EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IE1717

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “The White Dove Way — Proposta għal strateġija mmexxija mill-UE għall-bini tal-paċi globali”(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2018/01717

ĠU C 228, 5.7.2019, p. 31–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “The White Dove Way — Proposta għal strateġija mmexxija mill-UE għall-bini tal-paċi globali”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 228/05)

Relatur: Jane MORRICE

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.2.2018

Bażi legali

L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

15.1.2019

Adottata fil-plenarja

20.3.2019

Nru tas-Sessjoni plenarja

542

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

160/3/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-Unjoni Ewropea nbniet fuq missjoni ta’ paċi. Rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi iżda ma tistax tistrieħ fuq kisbietha. Minflok, l-akbar proġett għall-paċi fiż-żminijiet tal-lum għandu jieħu l-post tiegħu bi dritt bħala l-mexxej globali u xempju għall-bini tal-paċi fl-Ewropa u fid-dinja. Bl-isfidi eżistenzjali serji li qed tiffaċċja l-Ewropa llum, it-tiġdid komprensiv fl-istituzzjonijiet tal-UE u l-100 sena mit-tmiem tal-ewwel Gwerra Dinjija, ma hemmx żmien aħjar fl-istorja tal-integrazzjoni Ewropea sabiex l-UE twitti t-triq billi turi direzzjoni ġdida għall-bini tal-paċi madwar id-dinja.

1.2.

Il-WhiteDoveWay hija mappa tar-rotta metaforika u fiżika li turi t-triq ’il quddiem. Din tipproponi Strateġija dinamika ġdida mmexxija mill-UE għall-bini tal-Paċi Globali li tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-kunflitti, l-involviment tas-soċjetà ċivili, u l-komunikazzjoni effettiva permezz tal-edukazzjoni u l-informazzjoni, u Perkors tal-Paċi Ewropew, li jestendi mill-Irlanda ta’ Fuq sa Nikosija, sabiex jinvolvi fiżikament liċ-ċittadini sabiex dawn ikunu inklużi fil-proċess tal-paċi tal-UE u jkollhom is-setgħa jiksbu l-għan tiegħu.

1.3.

Sabiex jinkiseb dan, il-KESE qed jitlob li l-baġit il-ġdid tal-UE jiddedika ħafna iżjed fondi għall-prevenzjoni tal-kunflitti fil-programmi għall-paċi tar-relazzjonijiet esterni kollha tal-UE, u għal koerenza u koeżjoni akbar bejn il-politiki dwar il-kummerċ intern u estern, u dawk dwar l-għajnuna, l-iżvilupp u s-sigurtà.

1.4.

Il-KESE jirrakkomanda bis-saħħa involviment akbar mis-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b’mod simili għal dak li sar fl-inizjattivi tal-bini tal-paċi tal-UE madwar id-dinja, bħall-Programm EU PEACE fl-Irlanda ta’ Fuq, li jibbenefikaw minn kontribut attiv min-negozji, it-trejdjunjins u s-settur tal-volontarjat.

1.5.

Filwaqt li jfakkar fis-suċċess tal-Erasmus, il-KESE jitlob sforz serju għal komunikazzjoni sabiex ikun promoss ir-rwol tal-edukazzjoni u l-informazzjoni biex titwassal l-istorja tal-bini tal-paċi tal-UE, sabiex ikun iffaċilitat it-tagħlim bejn l-NGOs interni u esterni, u sabiex jinħoloq immarkar “WHITE DOVE”fuq proġetti tal-paċi tal-UE sabiex tiżdied il-viżibbiltà fl-UE u fil-pajjiżi barranin.

1.6.

Sabiex iċ-ċittadini jkunu involuti b’mod attiv, il-KESE jipproponi perkors ta’ paċi mill-Irlanda ta’ Fuq sa Nikosija li jorbot żewġ gżejjer diviżi fuq iż-żewġ naħat tal-Ewropa. Kif jirriżulta mis-suċċess tar-Rotot Kulturali Ewropej, bħal Compostela, il-vjaġġaturi jagħmlu dawn it-tipi ta’ vjaġġi bħala pellegrinaġġ jew sabiex jiskopru aktar dwar kulturi differenti permezz tal-interazzjoni ma’ persuni oħra. Fil-WhiteDoveWay se jitgħallmu wkoll dwar il-legat tal-paċi li ħolqot l-Unjoni Ewropea.

1.7.

