Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023L0970

    Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    PE/81/2022/REV/1

    ĠU L 132, 17.5.2023, p. 21–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/970/oj

    17.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 132/21


    DIRETTIVA (UE) 2023/970 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-10 ta’ Mejju 2023

    li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, li l-Istati Membri kollha rratifikaw, jipprevedi li l-Istati Partijiet jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw, fost l-oħrajn, id-dritt għal remunerazzjoni ugwali, anki fir-rigward tal-benefiċċji, u għal trattament ugwali fir-rigward ta' xogħol ta' valur ugwali, kif ukoll l-ugwaljanza tat-trattament fl-evalwazzjoni tal-kwalità tax-xogħol.

    (2)

    L-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxu d-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala wieħed mill-valuri essenzjali tal-Unjoni.

    (3)

    L-Artikoli 8 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jitolbu l-Unjoni biex tipprova telimina l-inugwaljanzi, li tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fil-politiki u l-attivitajiet kollha tagħha.

    (4)

    L-Artikolu 157(1) TFUE jobbliga lil kull Stat Membru biex jiżgura li jiġi applikat il-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali. L-Artikolu 157(3) TFUE jipprevedi l-adozzjoni mill-Unjoni ta' miżuri li jassiguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, inkluż il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali (il-“prinċipju ta' paga ugwali”).

    (5)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti tal-Ġustizzja”) affermat li l-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa ma jistax jiġi ristrett għad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-fatt li persuna tkun ta' sess jew ieħor (3). Fid-dawl tal-iskop tiegħu u n-natura tad-drittijiet li jipprova jħares, dak il-prinċipju japplika wkoll għad-diskriminazzjoni minħabba bidla fil-ġeneru tal-persuna.

    (6)

    F'xi Stati Membri, bħalissa huwa possibbli li persuni jirreġistraw legalment li għandhom it-tielet ġeneru, spiss newtrali. Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali rilevanti li jagħtu effett lil tali rikonoxximent fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' impjieg u paga.

    (7)

    L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta") jipprojbixxi kull diskriminazzjoni, fost l-oħrajn, abbażi ta’ raġunijiet ta' sess. L-Artikolu 23 tal-Karta jipprovdi li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel trid tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

    (8)

    L-Artikolu 23 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikjara, fost l-oħrajn, li kulħadd, mingħajr ebda diskriminazzjoni, għandu d-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali, għal għażla ħielsa ta' impjieg, għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli u għal remunerazzjoni ġusta li tiżgura eżistenza li jistħoqqilha d-dinjità tal-bniedem.

    (9)

    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, jinkorpora fost il-prinċipji tiegħu l-ugwaljanza fit-trattament u l-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel, u d-dritt għal paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali.

    (10)

    Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistipula li għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih jingħata valur ugwali, trid tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq raġunijiet ta' sess fir-rigward tal-aspetti u l-kundizzjonijiet kollha tar-remunerazzjoni. B'mod partikolari, meta tintuża sistema ta' klassifikazzjoni tal-impjiegi biex tiġi ddeterminata l-paga, din għandha tkun ibbażata fuq l-istess kriterji newtrali għall-ġeneru u jenħtieġ li titfassal b'tali mod li teskludi kull diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru.

    (11)

    L-evalwazzjoni tal-2020 tad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva 2006/54/KE sabet li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali hija mxekkla minn nuqqas ta' trasparenza fis-sistemi tal-pagi, nuqqas ta' ċertezza legali dwar il-kunċett ta' xogħol ta' valur ugwali, u minn ostakli proċedurali ffaċċjati minn vittmi ta' diskriminazzjoni. Il-ħaddiema ma għandhomx l-informazzjoni li huma jeħtieġu biex jirnexxielhom jagħmlu talba għal paga ugwali u, b'mod partikolari, l-informazzjoni dwar il-livelli tal-pagi għal kategoriji ta' ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali. Ir-rapport sab li trasparenza ikbar tista' tippermetti li jiġi żvelat preġudizzju u diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru fl-istrutturi tal-pagi ta' intrapriża jew organizzazzjoni. Din tippermetti wkoll lill-impjegati, lill-impjegaturi u lis-sħab soċjali jieħdu azzjoni xierqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tad-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali u xogħol ta' valur ugwali (id-“dritt għal paga ugwali”).

    (12)

    Wara evalwazzjoni bir-reqqa tal-qafas eżistenti dwar paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali u proċess ta' konsultazzjoni wiesa' u inklużiv, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 dwar "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025" ħabbret li l-Kummissjoni ser tipproponi miżuri vinkolanti dwar it-trasparenza fil-pagi.

    (13)

    Il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 kellhom impatt negattiv sproporzjonat fuq in-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u t-telf ta' impjiegi kien spiss ikkonċentrat f'setturi b'pagi baxxi u ddominati min-nisa. Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat is-sottovalutar strutturali kontinwu tax-xogħol li jsir b'mod predominanti min-nisa u wriet il-valur soċjoekonomiku għoli tax-xogħol tan-nisa fis-servizzi tal-ewwel linja, bħall-kura tas-saħħa, it-tindif, il-kura tat-tfal, il-kura soċjali u l-kura residenzjali għall-anzjani u għal adulti dipendenti oħra, li jikkuntrasta ħafna mal-viżibbiltà u r-rikonoxximent baxxi tiegħu.

    (14)

    L-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 għalhekk ser ikomplu jwessgħu l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, dment li r-rispons tal-irkupru ma jkunx sensittiv għall-ġeneru. Dawn il-konsegwenzi saħansitra żiedu l-urġenza li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali. It-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali permezz ta' miżuri oħrajn huwa partikolarment importanti biex jiġi żgurat li l-progress li sar fl-indirizzar tad-disparitajiet fil-pagi ma jiġix kompromess.

    (15)

    Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fl-Unjoni tippersisti: din kienet ta' 13 % fl-2020, b'varjazzjonijiet sinifikanti bejn l-Istati Membri, u naqset biss b'mod minimu matul l-aħħar għaxar snin. Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi hija kkawżata minn diversi fatturi, bħall-isterjotipi tal-ġeneri, il-perpetwazzjoni tas-"saqaf tal-ħġieġ" u ż-żamma tal-impjegati fil-kategoriji l-baxxi tal-iskala tax-xogħol, is-segregazzjoni orizzontali, inkluża r-rappreżentanza eċċessiva tan-nisa f'impjiegi ta' servizz b'pagi baxxi, u l-qsim inugwali tar-responsabbiltajiet ta' kura. Barra minn hekk, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi hija parzjalment ikkawżata minn diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru. Dawk l-elementi kollha jikkostitwixxu ostakli strutturali li jiffurmaw sfidi kumplessi għall-kisba ta' impjiegi ta' kwalità tajba u paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali u għandhom konsegwenzi dejjiema bħad-differenza fil-pensjonijiet u l-femminizzazzjoni tal-faqar.

    (16)

    Nuqqas ġenerali ta' trasparenza dwar il-livelli tal-pagi fl-organizzazzjonijiet iwassal għal sitwazzjoni fejn id-diskriminazzjoni u l-preġudizzju fil-pagi bbażati fuq il-ġeneru jistgħu ma jiġux individwati jew, fejn ikun hemm suspett tagħhom, huwa diffiċli li jiġu ppruvati. Għalhekk, huma meħtieġa miżuri vinkolanti biex tittejjeb it-trasparenza fil-pagi, biex l-organizzazzjonijiet jiġu mħeġġa jirrevedu l-istrutturi tal-pagi tagħhom biex jiżguraw paga ugwali għan-nisa u l-irġiel li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali, u biex il-vittmi tad-diskriminazzjoni jkunu jistgħu jħaddmu id-dritt tagħhom għal paga ugwali. Tali miżuri vinkolanti jeħtieġ li jiġu kkomplementati minn dispożizzjonijiet li jiċċaraw il-kunċetti legali eżistenti, bħall-kunċetti ta' paga u xogħol ta' valur ugwali, u miżuri li jtejbu l-mekkaniżmi ta' infurzar u l-aċċess għall-ġustizzja.

    (17)

    L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali jenħtieġ li tissaħħaħ billi tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi. Hija ma tipprekludix li l-impjegaturi jagħtu paga differenti lil ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, newtrali għall-ġeneru u ħielsa mill-preġudizzji bħalma huma l-prestazzjoni u l-kompetenza.

    (18)

    Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għall-ħaddiema kollha, inklużi ħaddiema part-time, ħaddiema b'kuntratt fiss u persuni b'kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg ma' aġenzija temporanja, kif ukoll ħaddiema f'pożizzjonijiet maniġerjali, li għandhom kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg kif definit mil-liġi, ftehimiet u/jew prattiki kollettivi fis-seħħ f'kull Stat Membru, filwaqt li tikkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (5). Sakemm jissodisfaw il-kriterji rilevanti, il-ħaddiema domestiċi, ħaddiema fuq talba, ħaddiema intermittenti, ħaddiema li jitħallsu b'vawċers, ħaddiema tal-pjattaformi, ħaddiema f'impjieg protett, trainees u apprendisti jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Id-determinazzjoni tal-eżistenza ta' relazzjoni ta' impjieg jenħtieġ li tkun iggwidata mill-fatti relatati mat-twettiq effettiv tax-xogħol u mhux mid-deskrizzjoni mill-partijiet tar-relazzjoni.

    (19)

    Element importanti biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni fil-pagi huwa t-trasparenza fil-pagi qabel l-impjieg. Din id-Direttiva għandha għalhekk tapplika wkoll għal applikanti għax-xogħol.

    (20)

    Sabiex jitneħħew l-ostakli għall-vittmi tad-diskriminazzjoni fil-paga fuq il-bażi tal-ġeneru biex iħaddmu d-dritt tagħhom għal paga ugwali, u biex l-impjegaturi jiġu ggwidati biex jiżguraw ir-rispett ta' dak id-dritt, il-kunċetti ewlenin relatati ma' paga ugwali għal valur ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, bħal paga u xogħol ta' valur ugwali, jenħtieġ li jiġu ċċarati skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan għandu jiffaċilita l-applikazzjoni ta' dawk il-kunċetti, speċjalment għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju.

    (21)

    Il-prinċipju ta' paga ugwali jenħtieġ li jiġi osservat fir-rigward tal-pagi, is-salarji jew kull kunsiderazzjoni oħra, kemm jekk fi flus kif ukoll in natura, li l-ħaddiema jirċievu direttament jew indirettament, fir-rigward tal-impjieg tagħhom mill-impjegatur tagħhom. F'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (6), il-kunċett ta' paga jenħtieġ li jinkludi mhux biss is-salarju, iżda wkoll komponenti komplementari jew varjabbli tal-paga. Taħt komponenti komplementari jew varjabbli, jenħtieġ li jitqies kull benefiċċju flimkien mal-paga bażika jew minima ordinarja jew salarju bażiku jew minimu ordinarju, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, kemm jekk fi flus jew in natura. Dawn il-komponenti komplementari jew varjabbli jistgħu jinkludu bonuses, kumpens għas-sahra, faċilitajiet tal-ivvjaġġar, allowances għall-akkomodazzjoni u l-ikel, kumpens għal attendenza f'taħriġ, pagamenti f'każ ta' tkeċċija, paga statutorja tal-mard, kumpens statutorju meħtieġ u pensjonijiet okkupazzjonali, iżda mhumiex limitati għalihom. Jenħtieġ li l-kunċett ta' paga jinkludi l-elementi kollha tar-remunerazzjoni dovuta bil-liġi, ftehimiet kollettivi u/jew il-prattika f'kull Stat Membru.

    (22)

    Sabiex tiġi żgurata preżentazzjoni uniformi tal-informazzjoni meħtieġa minn din id-Direttiva, il-livelli tal-paga jenħtieġ li jiġu espressi bħala l-paga grossa annwali u l-paga grossa fis-siegħa korrispondenti. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-kalkolu tal-livelli tal-paga jiġi bbażat fuq il-paga attwali speċifikata fir-rigward tal-ħaddiem, irrispettivament minn jekk tkunx stabbilita kull sena, kull xahar, fis-siegħa jew mod ieħor.

