal-kodifikazzjoni ta' faħam ta' grad baxx (1999).


ANNESS

DEFINIZZJONI TAL-ISPEJJEŻ IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4

1.   Spejjeż imġarrba u dispożizzjonijiet għall-ispejjeż magħmula biss minn intrapriżi li għalqu jew qegħdin jagħlqu l-unitajiet ta' produzzjoni.

Il-kategoriji ta' spejjeż li ġejjin esklussivament, u biss jekk jirriżultaw mill-għeluq ta' unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam:

(a)

l-ispiża tal-ħlas ta' benefiċċji soċjali li tirriżulta mill-fatt li ħaddiema qegħdin jirċievu pensjoni qabel ma jilħqu l-età statutorja tal-pensjoni;

(b)

infiq ieħor eċċezzjonali fuq ħaddiema li tilfu jew li jitilfu xogħlhom;

(c)

il-ħlas ta' pensjonijiet u allowances barra mis-sistema statutorja lil ħaddiema li tilfu jew li jitilfu xogħlhom u lil ħaddiema bid-dritt għal dawn il-ħlasijiet qabel l-għeluq;

(d)

l-ispiża koperta mill-intrapriżi biex il-ħaddiema jerġgħu jaddattaw irwieħhom u b’hekk jiġu megħjuna jsibu xogħlijiet ġodda barra mill-industrija tal-faħam, speċjalment l-ispejjeż għat-taħriġ;

(e)

il-provvista ta' faħam mingħajr ħlas lil ħaddiema li tilfu jew li jitilfu xogħlhom u lil ħaddiema bid-dritt għal tali provvista qabel l-għeluq, jew il-valur monetarju ekwivalenti;

(f)

l-ispejjeż residwi li jirriżultaw min dispożizzjonijiet amministrattivi, legali jew fiskali li huma speċifiċi għall-industrija tal-faħam;

(g)

ix-xogħol addizzjonali għas-sigurtà taħt l-art li jirriżulta mill-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam;

(h)

id-dannu kkawżat mill-minjieri, bil-kondizzjoni li dan kien ikkawżat mill-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam soġġetti li ġew magħluqa jew li qiegħdin jiġu magħluqa;

(i)

l-ispejjeż kollha ġustifikati b'mod debitu relatati mar-riabilitazzjoni ta' dawk li qabel kienu siti tal-minjieri, inklużi:

spejjeż residwi li jirriżultaw minn kontribuzzjonijiet lil korpi responsabbli għall-provvista tal-ilma u għat-tneħħija tal-ilma mormi,

spejjeż residwi oħrajn li jirriżultaw mill-provvista tal-ilma u mit-tneħħija tal-ilma mormi;

(j)

l-ispejjeż residwi li jkopru l-assigurazzjoni tas-saħħa ta' dawk li qabel kienu ħaddiema tal-minjieri;

(k)

l-ispejjeż relatati mal-kanċellazzjoni jew il-modifika ta' kuntratti li jkunu għadhom għaddejjin (għal valur massimu ta' 6 xhur produzzjoni);

(l)

id-deprezzament intrinsiku eċċezzjonali dment li jirriżulta mill-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni;

(m)

l-ispejjeż għar-rikultivazzjoni tal-uċuħ tal-art.

Iż-żieda fil-valur tal-art għandha titnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli għall-kategoriji ta’ spejjeż imsemmija fil-punti (g), (h), (i) u (m).

2.   Spejjeż imġarrba u dispożizzjonijiet għall-ispejjeż magħmula minn bosta intrapriżi

Il-kategoriji ta’ spejjeż li ġejjin esklussivament:

(a)

żieda fil-kontribuzzjonijiet, barra mis-sistema statutorja, sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali bħala riżultat tat-tnaqqis fin-numru ta' kontributuri, wara l-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam;

(b)

l-infiq li tirriżulta mill-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam, fuq il-provvista tal-ilma u t-tneħħija tal-ilma mormi;

(c)

iż-żieda fil-kontribuzzjonijiet lill-korpi responsabbli għall-provvista tal-ilma u t-tneħħija tal-ilma mormi, dment li din iż-żieda tkun tirriżulta minn tnaqqis, wara l-għeluq tal-unitajiet ta' produzzjoni tal-faħam, fil-produzzjoni tal-faħam soġġetta għal imposta.


Top