“White dove”hija t-traduzzjoni Ingliża tal-isem “Columbanus”, il-pellegrin Irlandiż deskritt bħala l-qaddis patrun tal-għaqda Ewropea. Huwa wkoll il-qaddis patrun tas-sewwieqa tal-muturi. Filwaqt li ssegwi l-passaġġ oriġinali tiegħu mill-Irlanda sa Franza, l-Iżvizzera, l-Awstrija u l-Italja, il-WhiteDoveWay se tgħaddi minn postijiet li kienu fi gwerra u kunflitt, bħall-Front tal-Punent, it-Tirol tan-Nofsinhar u l-Balkani. Se jkun ukoll perkors “virtwali”li joffri ktieb tal-istorja b’teknoloġija għolja tal-vjaġġ tal-UE mill-gwerra għall-paċi u li jinkoraġġixxi mod ta’ għajxien u tagħlim rappreżentat mill-valuri tal-UE tar-rispett, it-tolleranza u l-fehim reċiproku.

1.8.

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE sabiex toħloq Strateġija ġdida għall-bini tal-Paċi Globali li tinkludi tliet oqsma:

Qasam 1 – prevenzjoni tal-kunflitti, soċjetà ċivili, koerenza

l-irduppjar tal-finanzjament għall-bini tal-paċi fil-politiki tal-UE relatati kollha b’fokus fuq il-prevenzjoni tal-kunflitt, ir-rikonċiljazzjoni u d-djalogu interkulturali li jippromovu t-tolleranza u r-rispett ġol-pajjiż u barra l-pajjiż;

involviment strutturat tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’politiki u programmi tar-relazzjonijiet esterni tal-UE marbutin mal-bini tal-paċi;

koeżjoni u koerenza akbar bejn l-istrateġiji tad-difiża, tal-għajnuna, tan-negozju u tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt tal-UE fil-pajjiżi kollha madwar id-dinja li fihom topera l-UE;

programmi taż-żgħażagħ, bħall-Erasmus u Korpi tas-Solidarjetà, sabiex jinkludu komponenti marbutin mal-bini tal-paċi, iċ-ċittadinanza Ewropea, ir-rispett reċiproku u t-tolleranza;

koordinazzjoni akbar fil-livelli bejn l-aġenziji u bejn l-istati u skambju ta’ esperjenzi ma’ organizzazzjonijiet statali u mhux statali, lokali, nazzjonali u internazzjonali tal-bini tal-paċi.

Qasam 2 – Informazzjoni, Komunikazzjoni, Edukazzjoni (ICE)

it-taħriġ fil-medjazzjoni, in-negozjar u d-djalogu bejn l-NGOs tal-bini tal-paċi lokali, nazzjonali u internazzjonali;

inċentivi sabiex jinkoraġġixxu t-tagħlim dwar l-integrazzjoni, il-bini tal-paċi u l-involviment ċiviku Ewropew fil-livell terzjarju, sekondarju u primarju fl-UE kollha;

il-ħolqien ta’ ċentri Ewropej għall-bini tal-paċi f’Belfast u Nikosija u “ċentri”ta’ tagħlim li jorbtu siti strateġiċi matul il-WhiteDoveWay;

rikonoxximent uffiċjali mill-UE tas-simbolu tal-White Dove bħala t-“trademark”għall-proġetti tal-paċi tal-UE kollha u obbligu akbar għall-proġetti sabiex jippromovu l-appoġġ tal-UE;

sforz akbar fil-livell tal-KE sabiex tirreklama l-proġetti tal-paċi tal-UE bl-użu tal-“marka”White Dove.

Qasam 3 – Perkors tal-paċi Ewropew

Il-ħolqien ta’ Task Force tal-White Dove tal-UE sabiex tniedi u tappoġġja:

konsultazzjoni ma’ kunsilli lokali, entitajiet reġjonali, rotot stabbiliti oħrajn, bħall-WesternFrontWay, mużewijiet u siti kulturali marbutin mill-WhiteDoveWay;

kollaborazzjoni eqreb ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU, l-Unesco, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa;

netwerking ma’ attivitajiet ta’ maratoni, mixi, ċikliżmu, motoċikliżmu u inizjattivi oħra taċ-ċittadini;

appoġġ għall-applikazzjoni tal-assoċjazzjoni Friends of Columbanus mal-Kunsill tal-Ewropa għal rikonoxximent uffiċjali bħala Rotta Kulturali Ewropea li tkun waħda mill-konnessjonijiet fl-ambitu tal-WhiteDoveWay;

preparazzjoni tal-loġistika għall-bini ta’ perkors li jorbot l-Irlanda ma’ Ċipru u jgħaddi minn żoni ta’ kunflitt preċedenti b’“fergħat”lejn postijiet li taw kontributi sinifikanti għall-paċi bħall-pajjiżi Skandinavi, u l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

appoġġ finanzjarju u tekniku għal WhiteDoveWay ta’ “realtà virtwali”biex tintuża fi skejjel u kulleġġi fl-Ewropa kollha bħala ktieb tal-istorja b’teknoloġija għolja tal-futur;

appoġġ għal verżjoni online interattiva tal-WhiteDoveWay li torbot siti u ċentri tal-bini tal-paċi, inkluż ir-rakkontar tal-istejjer, għal dawk li ma jistgħux jagħmlu l-vjaġġ fuq saqajhom.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