    (23)

    L-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunux obbligati joħolqu korpi ġodda għall-fini ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li jkun possibbli għalihom li jikkonferixxu kompiti ġejjin minnha lil korpi stabbiliti, inklużi is-sħab soċjali, f'konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, dment li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi stipulati f'din id-Direttiva.

    (24)

    Sabiex il-ħaddiema jiġu protetti u biex tiġi indirizzata l-biża' ta' vittimizzazzjoni tagħhom fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali, jenħtieġ li huma jkunu jistgħu jiġu rappreżentati minn rappreżentant. Dan jista' jkun trade unions jew rappreżentanti oħra tal-ħaddiema. Jekk ma jkunx hemm rappreżentanti tal-ħaddiema, jenħtieġ li l-ħaddiema jkunu jistgħu jiġu rappreżentati minn rappreżentant tal-għażla tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom u r-rwoli differenti li jikkonċernaw ir-rappreżentanza tal-ħaddiema.

    (25)

    L-Artikolu 10 TFUE jipprevedi li, fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha l-obbligu li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE jipprovdi li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess b'rabta mal-paga. Id-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru fejn is-sess tal-vittma jkollu rwol kruċjali tista' tieħu ħafna forom differenti fil-prattika. Tista' tinvolvi intersezzjoni ta' diversi assi ta' diskriminazzjoni jew inugwaljanza meta l-ħaddiem ikun membru ta' grupp wieħed jew aktar protetti kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, minn naħa, u l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, kif protetti skont id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE (7) jew 2000/78/KE (8), min-naħa l-oħra. Nisa b'diżabilità, nisa ta' oriġini razzjali u etnika differenti inkluż nisa Rom, u nisa żgħażagħ jew anzjani huma fost il-gruppi li jistgħu jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali. Jenħtieġ għalhekk li din id-Direttiva tiċċara li, fil-kuntest ta' diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru, jenħtieġ li jkun possibbli li titqies tali kombinazzjoni, u b'hekk jitneħħa kull dubju li jista' jeżisti f'dan ir-rigward taħt il-qafas legali eżistenti u l-qrati nazzjonali, il-korpi tal-ugwaljanza u awtoritajiet kompetenti oħra jkunu jistgħu jikkunsidraw kull sitwazzjoni ta' żvantaġġ li tirriżulta minn diskriminazzjoni intersezzjonali, b'mod partikolari għal finijiet sostantivi u proċedurali, inkluż biex tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta' diskriminazzjoni, biex jiġi deċiż il-komparatur xieraq, biex tiġi valutata l-proporzjonalità, u jiġi determinat, fejn rilevanti, il-livell ta' kumpens mogħti jew penalitajiet imposti.

    Approċċ intersezzjonali huwa importanti biex tiftiehem u tiġi ndirizzata d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. Jenħtieġ li din il-kjarifika ma tbiddilx l-ambitu tal-obbligi tal-impjegaturi fir-rigward tal-miżuri ta' trasparenza fil-pagi skont din id-Direttiva. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-impjegaturi ma jkunux meħtieġa jiġbru data relatata ma' raġunijiet protetti oħra għajr is-sess.

    (26)

    Sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal paga ugwali, l-impjegaturi jrid ikollhom fis-seħħ strutturi tal-pagi li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda differenza fil-pagi abbażi tal-ġeneru bejn il-ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali li ma jkunux ġustifikati abbażi ta' kriterji oġġettivi, newtrali għall-ġeneru. Jenħtieġ li tali strutturi tal-pagi jippermettu t-tqabbil tal-valur ta' impjiegi differenti fi ħdan l-istess struttura organizzazzjonali. Jenħtieġ li jkun possibbli li tali strutturi ta’ pagi jkunu bbażati fuq linji gwida eżistenti tal-Unjoni relatati ma' sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali għall-ġeneru, jew fuq indikaturi jew mudelli newtrali għall-ġeneru. F'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jenħtieġ li l-valur tax-xogħol jiġi vvalutat u mqabbel abbażi ta' kriterji oġġettivi, inkluż rekwiżiti edukattivi, professjonali u ta' taħriġ, ħiliet, l-isforz, ir-responsabbiltà u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, irrispettivament mid-differenzi fix-xejriet tax-xogħol. Biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-kunċett ta' xogħol ta' valur ugwali, speċjalment għal intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, il-kriterji oġġettivi li għandhom jintużaw jenħtieġ li jinkludu erba' fatturi: il-ħiliet, l-isforz, ir-responsabbiltà u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dawk il-fatturi ġew identifikati mil-linji gwida eżistenti tal-Unjoni bħala essenzjali u biżżejjed għall-evalwazzjoni tal-kompiti mwettqa f'organizzazzjoni irrispettivament mis-settur ekonomiku li tagħmel parti minnu l-organizzazzjoni.

    Peress li mhux il-fatturi kollha għandhom l-istess rilevanza għal pożizzjoni speċifika, jenħtieġ li kull wieħed mill-erba' fatturi jintiżen mill-impjegatur skont ir-rilevanza ta' dawk il-kriterji għax-xogħol jew il-pożizzjoni speċifika kkonċernati. Jistgħu jitqiesu wkoll kriterji addizzjonali, fejn ikunu rilevanti u ġustifikati. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' taġġorna l-linji gwida eżistenti tal-Unjoni, b'konsultazzjoni mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE).

    (27)

    Sistemi nazzjonali għall-iffissar tal-pagi jvarjaw u jistgħu jkunu bbażati fuq ftehimiet kollettivi u/jew elementi deċiżi mill-impjegatur. Din id-Direttiva ma taffettwax is-sistemi nazzjonali varji għall-iffissar tal-pagi.

    (28)

    L-identifikazzjoni ta' komparatur validu hija parametru importanti biex jiġi ddeterminat jekk xogħol jistax jitqies ta' valur ugwali. Dan jippermetti lill-ħaddiem juri li kien ittrattat b'mod inqas favorevoli minn komparatur ta' sess ieħor li jagħmel xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali. Abbażi tal-iżviluppi li ġejjin mid-definizzjoni ta' diskriminazzjoni diretta u indiretta fid-Direttiva 2006/54/KE, f'sitwazzjonijiet fejn ma jeżisti l-ebda komparatur fil-ħajja reali, jenħtieġ li jiġi permess l-użu ta' komparatur ipotetiku, biex jippermetti lill-ħaddiema juru li ma ġewx ittrattati bl-istess mod li bih kien jiġi ttrattat komparatur ipotetiku ta' sess ieħor. Dan ineħħi ostaklu importanti għall-vittmi potenzjali tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru fil-pagi, speċjalment fi swieq tax-xogħol segregati ħafna skont il-ġeneru fejn rekwiżit li jinstab komparatur tas-sess oppost jagħmilha kważi impossibbli li ssir talba għal paga ugwali.

    Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ħaddiema ma jitwaqqfux milli jużaw fatti oħra li minnhom tista' tiġi preżunta diskriminazzjoni allegata, bħal statistika jew informazzjoni oħra disponibbli. Dan jippermetti li l-inugwaljanzi fil-pagi bbażati fuq il-ġeneru jiġu indirizzati b'mod aktar effettiv f'setturi u professjonijiet segregati skont il-ġeneru, speċjalment f'dawk iddominati min-nisa bħas-settur tal-kura.

    (29)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li sabiex jiġi vvalutat jekk ħaddiema humiex f'sitwazzjoni komparabbli, il-paragun m'għandux ikun neċessarjament limitat għal sitwazzjonijiet li fihom in-nisa u l-irġiel ikunu jaħdmu għall-istess impjegatur (9). Il-ħaddiema jistgħu jkunu f'sitwazzjoni komparabbli anki meta ma jaħdmux mal-istess impjegatur kull meta l-kundizzjonijiet tal-paga jkunu jistgħu jiġu attribwiti għal sors wieħed li jistabbilixxi dawk il-kundizzjonijiet u fejn dawk il-kundizzjonijiet ikunu ugwali u komparabbli. Dan jista' jkun il-każ meta l-kundizzjonijiet rilevanti tal-paga jkunu rregolati minn dispożizzjonijiet statutorji jew ftehimiet relatati mal-paga applikabbli għal diversi impjegaturi, jew meta tali kundizzjonijiet ikunu stipulati ċentralment għal aktar minn organizzazzjoni jew negozju wieħed fi ħdan kumpanija azzjonarja jew konglomerat. Barra minn hekk, il-Qorti ċċarat li l-paragun ma għandux ikun limitat għal ħaddiema impjegati fl-istess żmien bħar-rikorrent (10). Barra minn hekk, meta titwettaq il-valutazzjoni attwali, għandu jiġi rikonoxxut li differenza fil-paga tista' tiġi spjegata minn fatturi mhux relatati mas-sess.

    (30)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li taħriġ u għodod u metodoloġiji speċifiċi jkunu disponibbli biex jappoġġaw u jiggwidaw lill-impjegaturi fil-valutazzjoni ta' x'jikkostitwixxi xogħol ta' valur ugwali. Dan għandu jiffaċilita l-applikazzjoni ta' dak il-kunċett, speċjalment għal intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju. Meta titqies il-liġi nazzjonali, ftehimiet u/jew prattika kollettivi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jafdaw l-iżvilupp ta' għodod u metodoloġiji speċifiċi f'idejn is-sħab soċjali jew jiżviluppawhom b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, jew wara li jikkonsultawhom.

    (31)

    Is-sistemi ta' klassifikazzjoni u evalwazzjoni tax-xogħol, jekk ma jintużawx b'mod newtrali għall-ġeneru, b'mod partikolari meta jassumu sterjotipi tradizzjonali tal-ġeneru, jistgħu jirriżultaw f'diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru. F'każijiet bħal dawn, jikkontribwixxu għad-differenza fil-pagi u jipperpetwawha billi jevalwaw xogħlijiet iddominati mill-irġiel u n-nisa b'mod differenti f'sitwazzjonijiet fejn ix-xogħol imwettaq ikun tal-istess valur. Meta jintużaw sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali għall-ġeneru, madankollu, dawn ikunu effettivi fl-istabbiliment ta' sistema ta' paga trasparenti u jkunu strumentali biex jiżguraw li tiġi eskluża diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi tas-sess. Dawn jidentifikaw diskriminazzjoni indiretta fil-pagi relatata mas-sottovalutazzjoni tax-xogħlijiet li tipikament isiru min-nisa. Jagħmlu dan billi jkejlu u jqabblu xogħlijiet li l-kontenut tagħhom hu differenti iżda ta' valur ugwali u b'hekk jappoġġaw il-prinċipju ta' paga ugwali.

    (32)

    In-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-firxa prevista tal-paga ta' pożizzjoni joħloq asimmetrija fl-informazzjoni li tillimita s-setgħa tan-negozjar tal-applikanti għax-xogħol. L-iżgurar tat-trasparenza għandu jippermetti lill-ħaddiema prospettivi jieħdu deċiżjoni infurmata dwar is-salarju mistenni mingħajr ma jillimita b'xi mod is-setgħa ta' negozjar tal-impjegatur jew il-ħaddiem li jinnegozjaw salarju anke barra mill-medda indikata. It-trasparenza tiżgura wkoll bażi espliċita, ħielsa minn preġudizzju skont il-ġeneru għall-iffissar tal-pagi u xxekkel is-sottovalutazzjoni tal-paga meta mqabbla mal-ħiliet u l-esperjenza. It-trasparenza tindirizza wkoll id-diskriminazzjoni intersezzjonali meta nuqqas ta' trasparenza fl-iffissar tal-pagi jippermetti prattiki diskriminatorji għal diversi raġunijiet ta' diskriminazzjoni. Jenħtieġ li applikanti għal xogħol jirċievu informazzjoni dwar il-paga inizjali jew il-firxa tagħha b'tali mod li jiġi żgurat negozjar infurmat u trasparenti dwar il-paga, bħal f'avviż ippubblikat ta' post tax-xogħol battal, qabel l-intervista tax-xogħol, jew inkella qabel il-konklużjoni ta’ kwalunkwe kuntratt ta’ impjieg. Jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi pprovduta mill-impjegatur jew b'mod differenti, pereżempju mis-sħab soċjali.

