Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1035

Regolament (UE) 2022/1035 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/954 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID-19

PE/26/2022/REV/1

ĠU L 173, 30.6.2022, p. 46–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1035/oj

30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/46


REGOLAMENT (UE) 2022/1035 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ Ġunju 2022

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/954 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID-19

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), punt (c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Skont l-acquis ta’ Schengen, b’mod partikolari ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fl-UE u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jiċċaqalqu liberament fit-territorji tal-Istati Membri l-oħrajn kollha matul perjodu ta’ 90 jum tul kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

(2)

Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ġie stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li stabbilixxa qafas komuni għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli tat-tilqim, l-ittestjar jew il-fejqan mill-COVID-19 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19. Dak ir-Regolament kien akkumpanjat mir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li estenda l-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorji tal-IStati Membri u li huma intitolati li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(3)

Ir-Regolamenti (UE) 2021/953 u (UE) 2021/954 waslu biex jiskadu fit-30 ta’ Ġunju 2022. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 għadha għaddejja u t-tifqigħat tal-varjanti ta’ tħassib jistgħu jkomplu jħallu impatt negattiv fuq l-ivvjaġġar fl-Unjoni. Konsegwentement, il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti għandu jiġi estiż sabiex iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jkun jista’ jibqa’ jintuża.

(4)

Il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/953 għandu jiġi estiż bi 12-il xahar. Peress li l-objettiv tar-Regolament (UE) 2021/954 huwa li jestendi l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/953 għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fl-Unjoni, it-tul ta’ żmien tal-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li jkun marbut direttament ma’ dak tar-Regolament (UE) 2021/953. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/954 jiġi emendat skont dan.

(5)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jinftiehemx bħala li jiffaċilita jew jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, kwalunkwe rekwiżit għal verifika ta’ ċertifikati stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 ma għandux jiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri interni. Jenħtieġ li l-kontrolli fil-fruntieri interni jibqgħu miżura tal-aħħar istanza, soġġetti għal regoli speċifiċi stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

(6)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(7)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċettaw, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/953, ċertifikati COVID-19 maħruġin mill-Irlanda lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorju tagħha għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-ivvjaġġar fit-territorji tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Irlanda toħroġ lil dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ċertifikati COVID-19 li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Jenħtieġ li l-Irlanda u l-Istati Membri l-oħra jaċċettaw ċertifikati maħruġin lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi koperti minn dan ir-Regolament fuq bażi reċiproka.

(8)

Fir-rigward ta’ Ċipru, l-Bulgarija, r-Rumanija u l-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi bħala att li jibni fuq, jew inkella li huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011.

(9)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6), koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (7).

(10)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8) koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9).

(11)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10) koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (11).

(12)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) 2021/954 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(13)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 bl-istabbiliment ta’ qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim ta’ persuna kontra l-COVID-19, ir-riżultati tat-testijiet tagħha jew il-fejqan tagħha, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(14)

Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni tiegħu fil-pront u f’waqtha biex tiġi żgurata l-kontinwità taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE,, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati f’konformità mal-Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u taw opinjoni konġunta fl-14 ta’ Marzu 2022 (13),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/954 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil- jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021 sakemm jibqa’ japplika r-Regolament (UE) 2021/953.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

F. RIESTER


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2022.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19, ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(6)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(8)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(10)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(13)  Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.


Top