L-isfidi serji li qed tiffaċċja l-UE tal-lum qegħdin jheddu l-qofol tal-ideal Ewropew. Iż-żieda qawwija ta’ refuġjati u immigranti, il-kriżi finanzjarja, l-awsterità, l-estremiżmu, it-theddid għas-sigurtà, iż-żieda ta’ polarizzazzjoni politika u l-impatt tal-Brexit heżżew l-bażi tal-UE. In-nuqqas ta’ rispons adatt tal-UE ma jistax ikompli jekk irridu nippreservaw l-itwal renju ta’ paċi fl-Ewropa. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni volatili ħafna, l-UE għandha tirrispondi b’azzjoni pożittiva, ambizzjuża, kreattiva u kostruttiva u b’viżjoni li tirrifletti l-missjoni ċentrali tal-proġett Ewropew – il-promozzjoni u ż-żamma tal-paċi.

2.2.

Is-suċċess tal-proġett tal-paċi tal-UE jfisser li ġenerazzjonijiet ġodda ta’ Ewropej jinsabu ’l bogħod mir-realtà tal-gwerra. Billi tfakkar liċ-ċittadini tagħha, l-UE toħloq mill-ġdid ideal vinkolanti li se jtejjeb il-kredibbiltà tal-UE u l-missjoni tagħha. Biex tagħmel dan, l-UE jeħtieġ issaħħaħ l-isforz tagħha għall-bini tal-paċi mhux biss madwar id-dinja iżda anke fl-Ewropa stess. Billi tiskambja stejjer ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitt, ta’ kompromess u ta’ kunsens fil-livell lokali f’kulturi, komunitajiet u pajjiżi differenti, l-UE tista’ tirrinforza u tippromovi l-valuri ċentrali ta’ libertà, ġustizzja, ugwaljanza, tolleranza, solidarjetà u demokrazija tagħha internament kif ukoll esternament.

2.3.

Dawk barra mill-UE għandhom jarawha bħala promotur globali tal-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, kunflitti fis-Sirja, l-Afganistan, il-Jemen u lil hinn iġiegħluna nħarsu b’mod kritiku lejn ir-rispons tal-UE għall-kriżijiet umanitarji li jsegwu wara azzjoni militari. Sabiex tilħaq l-għanijiet u l-prinċipji msemmija tagħha, l-UE għandha obbligu morali, lil hinn mill-interessi ġeopolitiċi u ekonomiċi, li tipproteġi l-ħajja ta’ vittmi innoċenti maqbudin f’kunflitt, b’mod partikolari t-tfal. Il-fondi tal-UE jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti sabiex itejbu l-ħajjiet f’dawn iż-żoni iżda r-riżultati huma limitati. Billi tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-kunflitti f’oqsma fejn il-paċi u s-sigurtà huma mhedda, u billi taħdem mill-qrib mas-soċjetà ċivili, l-UE tista’ tiżgura involviment akbar fil-livell lokali u se żżid il-probabbiltà ta’ paċi dejjiema.

2.4.

Skont il-premessa li kull euro investit fil-paċi jiffranka EUR 7 fid-difiża, il-KESE jħeġġeġ lill-UE sabiex tipprijoritizza l-bini tal-paċi fil-proposti tagħha għall-baġit tal-UE l-ġdid (QFP 2021-27). Il-“Faċilità Ewropea għall-Paċi” ġdida ta’ EUR 10 biljun proposta mill-KE jeħtieġ ikollha qasam dwar il-bini tal-paċi ġenwin li jinvolvi b’mod attiv partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali, skambji ta’ prattikanti bilaterali, ċentri għal trasferiment tal-għarfien u strateġija sabiex tikkomunika l-messaġġ tagħha madwar id-dinja. Il-KESE jitlob ukoll l-implimentazzjoni sħiħa tal-Istrateġija Globali għal Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-2016 – il-prevenzjoni tal-kunflitt, il-promozzjoni tas-sigurtà tal-bniedem, l-indirizzar tal-kawżi primarji ta’ instabbiltà u ħidma favur dinja aktar sikura.

3.   Il-kuntest – nikkommemoraw, niċċelebraw, nikkomunikaw

3.1.