    (33)

    Sabiex ma tkomplix id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi li taffettwa lil ħaddiema individwali maż-żmien, jenħtieġ li l-impjegaturi jiżguraw li l-avviżi ta' postijiet battala u t-titli tal-impjiegi jkunu newtrali għall-ġeneru u li dawk il-proċessi ta' reklutaġġ jitmexxew b'mod mhux diskriminatorju, sabiex ma jiddgħajjifx id-dritt għal paga ugwali . Jenħtieġ li l-impjegaturi ma jitħallewx jistaqsu jew jippruvaw b'mod proattiv jiksbu informazzjoni dwar il-paga attwali jew l-istorja tal-paga preċedenti ta' applikant għal xogħol.

    (34)

    Jenħtieġ li l-miżuri ta' trasparenza fil-pagi jipproteġu d-dritt tal-ħaddiema għal paga ugwali filwaqt li jillimitaw, sal-limitu possibbli, l-ispejjeż u l-piż amministrattiv għall-impjegaturi, u jagħtu attenzjoni speċifika lil intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-miżuri jitfasslu skont id-daqs tal-impjegaturi, filwaqt li jitqies in-numru ta' impjegati tal-impjegatur. L-għadd ta' ħaddiema impjegati mill-impjegaturi li għandu jiġi applikat bħala kriterju dwar jekk impjegatur huwiex soġġett għal rappurtar dwar il-pagi kif imsemmi f'din id-Direttiva hu definit filwaqt li titqies ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE dwar intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (11).

    (35)

    L-impjegaturi għandhom jagħmlu aċċessibbli għall-ħaddiema l-kriterji li jintużaw biex jiddeterminaw il-livelli tal-pagi u l-progressjoni tal-pagi. Il-progressjoni tal-pagi tirreferi għall-proċess ta' kif ħaddiem jimxi għal livell ogħla tal-paga. Il-kriterji relatati mal-progressjoni tal-pagi jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, il-prestazzjoni individwali, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-anzjanità. Meta jimplimentaw dan l-obbligu, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari biex jevitaw piż amministrattiv eċċessiv għal intrapriżi mikro u żgħar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu wkoll, bħala miżura ta' mitigazzjoni, mudelli lesti biex jappoġġaw lil intrapriżi mikro u żgħar biex jikkonformaw mal-obbligu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżentaw lill-impjegaturi li huma intrapriżi mikro jew żgħar mill-obbligu relatat mal-progressjoni tal-pagi, pereżempju billi jippermettulhom jagħmlu disponibbli l-kriterji tal-progressjoni tal-pagi fuq talba mill-ħaddiema.

    (36)

    Il-ħaddiema kollha jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jiksbu informazzjoni, fuq talba tagħhom, dwar il-livell tal-paga individwali tagħhom u dwar il-livelli tal-paga medja, diżaggregata skont is-sessi, għall-kategorija ta' ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol bħalhom jew xogħol ta' valur ugwali għal tagħhom. Jenħtieġ li jkollhom ukoll il-possibbiltà li jirċievu l-informazzjoni permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema jew permezz ta' korp tal-ugwaljanza. Jenħtieġ li l-impjegaturi jinfurmaw lill-ħaddiema dwar dak id-dritt fuq bażi annwali, kif ukoll dwar il-passi li għandhom jittieħdu sabiex jiġi eżerċitat id-dritt. L-impjegaturi jistgħu wkoll, fuq inizjattiva tagħhom stess, jagħżlu li jipprovdu din l-informazzjoni mingħajr il-ħtieġa li tintalab mill-ħaddiema.

    (37)

    Jenħtieġ li din id-Direttiva tiżgura li l-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess adegwat għall-informazzjoni pprovduta skontha lill-applikanti għal impjieg u lill-ħaddiema. Jenħtieġ li din l-informazzjoni tiġi pprovduta lil dawk il-persuni filwaqt li jitqiesu d-diżabilitajiet partikolari tagħhom, f'format u f'forma xierqa ta' assistenza u appoġġ biex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni u li jifhmuha. Dan jista' jinkludi l-provvista ta' informazzjoni b'mod li jinftiehem li dawn il-persuni jistgħu jipperċepixxu, f'fonts ta' daqs adegwat, bl-użu ta' kuntrast suffiċjenti jew format ieħor adattat għat-tip ta' diżabilità li jkollhom. Fejn rilevanti, tapplika d-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

    (38)

    Jenħtieġ li l-impjegaturi b'mill-inqas 100 ħaddiem jirrappurtaw regolarment dwar il-pagi, kif previst f'din id-Direttiva. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tiġi ppubblikata mill-korpi ta' monitoraġġ tal-Istati Membri b'mod xieraq u trasparenti. L-impjegaturi jistgħu jippubblikaw dawk ir-rapporti fuq is-sit web tagħhom jew jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku b'modi oħra, pereżempju billi jinkludu l-informazzjoni fir-rapport tal-ġestjoni tagħhom, fejn applikabbli fir-rapport tal-ġestjoni mfassal skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). L-impjegaturi li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta' dik id-Direttiva jistgħu jagħżlu li jirrappurtaw dwar il-pagi maġenb kwistjonijiet oħra relatati mal-ħaddiema fir-rapport tal-ġestjoni tagħhom. Sabiex tiġi massimizzata l-kopertura tat-trasparenza fil-pagi tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jżidu l-frekwenza tar-rappurtar jew jagħmlu r-rappurtar regolari dwar il-pagi obbligatorju għall-impjegaturi b'inqas minn 100 ħaddiem.

    (39)

    Ir-rappurtar dwar il-pagi jenħtieġ li jippermetti lill-impjegaturi jevalwaw u jimmonitorjaw l-istrutturi u l-politiki tal-pagi tagħhom, u b'hekk ikunu jistgħu jikkonformaw b'mod proattiv mal-prinċipju ta' paga ugwali. Ir-rappurtar u l-valutazzjonijiet konġunti tal-pagi jikkontribwixxu għal sensibilizzazzjoni akbar tal-preġudizzji tal-ġeneru fl-istrutturi tal-pagi u tad-diskriminazzjoni fil-pagi u jikkontribwixxu għall-indirizzar ta’ tali preġudizzju u diskriminazzjoni b'mod effettiv u sistematiku, b'hekk iservu ta' benefiċċju għall-ħaddiema kollha impjegati mill-istess impjegatur. Fl-istess ħin, id-data diżaggregata skont is-sessi għandha tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lil partijiet ikkonċernati oħra fil-monitoraġġ tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fis-setturi (segregazzjoni orizzontali) u l-funzjonijiet (segregazzjoni vertikali). L-impjegaturi jistgħu, jekk iridu, jakkumpanjaw id-data ppubblikata bi spjegazzjoni ta' kwalunkwe differenza jew diskrepanza bejn il-ġeneri fil-pagi. Fejn id-differenzi fil-paga medja għall-istess xogħol jew għal xogħol ta' valur ugwali bejn ħaddiema nisa u rġiel ma jkunux ġustifikati abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, jenħtieġ li l-impjegatur jieħu miżuri biex ineħħi l-inugwaljanzi.

    (40)

    Biex jitnaqqas il-piż fuq l-impjegaturi, l-Istati Membri jistgħu jiġbru u jgħaqqdu d-data meħtieġa permezz tal-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom li jippermettu komputazzjoni tad-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel għal kull impjegatur. Tali ġbir ta' data jista' jkun jeħtieġ l-interkonnessjoni ta' data minn diversi amministrazzjonijiet pubbliċi, bħal spettorati tat-taxxa u uffiċċji tas-sigurtà soċjali, u jkun possibbli, jekk tkun disponibbli data amministrattiva li tqabbel id-data tal-impjegaturi, fil-livell tal-kumpanija jew tal-organizzazzjoni, mad-data tal-ħaddiema, fil-livell individwali, inkluż il-benefiċċji fi flus kontanti u in natura. L-Istati Membri jistgħu jiġbru dik l-informazzjoni mhux biss għal impjegaturi li huma koperti mill-obbligu ta' rappurtar dwar il-pagi skont din id-Direttiva, iżda wkoll għal impjegaturi li mhumiex koperti mill-obbligu u li jirrappurtaw b'mod volontarju. Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-Istati Membri jenħtieġ li tissostitwixxi l-obbligu tar-rappurtar dwar il-pagi fuq dawk l-impjegaturi koperti mid-data amministrattiva dment li jinkiseb ir-riżultat maħsub mill-obbligu tar-rappurtar.

    (41)

    Sabiex l-informazzjoni dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fil-livell tal-organizzazzjoni tkun disponibbli b'mod wiesa', l-Istati Membri jenħtieġ li jafdaw lill-korp ta' monitoraġġ maħtur skont din id-Direttiva biex jikkompila d-data dwar id-differenza fil-pagi li jirċievi mingħand l-impjegaturi mingħajr ma jqiegħed piż addizzjonali fuq dawn tal-aħħar. Il-korp ta' monitoraġġ jenħtieġ li jagħmel dik id-data disponibbli għall-pubbliku, fosthom billi jippubblikaha fuq sit web li jkun faċilment aċċessibbli, u b'hekk jippermetti t-tqabbil tad-data ta' impjegaturi, setturi u reġjuni individwali tal-Istat Membru kkonċernat.

    (42)

    L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu l-impjegaturi li mhumiex soġġetti għall-obbligi ta' rapportar stabbiliti f'din id-Direttiva, li jirrappurtaw b'mod volontarju dwar il-pagi tagħhom, pereżempju permezz ta' tikketta ta' trasparenza fil-pagi, bil-ħsieb li jippromwovu prattiki tajbin fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi stipulati f'din id-Direttiva.

    (43)

    Il-valutazzjonijiet konġunti tal-pagi jenħtieġ li jiskattaw ir-rieżami u r-reviżjoni tal-istrutturi tal-pagi f'organizzazzjonijiet b'mill-inqas 100 ħaddiem li juru inugwaljanzi fil-pagi. Il-valutazzjoni konġunta tal-pagi jenħtieġ li titwettaq jekk l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema kkonċernati ma jaqblux li d-differenza ta' mill-inqas 5 % f'kategorija partikolari ta' ħaddiema fil-livell tal-paga medja bejn il-ħaddiema nisa u rġiel tista' tiġi ġustifikata abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, jekk tali ġustifikazzjoni ma tiġix ipprovduta mill-impjegatur, jew jekk l-impjegatur ma jkunx irrimedja din id-differenza fil-livell tal-paga fi żmien sitt xhur mid-data tas-sottomissjoni tar-rappurtar dwar il-pagi. Il-valutazzjoni konġunta tal-pagi jenħtieġ li titwettaq mill-impjegaturi f'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Jekk ma jkunx hemm rappreżentanti tal-ħaddiema , jenħtieġ li dawn jinħatru mill-ħaddiema għall-fini tal-valutazzjoni konġunta tal-pagi. Il-valutazzjonijiet konġunti tal-pagi jenħtieġ li jwasslu, f'perjodu ta' żmien raġonevoli, għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru permezz tal-adozzjoni ta' miżuri ta' rimedju.

    (44)

    Kwalunkwe proċessar jew pubblikazzjoni ta' informazzjoni skont din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Jenħtieġ li jiżdiedu salvagwardji speċifiċi biex jipprevjenu l-iżvelar dirett jew indirett ta' informazzjoni ta' ħaddiem identifikabbli. Il-ħaddiema ma għandhomx jinżammu milli jiżvelaw b'mod volontarju l-paga tagħhom għall-fini tal-infurzar tal-prinċipju ta' paga ugwali.

    (45)

    Huwa importanti li s-sħab soċjali jiddiskutu u jagħtu attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet ta' pagi ugwali fin-negozjar kollettiv. Il-karatteristiċi varji tad-djalogu soċjali nazzjonali u s-sistemi ta' negozjar kollettiv madwar l-Unjoni u l-awtonomija u l-libertà kuntrattwali tas-sħab soċjali, kif ukoll il-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-ħaddiema u tal-impjegaturi jenħtieġ li jiġu rrispettati. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri, f'konformità mas-sistema u l-prattiki nazzjonali tagħhom, jieħdu miżuri adatti biex jinkoraġġixxu lis-sħab soċjali jagħtu l-attenzjoni xierqa lill-kwistjonijiet ta' paga ugwali, li jistgħu jinkludu diskussjonijiet fil-livell adatt ta' negozjar kollettiv, miżuri biex jistimulaw u jneħħu r-restrizzjonijiet żejda fuq l-eżerċizzju tad-dritt ta' negozjar kollettiv relatat mal-kwistjonijiet ikkonċernati u l-iżvilupp ta' sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjieg newtrali għall-ġeneru.

    (46)

    Il-ħaddiema kollha jenħtieġ li jkollhom il-proċeduri meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta' aċċess għall-ġustizzja. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-użu tal-konċiljazzjoni, jew li tagħmel l-intervent ta' korp tal-ugwaljanza obbligatorju jew soġġett għal inċentivi jew penali jenħtieġ li ma żżommx lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' aċċess għall-qrati.

    (47)

    L-involviment ta' korpi ta' ugwaljanza, flimkien ma' partijiet ikkonċernati oħrajn, huwa strumentali biex il-prinċipju ta' paga ugwali jkun applikat b'mod effettiv. Is-setgħat u l-mandati tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza għalhekk jenħtieġ li jkunu adegwati sabiex ikopru bis-sħiħ id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru fil-pagi, inkluż kwalunkwe trasparenza fil-pagi jew kwalunkwe dritt u obbligu ieħor stabbilit b'din id-Direttiva. Sabiex jingħelbu l-ostakli proċedurali u dawk relatati mal-ispejjeż li jiffaċċjaw il-ħaddiema li jfittxu li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali, il-korpi tal-ugwaljanza, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jew entitajiet legali oħra b'interess li jiżguraw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrappreżentaw lil individwi. Jenħtieġ li dawn ikunu jistgħu jassistu lill-ħaddiema billi jaġixxu f'isimhom jew jappoġġawhom, li jippermetti lill-ħaddiema li jkunu sofrew diskriminazzjoni iressqu b'mod effettiv pretensjoni dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tagħhom u l-prinċipju ta' paga ugwali.

    (48)

    It-tressiq ta' pretensjonijiet f'isem diversi ħaddiema jew b’appoġġ għalihom huwa mod kif jiġu ffaċilitati l-proċedimenti li altrimenti ma kinux jitressqu minħabba ostakli proċedurali u finanzjarji jew biża' ta' vittimizzazzjoni. Dan jagħmilha aktar faċli wkoll meta l-ħaddiema jkunu qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni għal raġunijiet multipli li jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu sseparati. It-pretensjonijiet kollettivi għandhom il-potenzjal li jikxfu diskriminazzjoni sistemika u joħolqu l-viżibilità tad-dritt għall paga ugwali u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà kollha kemm hi. Il-possibbiltà ta' rimedju kollettiv tista' tħeġġeġ konformità proattiva mal-miżuri ta' trasparenza fil-pagi, toħloq pressjoni mill-pari, iżżid l-għarfien u r-rieda tal-impjegaturi li jaġixxu b'mod preventiv, u tindirizza n-natura sistemika tad-diskriminazzjoni fil-pagi. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu kriterji ta' kwalifika għar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi proċedimenti tal-qorti relatati ma' pretensjonijiet ta’ paga ugwali, sabiex jiġi żgurat li dawn ir-rappreżentanti jkunu kwalifikati b'mod adegwat.

    (49)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-allokazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti lill-korpi tal-ugwaljanza għat-twettiq effettiv u adegwat tal-kompiti tagħhom relatati mad-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq is-sess. Meta l-kompiti jiġu allokati lil aktar minn korp wieħed, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li dawn ikunu kkoordinati b'mod adegwat. Dan jinkludi, per eżempju, l-allokazzjoni tal-ammonti rkuprati bħala multi lill-korpi tal-ugwaljanza bil-għan li jwettqu b'mod effettiv il-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-infurzar tad-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali, inkluż it-tressiq ta' pretensjonijiet ta' diskriminazzjoni fil-pagi jew l-għoti ta' assistenza jew appoġġ lill-vittmi biex iressqu tali pretensjonijiet.

    (50)

    Il-kumpens jenħtieġ li jkopri b'mod sħiħ it-telf jew id-dannu li jirriżulta kawża tad-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru f’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja (15). Jenħtieġ li jinkludi l-irkupru sħiħ ta' paga b'lura u bonusijiet jew ħlasijiet in natura relatati, kif ukoll kumpens għal opportunitajiet mitlufa, bħal aċċess għal ċerti benefiċċji skont il-livell tal-paga, u għal dannu mhux materjali, bħal tbatija minħabba s-sottovalutazzjoni tax-xogħol imwettaq. Fejn xieraq, il-kumpens jista' jqis id-dannu kkawżat minn diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq is-sess li tingħaqad ma' raġunijiet protetti oħra ta' diskriminazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jiffissawx limitu massimu minn qabel għal tali kumpens.

    (51)

    Minbarra l-kumpens, jenħtieġ li jiġu previsti rimedji oħrajn. L-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati nazzjonali jenħtieġ li, pereżempju, ikunu jistgħu jirrikjedu li impjegatur jieħu miżuri strutturali jew organizzattivi biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-pagi ugwali. Miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, obbligu li jiġi rieżaminat il-mekkaniżmu tal-iffissar tal-pagi abbażi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni newtrali għall-ġeneru; li jinħoloq pjan ta' azzjoni biex jiġu eliminati d-diskrepanzi misjuba u biex titneħħa kwalunkwe differenza mhux ġustifikata fil-pagi; li tiġi pprovduta informazzjoni u tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-ħaddiema dwar id-dritt tagħhom għal paga ugwali; u li jiġi stabbilit taħriġ obbligatorju għall-persunal tar-riżorsi umani dwar il-pagi ugwali u dwar l-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-impjieg newtrali għall-ġeneru.

    (52)

    F'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (16), id-Direttiva 2006/54/KE tistabbilixxi dispożizzjonijiet biex tiżgura li l-oneru tal-provi jmur fuq il-konvenut fejn ikun hemm każ prima facie ta' diskriminazzjoni. Madankollu, mhuwiex dejjem faċli għall-vittmi u għall-qrati li jkunu jafu kif jistabbilixxu anki dik il-preżunzjoni. Fil-kawża C-109/88, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta sistema ta' paga tkun għalkollox nieqsa mit-trasparenza, jenħtieġ li l-oneru tal-provi jmur fuq il-konvenut, irrispettivament mill-fatt li l-ħaddiem ikun wera każ prima facie ta' diskriminazzjoni fil-pagi. Għaldaqstant, l-oneru tal-provi jenħtieġ li jmur fuq il-konvenut meta impjegatur ma jikkonformax mal-obbligi ta' trasparenza fil-pagi stipulati f'din id-Direttiva, pereżempju billi jirrifjuta li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-ħaddiema jew billi ma jirrappurtax dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, fejn ikun rilevanti, ħlief meta l-impjegatur juri li dan il-ksur kien manifestament involontarju u ta' natura minuri.

    (53)

    F'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli nazzjonali dwar il-perjodi ta' preskrizzjoni relatati mat-tressiq ta' pretensjonijiet dwar allegat ksur tad-drittijiet previsti f'din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu tali li ma jagħmluhiex prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu eżerċitati dawk id-drittijiet. Il-perjodi ta' preskrizzjoni joħolqu ostakli speċifiċi għall-vittmi ta' diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti standards minimi komuni. Dawk l-istandards jenħtieġ li jiddeterminaw meta jibda l-perjodu ta' preskrizzjoni, it-tul ta' żmien tiegħu u ċ-ċirkustanzi li fihom jiġi sospiż jew interrott, u jenħtieġ li jipprevedu li l-perjodu ta' preskrizzjoni biex jitressqu pretensjonijiet ikun mill-inqas tliet snin. Jenħtieġ li l-perjodi ta' preskrizzjoni ma jibdewx qabel ma r-rikorrent ikun konxju, jew jista' jkun raġonevolment mistenni li jkun konxju, tal-ksur. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li l-perjodu ta' preskrizzjoni ma jibdiex waqt li l-ksur ikun għadu għaddej jew qabel ma jintemmu l-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg.

    (54)

    L-ispejjeż tal-litigazzjoni joħolqu diżinċentiv serju għall-vittmi tad-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru biex iressqu pretensjonijiet dwar allegat ksur tad-dritt tagħhom għal paga ugwali, li jwassal għall-protezzjoni insuffiċjenti tal-ħaddiema u l-infurzar insuffiċjenti tad-dritt għal paga ugwali. Sabiex jitneħħa dak l-ostaklu proċedurali sinifikanti għall-ġustizzja, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jivvalutaw jekk individwu li jkun tilef bħala rikorrent kellux raġunijiet validi biex iressaq il-pretensjoni u, jekk iva, jekk dak ir-rikorrent ikunx meħtieġ iħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti. Dan jenħtieġ li japplika b'mod partikolari meta konvenut li jkun rebaħ il-kawża ma jkunx ikkonforma mal-obbligi ta' trasparenza fil-pagi stipulati f'din id-Direttiva.

    (55)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta' ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew dispożizzjonijiet nazzjonali li diġà jkunu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva u li jkunu relatati mad-dritt għal paga ugwali. Jenħtieġ li dawn il-penali jinkludu multi li jistgħu jkunu bbażati fuq il-fatturat annwali gross tal-impjegatur jew fuq il-pagi totali mħallsa tal-impjegatur. Jenħtieġ li jitqies kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor li jista' japplika fiċ-ċirkustanzi tal-każ, pereżempju, fejn id-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq is-sess tkun ikkombinata ma' raġunijiet protetti oħra ta' diskriminazzjoni. Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-ksur tad-drittijiet u l-obbligi relatati ma' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali li għalih l-aktar penali adatti huma l-multi.

    (56)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu penali speċifiċi għal ksur ripetut ta' kwalunkwe dritt jew obbligu relatat ma' paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol ta' valur ugwali, biex jirriflettu s-severità tal-ksur u jiskoraġġixxu aktar ksur bħal dan. Tali penali jistgħu jinkludu tipi differenti ta' diżinċentivi finanzjarji bħar-revoka ta' benefiċċji pubbliċi jew l-esklużjoni, għal ċertu perjodu ta' żmien, minn kwalunkwe għoti ta' inċentivi finanzjarji ulterjuri jew minn kwalunkwe offerta pubblika.

    (57)

    L-obbligi fuq l-impjegaturi li jirriżultaw minn din id-Direttiva huma parti mill-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol li l-Istati Membri jridu jiżguraw il-konformità magħhom skont id-Direttivi 2014/23/UE (17), 2014/24/UE (18) u 2014/25/UE (19) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-parteċipazzjoni fi proċeduri ta' akkwist pubbliku. Sabiex jikkonformaw ma' dawk l-obbligi fuq l-impjegaturi sa fejn huwa kkonċernat id-dritt għal paga ugwali, l-Istati Membri jenħtieġ li b'mod partikolari jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi, fit-twettiq ta' kuntratt pubbliku jew konċessjoni, ikollhom mekkaniżmi li jiffissaw il-pagi li ma jwasslux għal differenza bejn il-ġeneri fil-pagi bejn il-ħaddiema fi kwalunkwe kategorija ta' ħaddiema li jwettqu xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali li ma tkunx tista' tiġi ġustifikata abbażi ta' kriterji newtrali għall-ġeneru . Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw jirrikjedu lill-awtoritajiet kontraenti jintroduċu, kif ikun xieraq, penali u kundizzjonijiet ta' terminazzjoni li jiżguraw konformità mal-prinċipju ta' paga ugwali fit-twettiq ta' kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet. L-awtoritajiet kontraenti jenħtieġ ukoll li jkunu jistgħu jqisu wkoll in-nuqqas ta' konformità mal-prinċipju ta' paga ugwali mill-offerent jew minn wieħed mis-sottokuntratturi tal-offerent meta jikkunsidraw l-applikazzjoni tar-raġunijiet għall-esklużjoni jew meta jieħdu deċiżjoni li ma jagħtux kuntratt lill-offerent li jissottometti l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża.

    (58)

    L-implimentazzjoni effettiva tad-dritt għal paga ugwali teħtieġ protezzjoni amministrattiva u mill-qorti adegwata kontra kwalunkwe trattament avvers bħala reazzjoni għal tentattiv mill-ħaddiema li jeżerċitaw dak id-dritt, għal kwalunkwe lment lill-impjegatur jew għal kwalunkwe proċedura amministrattiva jew proċediment tal-qorti li jkollhom l-għan li jinfurzaw il-konformità ma' dak id-dritt. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (20) il-kategorija ta' impjegati li huma intitolati għall-protezzjoni jenħtieġ li tiġi interpretata b'mod wiesa' u tinkludi l-impjegati kollha li jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri ta' ritaljazzjoni meħuda minn impjegatur b'reazzjoni għal ilment ta' diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet ta’ sess. Il-protezzjoni mhijiex limitata biss għall-impjegati li jkunu ressqu lmenti jew ir-rappreżentanti tagħhom, jew għal dawk li jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti formali li jirregolaw ir-rikonoxximent ta' ċertu status, bħal dak ta' xhud.

    (59)

    Sabiex jittejjeb l-infurzar tal-prinċipju ta' paga ugwali, din id-Direttiva jenħtieġ li ssaħħaħ l-għodod u l-proċeduri ta' infurzar eżistenti fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi stipulati f'din id-Direttiva u d-dispożizzjonijiet dwar paga ugwali stabbiliti fid-Direttiva 2006/54/KE.

    (60)

    Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u għalhekk tirrispetta l-prerogattiva tal-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema. Id-drittijiet miksuba skont il-qafas legali eżistenti jenħtieġ li jkomplu japplikaw, sakemm ma jiġux introdotti minn din id-Direttiva dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma tistax tintuża biex jitnaqqsu d-drittijiet eżistenti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali eżistenti f'dan il-qasam, u lanqas ma tista' tikkostitwixxi raġunijiet validi biex jitnaqqsu d-drittijiet tal-ħaddiema fir-rigward tal-prinċipju ta' paga ugwali.

    (61)

    Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tad-dritt għal paga ugwali, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu jew jaħtru korp ta' monitoraġġ iddedikat. Dak il-korp, li jenħtieġ li jkun jista’ jkun parti minn korp eżistenti li jkollu objettivi simili, jenħtieġ li jkollu kompiti speċifiċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' trasparenza fil-pagi previsti f'din id-Direttiva u jiġbor ċerta data għall-monitoraġġ tal-inugwaljanzi fil-pagi u l-impatt tal-miżuri ta' trasparenza fil-pagi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħtru aktar minn korp wieħed, dment li l-funzjonijiet ta' monitoraġġ u analiżi stipulati f'din id-Direttiva jkunu żgurati minn korp ċentrali.

    (62)

    Il-kumpilazzjoni ta' statistika dwar il-pagi diżaggregata skont is-sessi u l-forniment lill-Kummissjoni (Eurostat) bi statistika preċiża u kompluta hija essenzjali għall-analiżi u l-monitoraġġ tal-bidliet fid-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fuq livell tal-Unjoni. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 (21) jirrikjedi li l-Istati Membri jikkompilaw statistika kull erba' snin dwar il-qligħ strutturali fil-livell mikro, li tipprovdi data armonizzata għall-kalkolu tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. Statistika annwali ta' kwalità għolja tista' żżid it-trasparenza u ttejjeb il-monitoraġġ u s-sensibilizzazzjoni dwar l-inugwaljanza fil-pagi bejn il-ġeneri. Id-disponibbiltà u l-komparabbiltà ta' tali data huma strumentali għall-valutazzjoni tal-iżviluppi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fl-Unjoni kollha. L-istatistika rilevanti trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li tinġabar għall-finijiet tal-istatistika skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22).

    (63)

    Minħabba li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri applikazzjoni aħjar u aktar effettiva tal-prinċipju ta' paga ugwali permezz tal-istabbiliment ta' rekwiżiti minimi komuni li jenħtieġ li japplikaw għall-impriżi u l-organizzazzjonijiet kollha madwar l-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva, li tillimita ruħha li tistabbilixxi standards minimi, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi.

    (64)

    Ir-rwol tas-sħab soċjali huwa ta' importanza ewlenija fit-tfassil tal-mod kif il-miżuri ta' trasparenza fil-pagi jiġu implimentati fl-Istati Membri, speċjalment f'dawk b'kopertura għolja ta' negozjar kollettiv. L-Istati Membri għalhekk jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva kollha jew ta' parti minnha, dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li r-riżultati mixtieqa minn din id-Direttiva jkunu garantiti f'kull ħin.

    (65)

    Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b'tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi mikro, żgħar jew ta' daqs medju. L-Istati Membri għalhekk jenħtieġ li jivvalutaw l-impatt tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju biex jiżguraw li dawk l-intrapriżi ma jiġux affettwati b'mod sproporzjonat, filwaqt li joqogħdu speċifikament attenti għall-mikrointrapriżi, biex itaffu l-piż amministrattiv, u jippubblikaw ir-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet.

    (66)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) u ta l-opinjoni tiegħu fis-27 ta' April 2021,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa (il-“prinċipju ta' paga ugwali”) minqux fl-Artikolu 157 TFUE u l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE, b'mod partikolari permezz ta' trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi msaħħa ta' infurzar.

    Artikolu 2

    Kamp ta' Applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva tapplika għall-impjegaturi fis-setturi pubbliċi u privati.

    2.   Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema kollha li għandhom kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni tax-xogħol kif iddefiniti mil-liġi, minn ftehimiet kollettivi u/jew mill-prattika fis-seħħ f'kull Stat Membru b'kunsiderazzjoni għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 5, din id-Direttiva tapplika għal applikanti għal impjieg.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    "paga" tfisser il-paga jew is-salarju ordinarju bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, kemm jekk fi flus kontanti kif ukoll jekk in natura, li ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament (komponenti kumplimentari jew varjabbli) b'rabta mal-impjieg mingħand l-impjegatur tiegħu;

    (b)

    "livell tal-paga" tfisser il-paga annwali grossa u l-paga grossa fis-siegħa korrispondenti;

    (c)

    "differenza bejn il-ġeneri fil-pagi" tfisser id-differenza fil-livelli tal-paga medja bejn il-ħaddiema nisa u rġiel ta' impjegatur espressa bħala perċentwal tal-livell tal-paga medja tal-ħaddiema rġiel;

    (d)

    "livell tal-paga medjana" tfisser il-livell tal-paga li fih nofs il-ħaddiema ta' impjegatur jaqilgħu aktar u nofshom jaqilgħu inqas;

    (e)

    "differenza bejn il-ġeneri fil-paga medjana" tfisser id-differenza bejn il-livell tal-paga medjana tal-ħaddiema nisa u l-livell tal-paga medjana tal-ħaddiema rġiel ta' impjegatur espressa bħala perċentwal tal-livell tal-paga medjana tal-ħaddiema rġiel;

    (f)

    "faxxa tal-pagi kwartili" tfisser kull wieħed minn erba' gruppi ugwali ta' ħaddiema li huma maqsuma fihom skont il-livelli tal-pagi tagħhom, mill-aktar baxx sal-ogħla;

    (g)

    "xogħol ta' valur ugwali" tfisser xogħol li jiġi ddeterminat li huwa ta' valur ugwali f’konformità mal-kriterji nondiskriminatorji u oġġettivi newtrali għall-ġeneru msemmija fl-Artikolu 4(4);

    (h)

    "kategorija ta' ħaddiema" tfisser ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali raggruppati b'mod mhux arbitrarju abbażi tal-kriterji nondiskriminatorji u oġġettivi newtrali għall-ġeneru msemmija fl-Artikolu 4(4), mill-impjegatur tal-ħaddiema u, fejn applikabbli, f'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema f’konformità mad-dritt u/jew il-prattika nazzjonali.

    (i)

    "diskriminazzjoni diretta" tfisser is-sitwazzjoni li fiha persuna tiġi ttrattata b'mod inqas favorevoli minn kif persuna oħra tiġi trattata, ġiet trattata jew tkun ittrattata f'sitwazzjoni komparabbli minħabba raġunijiet ta’ sess;

    (j)

    "diskriminazzjoni indiretta" tfisser is-sitwazzjoni li fiha dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tpoġġi lill-persuni ta' sess wieħed fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma' persuni tas-sess l-ieħor, sakemm dik id-dispożizzjoni, dak il-kriterju jew dik il-prattika ma tkunx iġġustifikata oġġettivament abbażi ta' għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u meħtieġa;

    (k)

    "spettorat tax-xogħol" tfisser il-korp jew korpi responsabbli, skont id-dritt u/jew il-prattika nazzjonali, minn funzjonijiet ta' kontroll u ta' spezzjoni fis-suq tax-xogħol, ħlief, fejn ikun previst fid-dritt nazzjonali, is-sħab soċjali jistgħu jwettqu dawk il-funzjonijiet;

    (l)

    "korp tal-ugwaljanza" tfisser il-korp jew il-korpi maħtura skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE;

    (m)

    "rappreżentanti tal-ħaddiema" tfisser ir-rappreżentanti tal-ħaddiema skont id-dritt u/jew il-prattika nazzjonali.

    2.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, id-diskriminazzjoni tinkludi:

    (a)

    fastidju u fastidju sesswali, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/54/KE, kif ukoll kwalunkwe trattament inqas favorevoli bbażat fuq iċ-ċaħda ta' tali mġiba minn persuna jew is-sottomissjoni tagħha għaliha, meta tali fastidju jew trattament ikun relatat mal-eżerċizzju tad-drittijiet previsti f'din id-Direttiva jew ikun riżultat tiegħu;

    (b)

    kwalunkwe istruzzjoni biex issir diskriminazzjoni kontra persuni bbażata fuq raġunijiet ta’ sess;

    (c)

    kwalunkwe trattament inqas favorevoli relatat ma' tqala jew ma' leave tal-maternità skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE (24);

    (d)

    kwalunkwe trattament inqas favorevoli, skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), ibbażat fuq raġunijiet ta’ sess, inkluż fir-rigward ta' leave tal-paternità, leave tal-ġenituri jew leave tal-persuni li jindukraw;

    (e)

    diskriminazzjoni intersezzjonali, li hija diskriminazzjoni bbażata fuq taħlita ta' sess u kwalunkwe raġuni jew raġunijiet oħra ta' diskriminazzjoni protetta skont id-Direttiva 2000/43/KE jew 2000/78/KE.

    3.   Il-paragrafu 2, il-punt (e) ma għandux jinvolvi obbligi addizzjonali għall-impjegaturi biex jiġbru data kif imsemmi f'din id-Direttiva fir-rigward ta' raġunijiet protetti ta' diskriminazzjoni għajr is-sess.

    Artikolu 4

    Xogħol ugwali u xogħol ta' valur ugwali

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impjegaturi jkollhom strutturi tal-pagi li jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali.

    2.   L-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-korpi tal-ugwaljanza, għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkunu disponibbli għodod jew metodoloġiji analitiċi u li dawn jkunu faċilment aċċessibbli biex jappoġġaw u jiggwidaw il-valutazzjoni u t-tqabbil tal-valur tax-xogħol f'konformità mal-kriterji stipulati f'dan l-Artikolu. Dawk l-għodod jew metodoloġiji għandhom jippermettu lill-impjegaturi u/jew lis-sħab soċjali jistabbilixxu u jużaw faċilment sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjieg newtrali għall-ġeneru li jeskludu kwalunkwe diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq raġunijiet ta’ sess.

    3.   Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista' taġġorna l-linji gwida għall-Unjoni kollha relatati ma' sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjieg newtrali għall-ġeneru, f'konsultazzjoni mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE).

    4.   L-istrutturi tal-pagi għandhom ikunu tali li jippermettu l-valutazzjoni ta' jekk il-ħaddiema humiex f'sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-valur tax-xogħol abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru maqbula mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fejn jeżistu tali rappreżentanti. Dawk il-kriterji ma għandhomx ikunu bbażati direttament jew indirettament fuq is-sess tal-ħaddiema. Dawn għandhom jinkludu ħiliet, sforz, responsabbiltà u kundizzjonijiet tax-xogħol, u, jekk adatt, kwalunkwe fattur ieħor li huwa rilevanti għall-impjieg jew il-pożizzjoni speċifika. Għandhom jiġu applikati b'mod oġġettiv u newtrali għall-ġeneru, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess. B'mod partikolari, il-ħiliet personali rilevanti m’għandhomx jiġu sottovalutati.

    KAPITOLU II

    TRASPARENZA FIL-PAGI

    Artikolu 5

    Trasparenza fil-pagi qabel l-impjieg

    1.   L-applikanti għall-impjieg għandu jkollhom id-dritt li jirċievu, mingħand l-impjegatur prospettiv, informazzjoni dwar:

    (a)

    il-paga inizjali jew il-medda tagħha, abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, li għandha tiġi attribwita għall-pożizzjoni kkonċernata; u

    (b)

    fejn applikabbli, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim kollettiv applikati mill-impjegatur fir-rigward tal-pożizzjoni.

    Tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta b'tali mod li tiżgura negozjar infurmat u trasparenti dwar il-paga, bħal f'avviż ta' impjieg vakanti ippubblikat, qabel l-intervista tal-impjieg jew b’xi mod jew ħin ieħor.

    2.   Impjegatur ma għandux jistaqsi lill-applikanti dwar il-paga tagħhom fir-relazzjonijiet ta' impjieg attwali jew preċedenti tagħhom.

    3.   L-impjegaturi għandhom jiżguraw li l-avviżi ta' pożizzjonijiet vakanti u t-titoli tal-impjiegi jkunu newtrali għall-ġeneru u li l-proċessi ta' reklutaġġ jitmexxew b'mod nondiskriminatorju, sabiex ma jiġix imminat id-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali (id-“dritt għal paga ugwali”).

    Artikolu 6

    Trasparenza fl-iffissar tal-pagi u l-politika ta' progressjoni tal-pagi

    1.   L-impjegaturi għandhom jagħmlu faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema tagħhom il-kriterji li jintużaw biex jiġu ddeterminati l-paga, il-livelli tal-pagi u l-progressjoni tal-pagi tal-ħaddiema. Dawk il-kriterji għandhom ikunu oġġettivi u newtrali għall-ġeneru.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impjegaturi b'inqas minn 50 ħaddiem mill-obbligu relatat mal-progressjoni tal-pagi stipulata fil-paragrafu 1.

    Artikolu 7

    Dritt għall-informazzjoni

    1.   Il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt li jitolbu u jirċievu bil-miktub, f'konformità mal-paragrafi 2 u 4, informazzjoni dwar il-livell tal-paga individwali tagħhom u l-livelli tal-paga medja, diżaggregata skont is-sessi, għal kategoriji ta' ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol bħalhom jew xogħol ta' valur ugwali għal tagħhom.

    2.   Il-ħaddiema għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu u li jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom, skont id-dritt u/jew il-prattika nazzjonali. Huma għandu jkollhom ukoll il-possibbiltà li jitolbu u jirċievu l-informazzjoni permezz ta' korp tal-ugwaljanza.

    Jekk l-informazzjoni riċevuta ma tkunx preċiża jew kompluta, il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt li, personalment jew permezz tar-rappreżentanti tagħhom, jitolbu kjarifiki u dettalji addizzjonali rigward kwalunkwe data pprovduta, u li jingħataw risposta sostanzjata.

    3.   L-impjegaturi għandhom jinformaw lill-ħaddiema kollha, fuq bażi annwali, bid-dritt tagħhom li jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u bil-passi li l-ħaddiem għandu jieħu biex jeżerċita dak id-dritt.

    4.   L-impjegaturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 f'perjodu ta' żmien raġonevoli iżda fi kwalunkwe każ fi żmien xahrejn mid-data li fiha ssir it-talba.

    5.   Il-ħaddiema ma għandhomx jinżammu milli jiżvelaw il-paga tagħhom għall-fini tal-infurzar tal-prinċipju ta' paga ugwali. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri biex jipprojbixxu termini kuntrattwali li jirrestrinġu lill-ħaddiema milli jiżvelaw informazzjoni dwar il-paga tagħhom.

    6.   L-impjegaturi jistgħu jirrikjedu li l-ħaddiema li jkunu kisbu informazzjoni skont dan l-Artikolu, għajr informazzjoni dwar il-paga jew il-livell tal-paga tagħhom stess, ma jużawx dik l-informazzjoni għal kwalunkwe skop ieħor għajr li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali.

    Artikolu 8

    Aċċessibbiltà għall-informazzjoni

    L-impjegaturi għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni kondiviża mal-ħaddiema jew mal-applikanti għall-impjieg skont l-Artikoli 5, 6 u 7 f'format li jkun aċċessibbli għal persuni b'diżabilità u li jqis il-ħtiġijiet partikolari tagħhom.

    Artikolu 9

    Rappurtar dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar l-organizzazzjoni tagħhom, f'konformità ma' dan l-Artikolu:

    (a)

    id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi;

    (b)

    id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi f'komponenti komplementari jew varjabbli;

    (c)

    id-differenza bejn il-ġeneri fil-paga medjana;

    (d)

    id-differenza bejn il-ġeneri fil-paga medjana f'komponenti komplementari jew varjabbli;

    (e)

    il-proporzjon ta' ħaddiema nisa u rġiel li jirċievu komponenti komplementari jew varjabbli;

    (f)

    il-proporzjon ta' ħaddiema nisa u rġiel f'kull faxxa tal-pagi kwartili;

    (g)

    id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi bejn il-ħaddiema skont il-kategoriji ta' ħaddiema mqassma skont il-paga jew is-salarju bażiku ordinarju u l-komponenti komplementari jew varjabbli.

    2.   Impjegaturi b'250 ħaddiem jew aktar għandhom, sas-7 ta’ Ġunju 2027 u kull sena wara dan, jipprovdu l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 relatata mas-sena kalendarja preċedenti.

    3.   Impjegaturi b'bejn 150 u 249 ħaddiem għandhom, sas-7 ta’ Ġunju 2027 u kull tliet snin wara dan, jipprovdu l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 relatata mas-sena kalendarja preċedenti.

    4.   Impjegaturi b'bejn 100 u 149 ħaddiem għandhom, sas-7 ta’ Ġunju 2031 u kull tliet snin wara dan, jipprovdu l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 relatata mas-sena kalendarja preċedenti.

    5.   L-Istati Membri ma għandhomx jipprevjenu lill-impjegaturi b'inqas minn 100 ħaddiem milli jipprovdu l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 fuq bażi volontarja. L-Istati Membri jistgħu, bħala kwistjoni ta' dritt nazzjonali, jirrikjedu li l-impjegaturi b'inqas minn 100 ħaddiem jipprovdu informazzjoni dwar il-paga.

    6.   L-akkuratezza tal-informazzjoni għandha tiġi kkonfermata mill-maniġment tal-impjegatur, wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom aċċess għall-metodoloġiji applikati mill-impjegatur.

    7.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (g) ta' dan l-Artikolu għandha tiġi kkomunikata lill-awtorità inkarigata mill-kumpilazzjoni u mill-pubblikazzjoni ta' tali data skont l-Artikolu 29(3), il-punt (c). L-impjegatur jista' jippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (f) ta' dan l-Artikolu fuq is-sit web tiegħu jew jagħmilha disponibbli pubblikament mod ieħor.

    8.   L-Istati Membri jistgħu jiġbru l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (f), ta' dan l-Artikolu huma stess, abbażi ta' data amministrattiva bħal data pprovduta mill-impjegaturi lill-awtoritajiet tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali. L-informazzjoni għandha ssir pubblika skont l-Artikolu 29(3), il-punt (c).

    9.   L-impjegaturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (g), lill-ħaddiema kollha tagħhom u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-ħaddiema tagħhom. L-impjegaturi għandhom, fuq talba, jipprovdu l-informazzjoni lill-ispettorat tax-xogħol u lill-korp tal-ugwaljanza. L-informazzjoni mill-erba' snin preċedenti, jekk tkun disponibbli, għandha tiġi pprovduta wkoll fuq talba.

    10.   Il-ħaddiema, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-ispettorati tax-xogħol u l-korpi tal-ugwaljanza għandu jkollhom id-dritt li jitolbu aktar kjarifiki u dettalji mingħand l-impjegaturi rigward kwalunkwe data pprovduta, inkluż spjegazzjonijiet dwar kwalunkwe differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. L-impjegaturi għandhom iwieġbu għal dawn it-talbiet fi żmien raġonevoli billi jipprovdu tweġiba sostanzjata. Fejn id-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi ma jkunux ġustifikati abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, l-impjegaturi għandhom jirrimedjaw is-sitwazzjoni f'perjodu ta' żmien raġonevoli f'kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-ispettorat tax-xogħol u/jew il-korp tal-ugwaljanza.

    Artikolu 10

    Valutazzjoni konġunta tal-pagi

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-impjegaturi li huma soġġetti għal rappurtar dwar il-pagi skont l-Artikolu 9 iwettqu, f'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom, valutazzjoni konġunta tal-pagi fejn il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

    (a)

    ir-rappurtar dwar il-pagi juri differenza fil-livell tal-paga medja bejn il-ħaddiema nisa u rġiel ta' mill-inqas 5 % fi kwalunkwe kategorija ta' ħaddiema;

    (b)

    l-impjegatur ma jkunx iġġustifika tali differenza fil-livell tal-paga medja abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru;

    (c)

    l-impjegatur ma jkunx irrimedja tali differenza mhux iġġustifikata fil-livell tal-paga medja fi żmien sitt xhur mid-data tal-preżentazzjoni tar-rapportar dwar il-pagi.

    2.   Il-valutazzjoni konġunta tal-pagi għandha titwettaq sabiex jiġu identifikati, irrimedjati u pprevenuti d-differenzi fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel li mhumiex ġustifikati abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru u għandha tinkludi dan li ġej:

    (a)

    analiżi tal-proporzjon ta' ħaddiema nisa u rġiel f'kull kategorija ta' ħaddiema;

    (b)

    informazzjoni dwar il-medja tal-livelli tal-pagi tal-ħaddiema nisa u rġiel u komponenti komplementari jew varjabbli għal kull kategorija ta' ħaddiema;

    (c)

    kwalunkwe differenza fil-livelli medji tal-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel f'kull kategorija ta' ħaddiema;

    (d)

    ir-raġunijiet għal dawn id-differenzi fil-livelli medji tal-pagi, abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, jekk ikun hemm, kif stabbilit b'mod konġunt mir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-impjegatur;

    (e)

    il-proporzjon ta' ħaddiema nisa u rġiel li bbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-paga wara r-ritorn tagħhom mil-leave tal-maternità jew tal-paternità, mil-leave tal-ġenituri jew mil-leave tal-persuni li jindukraw, jekk tali titjib ikun seħħ fil-kategorija rilevanti tal-ħaddiema matul il-perjodu li fih ikun ittieħed il-leave;

    (f)

    miżuri biex jiġu indirizzati differenzi fil-pagi jekk ma jkunux iġġustifikati abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru;

    (g)

    evalwazzjoni tal-effettività ta' miżuri minn valutazzjonijiet konġunti preċedenti tal-pagi.

    3.   L-impjegaturi għandhom jagħmlu l-valutazzjoni konġunta tal-pagi disponibbli għall-ħaddiema u għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u għandhom jikkomunikawha lill-korp ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 29(3), il-punt (d). Għandhom jagħmluha disponibbli għall-ispettorat tax-xogħol u għall-korp tal-ugwaljanza fuq talba.

    4.   Meta jimplimenta l-miżuri li jirriżultaw mill-valutazzjoni konġunta tal-pagi, l-impjegatur għandu jirrimedja d-differenzi mhux iġġustifikati fil-pagi f'perjodu ta' żmien raġonevoli, f'kooperazzjoni mill-qrib, f'konformità mad-dritt u/jew il-prattika nazzjonali, mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. L-ispettorat tax-xogħol u/jew il-korp tal-ugwaljanza jista' jintalab jipparteċipa fil-proċess. L-implimentazzjoni tal-miżuri għandha tinkludi analiżi tas-sistemi eżistenti ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjieg newtrali għall-ġeneru jew l-istabbiliment ta' tali sistemi, biex jiġi żgurat li kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta fil-pagi bbażata fuq raġunijiet ta' sess tiġi eskluża.

    Artikolu 11

    Appoġġ għall-impjegaturi b’inqas minn 250 ħaddiem

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu appoġġ, fil-forma ta' assistenza teknika u taħriġ, lill-impjegaturi b'inqas minn 250 ħaddiem u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema kkonċernati, biex tiġi ffaċilitata l-konformità tagħhom mal-obbligi stipulati f'din id-Direttiva.

    Artikolu 12

    Protezzjoni tad-data

    1.   Sa fejn kwalunkwe informazzjoni pprovduta skont il-miżuri meħuda skont l-Artikoli 7, 9, u 10 tinvolvi l-ipproċessar ta' data personali, din għandha tiġi pprovduta f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

    2.   Kwalunkwe data personali pproċessata skont l-Artikoli 7, 9 jew 10 ta' din id-Direttiva ma għandha tintuża għal ebda skop għajr biex jiġi applikat il-prinċipju ta' paga ugwali.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, fejn l-iżvelar ta' informazzjoni skont l-Artikoli 7, 9 u 10 iwassal għall-iżvelar, direttament jew indirettament, tal-paga ta' ħaddiem identifikabbli, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-ispettorat tax-xogħol jew il-korp tal-ugwaljanza biss għandu jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jew il-korp tal-ugwaljanza għandhom jagħtu pariri lill-ħaddiema dwar pretensjoni possibbli skont din id-Direttiva mingħajr ma jiżvelaw il-livelli attwali tal-pagi ta' ħaddiema individwali li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali. Għall-finijiet ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 29 l-informazzjoni għandha ssir disponibbli mingħajr restrizzjoni.

    Artikolu 13

    Djalogu soċjali

    Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tas-sħab soċjali u f'konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali, permezz ta' diskussjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi stipulati f'din id-Direttiva, fejn applikabbli u fuq talba tagħhom.

    L-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tas-sħab soċjali u b'kont meħud tad-diversità tal-prattiki nazzjonali, jieħdu miżuri adegwati biex jippromwovu r-rwol tas-sħab soċjali u jinkoraġġixxu l-eżerċizzju tad-dritt għal negozjar kollettiv dwar miżuri li jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-pagi u l-impatt negattiv tagħha fuq il-valutazzjoni tal-impjiegi mwettqa b'mod predominanti minn ħaddiema ta' sess wieħed.

    KAPITOLU III

    RIMEDJI U INFURZAR

    Artikolu 14

    Difiża tad-drittijiet

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, wara rikors possibbli għal konċiljazzjoni, ikunu disponibbli proċeduri tal-qorti għall-infurzar tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema kollha li jħossuhom li ġew trattati ħażin minħabba nuqqas ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema u għall-persuni li jaġixxu f'isimhom, anke wara li tkun intemmet ir-relazzjoni ta' impjieg li fiha jkun allegat li seħħet id-diskriminazzjoni.

    Artikolu 15

    Proċeduri f'isem il-ħaddiema jew b'appoġġ għalihom

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet, il-korpi tal-ugwaljanza u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jew entitajiet legali oħra li, skont il-kriterji stipulati fid-dritt nazzjonali, ikollhom interess leġittimu li jiżguraw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ikunu jistgħu jipparteċipaw fi kwalunkwe proċedura amministrattiva jew proċediment tal-qorti rigward ksur allegat tad-drittijiet jew l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali. Huma jistgħu jaġixxu f'isem, jew b'appoġġ għal, ħaddiem li jkun allegat vittma ta' ksur ta' kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta' paga ugwali, bl-approvazzjoni ta' dik il-persuna.

    Artikolu 16

    Dritt għal kumpens

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe ħaddiem li jkun ġarrab dannu bħala riżultat tal-ksur ta' kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta' paga ugwali għandu d-dritt li jitlob u jikseb kumpens sħiħ jew riparazzjoni sħiħa, kif determinat mill-Istat Membru, għal dak id-dannu.

    2.   Il-kumpens jew ir-riparazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkostitwixxi kumpens jew riparazzjoni reali u effettiva għat-telf u l-ħsara mġarrba, kif determinat mill-Istat Membru, b'mod dissważiv u proporzjonat.

    3.   Il-kumpens jew ir-riparazzjoni għandu jqiegħed lill-ħaddiem li jkun sofra dannu fil-pożizzjoni li fiha kienet tkun dik il-persuna kieku ma kienx hemm diskriminazzjoni kontriha abbażi tas-sess jew jekk ma kien hemm l-ebda ksur ta' xi wieħed mid-drittijiet jew obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpens jew ir-riparazzjoni jinkludu l-irkupru sħiħ ta' pagi b'lura u bonusijiet jew pagamenti in natura relatati, kumpens għal opportunitajiet mitlufa, dannu mhux materjali, kwalunkwe ħsara kkawżata minn fatturi rilevanti oħra li jistgħu jinkludu diskriminazzjoni intersezzjonali, kif ukoll imgħax fuq l-arretrati.

    4.   Il-kumpens jew ir-riparazzjoni m'għandhomx ikunu limitati mill-iffissar ta' limitu ogħla preċedenti.

    Artikolu 17

    Rimedji oħra

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'każ ta' ksur tad-drittijiet jew l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali, l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati nazzjonali, f'konformità mad-dritt nazzjonali, jistgħu, fuq talba tar-rikorrent u bi spejjeż tal-konvenut, joħorġu:

    (a)

    ordni biex jitwaqqaf il-ksur;

    (b)

    ordni biex jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li d-drittijiet jew l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali jiġu applikati.

    2.   Meta konvenut ma jikkonformax ma' kwalunkwe ordni maħruġa skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati nazzjonali tagħhom ikunu jistgħu, fejn xieraq, joħorġu ordni rikorrenti ta' pagament ta' penali, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità.

    Artikolu 18

    Trasferiment tal-oneru tal-provi

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, skont is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, sabiex jiżguraw li, meta ħaddiema li jħossuhom li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta' paga ugwali ma jkunx ġie applikat għalihom, jistabbilixxu, quddiem awtorità kompetenti jew qorti nazzjonali, fatti li minnhom jista' jkun preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-konvenut li jagħti prova li ma kienx hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta b'rabta mal-pagi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċeduri amministrattivi jew proċedimenti tal-qorti rigward diskriminazzjoni allegata diretta jew indiretta fir-rigward tal-paga, meta impjegatur ma jkunx implimenta l-obbligi ta' trasparenza fil-pagi stipulati fl-Artikoli 5, 6, 7, 9 u 10, huwa l-impjegatur li għandu jagħti prova li ma kienx hemm it-tali diskriminazzjoni.

    L-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandux japplika meta l-impjegatur jagħti prova li l-ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6, 7, 9 u 10 kien manifestament mhux intenzjonat u ta' natura minuri.

    3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli evidenzjali li huma aktar favorevoli għal ħaddiem li jistitwixxi proċedura amministrattiva jew proċedimenti tal-qorti rigward allegat ksur ta' kwalunkwe wieħed mid-drittijiet jew obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali.

    4.   L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għall-proċeduri u proċedimenti fejn ikun il-kompitu tal-awtorità kompetenti jew tal-qorti nazzjonali li tinvestiga l-fatti tal-każ.

    5.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal proċedimenti kriminali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mid-dritt nazzjonali.

    Artikolu 19

    Prova ta' xogħol ugwali u xogħol ta' valur ugwali

    1.   Meta jiġi vvalutat jekk ħaddiema nisa u rġiel humiex qed iwettqu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali, il-valutazzjoni ta' jekk il-ħaddiema jinstabux f'sitwazzjoni komparabbli ma għandhiex tkun limitata għal sitwazzjonijiet li fihom ħaddiema nisa u rġiel jaħdmu għall-istess impjegatur, iżda għandha tiġi estiża għal sors uniku li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tal-paga. Għandu jeżisti sors wieħed fejn jistipula l-elementi tal-paga rilevanti għat-tqabbil tal-ħaddiema.

    2.   Il-valutazzjoni ta' jekk il-ħaddiema jinsabux f'sitwazzjoni komparabbli ma għandhiex tkun limitata għal ħaddiema li huma impjegati fl-istess żmien bħall-ħaddiem ikkonċernat.

    3.   Fejn ma jkun jista' jiġi stabbilit l-ebda komparatur reali, kwalunkwe evidenza oħra tista' tintuża biex tingħata prova tad-diskriminazzjoni allegata fil-pagi, inkluż statistika jew tqabbil ta' kif ħaddiem jiġi ttrattat f'sitwazzjoni komparabbli.

    Artikolu 20

    Aċċess għall-evidenza

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti li jikkonċernaw pretensjoni għal paga ugwali, l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw lill-konvenut jiżvela kwalunkwe evidenza rilevanti li tinsab fil-kontroll tal-konvenut, f'konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jordnaw li tiġi żvelata evidenza li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali meta jqisuha rilevanti għall-pretensjoni għal paga ugwali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jordnaw l-iżvelar ta' tali informazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi biex jipproteġu tali informazzjoni, f'konformità mar- regoli proċedurali nazzjonali.

    3.   Dan l-Artikolu ma għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu regoli li jkunu aktar favorevoli għar-rikorrenti.

    Artikolu 21

    Perjodi ta' preskrizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli nazzjonali applikabbli għall-perjodi ta' preskrizzjoni għat-tressiq ta' talbiet għal paga ugwali jiddeterminaw meta jibdew japplikaw tali perjodi, it-tul ta' żmien tagħhom u ċ-ċirkostanzi li taħthom jistgħu jiġu sospiżi jew interrotti. Il-perjodi ta' preskrizzjoni ma għandhomx jibdew qabel ma r-rikorrent ikun konxju jew jista' jkun raġonevolment mistenni li jkun konxju ta’ ksur. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-perjodi ta' preskrizzjoni ma jibdewx waqt li l-ksur ikun għadu għaddej jew qabel ma jintemmu l-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg. Tali perjodi ta' preskrizzjoni ma għandhomx ikunu iqsar minn tliet snin.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perjodu ta' preskrizzjoni jiġi sospiż jew, skont id-dritt nazzjonali, jiġi interrott, hekk kif rikorrent jieħu azzjoni billi jressaq ilment għall-attenzjoni tal-impjegatur jew billi jistitwixxi l-proċedimenti quddiem qorti, direttament jew permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-ispettorat tax-xogħol jew il-korp tal-ugwaljanza.

    3.   Dan l-Artikolu ma japplikax għar-regoli dwar l-iskadenza tal-pretensjonijiet.

    Artikolu 22

    Spejjeż ġuridiċi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta konvenut jirnexxi fi proċedimenti relatati ma' pretensjoni dwar diskriminazzjoni fil-pagi, il-qrati nazzjonali jistgħu jivvalutaw, f'konformità mad-dritt nazzjonali, jekk ir-rikorrent li ma rnexxilux kellux raġunijiet raġonevoli biex iressaq it-talba u, jekk iva, jekk huwiex xieraq li dak ir-rikorrent ma jintalabx iħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti.

    Artikolu 23

    Penali

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali effettivi, proporzjonati u dissważivi applikabbli għall-ksur tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk ir-regoli jkunu implimentati u għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u b'dawk il-miżuri u bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-penali msemmija fil-paragrafu 1 jiggarantixxu effett ta' deterrent reali fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali. Dawk il-penali għandhom jinkludu multi, li l-istabbiliment tagħhom għandu jkun ibbażat fuq id-dritt nazzjonali.

    3.   Il-penali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom iqisu kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti rilevanti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-ksur, li jista' jinkludi diskriminazzjoni intersezzjonali.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li japplikaw penali speċifiċi f'każ ta' ksur ripetut tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali.

    5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-penali previsti skont dan l-Artikolu jiġu applikati fil-prattika b'mod effettiv.

    Artikolu 24

    Paga ugwali f'kuntratti pubbliċi jew konċessjonijiet

    1.   Il-miżuri xierqa li jieħdu l-Istati Membri skont l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 2014/25/UE għandhom jinkludu miżuri biex jiżguraw li, fit-twettiq ta' kuntratti pubbliċi jew konċessjonijiet, l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fir-rigward tal-prinċipju ta' paga ugwali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jirrikjedu li l-awtoritajiet kontraenti jintroduċu, kif xieraq, penali u kondizzjonijiet ta' terminazzjoni li jiżguraw konformità mal-prinċipju tal-paga ugwali fit-twettiq ta' kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet. Fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri jaġixxu skont l-Artikolu 38(7), il-punt (a) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 57(4), il-punt (a) tad-Direttiva 2014/24/UE, jew l-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25/UE flimkien mal-Artikolu 57(4), il-punt (a) tad-Direttiva 2014/24/UE, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jintalbu mill-Istati Membri jeskludu kwalunkwe operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċedura ta' akkwist pubbliku meta jkunu jistgħu juru bi kwalunkwe mezz xieraq ksur tal-obbligi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, relatati jew ma' nuqqas ta' konformità mal-obbligi tat-trasparenza fil-pagi jew ma' diskrepanza fil-pagi ta' aktar minn 5 % fi kwalunkwe kategorija ta' ħaddiema li mhijiex iġġustifikata mill-impjegatur abbażi ta' kriterji oġġettivi, newtrali għall-ġeneru. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt jew obbligu ieħor stipulat fid-Direttiva 2014/23/UE,2014/24/UE jew 2014/25/UE.

    Artikolu 25

    Vittimizzazzjoni u protezzjoni kontra trattament anqas favorevoli

    1.   Il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom ma għandhomx jiġu ttrattati b'mod inqas favorevoli minħabba li jkunu eżerċitaw id-drittijiet tagħhom relatati mal-paga ugwali jew ikunu appoġġaw persuna oħra fil-protezzjoni tad-drittijiet ta' dik il-persuna.

    2.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex jipproteġu lill-ħaddiema, inkluż il-ħaddiema li huma rappreżentanti tal-ħaddiema, kontra s-sensja jew trattament negattiv ieħor mill-impjegatur bħala reazzjoni għal ilment fi ħdan l-organizzazzjoni tal-impjegatur jew għal kwalunkwe proċedura amministrattiva jew proċediment tal-qorti għall-fini tal-infurzar ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta' paga ugwali.

    Artikolu 26

    Relazzjoni mad-Direttiva 2006/54/KE

    Il-Kapitolu III ta' din id-Direttiva għandu japplika għal proċedimenti li jikkonċernaw kwalunkwe dritt jew obbligu li jirrelata mal-prinċipju ta' paga ugwali stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET ORIZZONTALI

    Artikolu 27

    Livell ta' protezzjoni

    1.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

    2.   L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandha taħt l-ebda ċirkustanza tikkostitwixxi raġunijiet għat-tnaqqis fil-livell tal-protezzjoni fl-oqsma koperti b'din id-Direttiva.

    Artikolu 28

    Korpi tal-ugwaljanza

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-ispettorati tax-xogħol jew ta' korpi oħra li jinfurzaw id-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż is-sħab soċjali, il-korpi tal-ugwaljanza għandhom ikunu kompetenti fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    2.   L-Istati Membri għandhom, f'konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali, jieħdu miżuri attivi biex jiżguraw kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib fost l-ispettorati tax-xogħol, il-korpi tal-ugwaljanza u, fejn applikabbli, is-sħab soċjali fir-rigward tal-prinċipju ta' paga ugwali.

    3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-korpi tal-ugwaljanza tagħhom bir-riżorsi adegwati meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod effettiv fir-rigward tar-rispett għad-dritt għal paga ugwali.

    Artikolu 29

    Monitoraġġ u sensibilizzazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-monitoraġġ konsistenti u koordinat u l-appoġġ għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali u l-infurzar tar-rimedji kollha disponibbli.

    2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korp għall-monitoraġġ u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva (korp ta' monitoraġġ) u għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-funzjonament xieraq tiegħu. Il-korp ta' monitoraġġ jista' jkun parti minn korp jew struttura eżistenti fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jaħtru aktar minn korp wieħed għall-fini ta' sensibilizzazzjoni u ġbir ta' data, dment li l-funzjonijiet ta' monitoraġġ u analiżi previsti fil-paragrafu 3, il-punti (b), (c) u (e) jiġu żgurati minn korp ċentrali.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompiti tal-korp ta' monitoraġġ jinkludu dan li ġej:

    (a)

    is-sensibilizzazzjoni fost l-impriżi u l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati, is-sħab soċjali u l-pubbliku biex jippromwovu l-prinċipju ta' paga ugwali u d-dritt għat-trasparenza fil-pagi, inkluż billi tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni intersezzjonali fir-rigward ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali;

    (b)

    l-analiżi tal-kawżi tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u t-tfassil ta' għodod biex jgħinu fil-valutazzjoni tal-inugwaljanzi fil-pagi, bl-użu, b'mod partikolari, tal-ħidma analitika u l-għodod tal-EIGE;

    (c)

    il-ġbir ta' data riċevuta mingħand l-impjegaturi skont l-Artikolu 9(7), u l-pubblikazzjoni minnufih tad-data msemmija fl-Artikolu 9(1), il-punti (a) sa (f), b'mod faċilment aċċessibbli u faċli għall-utent, li jippermetti tqabbil bejn l-impjegaturi, is-setturi u r-reġjuni tal-Istat Membru kkonċernat u jiżgura li d-data mill-erba' snin preċedenti tkun aċċessibbli jekk disponibbli;

    (d)

    il-ġbir tar-rapporti konġunti ta' valutazzjoni tal-paga skont l-Artikolu 10(3);

    (e)

    l-aggregazzjoni tad-data dwar l-għadd u t-tipi ta' lmenti dwar id-diskriminazzjoni fil-pagi mressqa quddiem l-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-korpi tal-ugwaljanza, u t-talbiet imressqa quddiem il-qrati nazzjonali.

    4.   Sas-7 ta’ Ġunju 2028 u kull sentejn wara dan, l-Istati Membri għandhom, fi preżentazzjoni waħda, jipprovdu lill-Kummissjoni d-data msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (c), (d) u (e).

    Artikolu 30

    Negozjar u azzjoni kollettivi

    Din id-Direttiva ma għandha bl-ebda mod taffettwa d-dritt li jiġu nnegozjati, konklużi u infurzati ftehimiet kollettivi jew li tittieħed azzjoni kollettiva skont id-dritt jew il-prattika nazzjonali.

    Artikolu 31

    Statistika

    L-Istati Membri għandhom, fuq bażi annwali, jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'data nazzjonali aġġornata għall-kalkolu tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi f'forma mhux aġġustata. Dik l-istatistika għandha tkun diżaggregata skont is-sessi, is-settur ekonomiku, il-ħin tax-xogħol (full-time/part-time), il-kontroll ekonomiku (sjieda pubblika/privata) u l-età u għandha tiġi kkalkulata fuq bażi annwali.

    Id-data msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tiġi trażmessa mill-31 ta' Jannar 2028 għas-sena ta’ referenza 2026.

    Artikolu 32

    Tixrid ta' informazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri attivi biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw skont din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti li diġà huma fis-seħħ, jinġiebu għall-attenzjoni tal-persuni kkonċernati fit-territorju kollu tagħhom permezz tal-mezzi kollha xierqa.

    Artikolu 33

    Implimentazzjoni

    L-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, f'konformità mad-dritt u/jew il-prattika nazzjonali fir-rigward tar-rwol tas-sħab soċjali, dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li r-riżultati mixtieqa minn din id-Direttiva jkunu garantiti f'kull ħin. Il-kompiti ta’ implimentazzjoni fdati f’idejn is-sħab soċjali jistgħu jinkludu:

    (a)

    l-iżvilupp ta' għodod jew metodoloġiji analitiċi kif imsemmi fl-Artikolu 4(2);

    (b)

    penali finanzjarji ekwivalenti għal multi, dment li dawn ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Artikolu 34

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-7 ta’ Ġunju 2026. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

    Meta jinformaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdulha wkoll sommarju tar-riżultati ta’ valutazzjoni rigward l-impatt tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom fuq il-ħaddiema u l-impjegaturi b'inqas minn 250 ħaddiem u referenza għal fejn tiġi ppubblikata tali valutazzjoni.

    2.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    Artikolu 35

    Rapportar u rieżami

    1.   Sas-7 ta’ Ġunju 2031, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u l-impatt tagħha fil-prattika.

    2.   Sas-7 ta’ Ġunju 2033, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jeżamina, fost l-oħrajn, il-livelli limiti tal-impjegatur previsti fl-Artikoli 9 u 10, kif ukoll l-iskattatur ta' 5 % għall-valutazzjoni konġunta tal-pagi prevista fl-Artikolu 10(1). Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tipproponi kwalunkwe emenda leġislattiva li hija tqis bħala neċessarja abbażi ta’ dak ir-rapport.

    Artikolu 36

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 37

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Mejju 2023.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ROSWALL


    (1)   ĠU C 341, 24.8.2021, p. 84.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Marzu 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2023.

    (3)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' April 1996, P v S, C-13/94, ECLI:EU:C:1996:170; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Jannar 2004, K.B.,C-117/01, ECLI:EU:C:2004:7; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' April 2006, Richards, C-423/04, ECLI:EU:C:2006:256; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Ġunju 2018, M.B., C-451/16, ECLI:EU:C:2018:492.

    (4)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

    (5)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, ECLI:EU:C:1986:284; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union Syndicale Solidaires Isère , C-428/09, ECLI:EU: C:2010:612; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media, C-413/13, ECLI:EU:C:2014:2411; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2015, Balkaya, C-229/14, ECLI:EU:C:2015:455; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik , C-216/15, ECLI:EU:C:2016:883; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-maġistrati Taljani), C-658/18, ECLI:EU:C:2020:572.

    (6)  Pereżempju, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Frar 1982, Garland, C-12/81, ECLI:EU:C:1982:44; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Ġunju 1982, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Grand Duchy tal-Lussemburgu, C-58/81, ECLI:EU:C:1982:215; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Lulju 1989, Rinner-Kulhn, C-171/88, ECLI:EU:C:1989:328; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Ġunju 1990, Kowalska, C-33/89, ECLI: EU:C:1990:265; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta' Ġunju 1992, Bötel, C-360/90, ECLI:EU:C:1992:246; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1996, Gillespie u Oħrajn, C-342/93, ECLI:EU:C:1996:46; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Marzu 1996, Freers u Speckmann, C-278/93, ECLI:EU:C:1996:83; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Marzu 2004, Alabaster, C-147/02, ECLI:EU:C:2004:192.

    (7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).

    (8)  Id-Direttiva Tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).

    (9)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Settembru 2002, Lawrence et., C-320/00, ECLI:EU:C:2002:498.

    (10)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Marzu 1980, Macarthys Ltd, C-129/79, ECLI:EU:C:1980:103.

    (11)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

    (12)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

    (13)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (15)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 2015, Arjona Camacho, C-407/14, ECLI:EU:C:2015:831, para. 45.

    (16)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ottubru 1989, Danfoss, C-109/88, ECLI:EU:C:1989:383.

    (17)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

    (18)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

    (19)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

    (20)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Ġunju 2019, Hakelbracht u oħrajn, C-404/18, ECLI:EU:C:2019:523.

    (21)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 tad-9 ta' Marzu 1999 li jikkonċerna l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar l-ispejjeż tax-xogħol (ĠU L 63, 12.3.1999, p. 6).

    (22)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

    (23)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (24)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).

    (25)  Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).


    Top