Fis-sena ta’ għeluq il-mitt anniversarju mit-tmiem tal-ewwel Gwerra Dinjija, iċ-ċittadini tal-UE mhux biss ikkommemoraw il-vittmi iżda anke kkunsidraw l-ispiża tal-kunflitt. Billi jifhmu l-proċess li wassal għall-paċi, dawk li jfasslu l-politika jitgħallmu mill-istorja u kif il-proċessi tal-paċi rabbew l-għeruq. Il-kommemorazzjoni ta’ żminijiet ewlenin ta’ paċi jfakkruna fil-legat tal-gwerra u l-ispirtu ta’ solidarjetà li jiddomina warajha. Fis-snin li ġejjin se jitfakkru avvenimenti ewlenin, bħal: 30 sena mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin u l-paċi fil-Libanu (2019); 25 sena wara l-Ftehim ta’ Paċi ta’ Dayton (2020); l-2018 immarkat wkoll l-20 anniversarju tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira/ta’ Belfast u t-tieni anniversarju tal-ftehim ta’ paċi Kolombjan. B’enfasi fuq l-appoġġ tagħha għal dawn il-ftehimiet, l-UE tippromovi l-valur tal-isforzi tagħha madwar id-dinja.

3.2.

Biex tkun riflessa s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, it-tentattivi sabiex it-tagħlim li l-Ewropa ħadet mill-kunflitt jissarraf f’forza ta’ ġid akbar jeħtieġ jinkludu komponent kulturali ġdid essenzjali. Id-diplomazija kulturali ġiet enfasizzata mir-Rappreżentant Għoli tal-KE, Federica Mogherini, bħala għodda ewlenija għar-relazzjonijiet diplomatiċi internazzjonali tal-UE. Eżempji li jvarjaw mill-protezzjoni ta’ siti ta’ wirt sal-promozzjoni ta’ identitajiet kulturali u tal-lingwa jgħinu sabiex joħolqu politiki stabbli li fihom gruppi etniċi/nazzjonali reliġjużi/lingwistiċi differenti jħossuhom sikuri u aktar ippreparati sabiex jimpenjaw ruħhom favur il-paċi. Filwaqt li l-virtù tad-diplomazija kulturali fir-relazzjonijiet esterni hija rikonoxxuta, minħabba l-polarizzazzjoni intra-Ewropea dejjem tikber il-kunċett huwa applikabbli wkoll sabiex jindirizza anke n-nuqqas ta’ armonija fl-UE. Il-pellegrin Irlandiż tas-sitt seklu, Columbanus (1), deskritt bħala l-qaddis patrun ta’ Ewropa magħquda, jipprovdi l-legat, l-istorja u r-rabta kulturali għal strateġija globali ġdida tal-UE sabiex ikunu promossi l-fehim komuni u l-azzjoni permezz tal-paċi. Għalhekk din l-inizjattiva tadotta s-simbolu tal-paċi internazzjonali White Dove f’ismu.

4.   Il-WhiteDoveWay

Filwaqt li tgħaqqad metodi moderni ta’ interazzjoni soċjali ma’ metodi antiki ta’ tixrid tal-kelma, il-WhiteDoveWay turi direzzjoni ġdida għall-UE billi tgħaqqad l-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni tagħha.

4.1.    Leading the Way (Niftħu t-triq) – nintroduċu t-tmexxija tal-UE fil-bini tal-paċi globali

Billi tappoġġja b’mod attiv il-ħolqien ta’ soċjetajiet stabbli, ekwi, ġusti u prosperużi madwar id-dinja, l-UE tmur lil hinn mill-promozzjoni tal-paċi. Filwaqt li l-isforzi tal-UE mhux dejjem jistgħu jirnexxu kif ikun mixtieq, il-promozzjoni tal-valuri tal-UE tħeġġeġ lill-pajjiżi li jkunu għaddejjin minn kunflitti ċivili biex jitbiegħdu mill-vjolenza. Il-Programm EU PEACE fl-Irlanda ta’ Fuq, u l-appoġġ tal-UE għall-proċess tal-paċi Kolombjana huma eżempji siewja. Mudelli oħrajn ta’ involviment huma l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tal-2015 sabiex tiżgura li ż-żgħażagħ fl-UE ma jkunux marġinalizzati. Barra minn hekk, billi toħloq koerenza u koeżjoni akbar bejn l-istrateġiji tagħha kulturali, ta’ difiża, ta’ għajnuna, tal-kummerċ u ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti u ma’ aġenziji internazzjonali, l-UE tista’ tkun minn ta’ quddiem nett fil-bini tal-paċi globali.

4.2.    Nuru t-Triq – permezz tal-Informazzjoni, il-Komunikazzjoni u l-Edukazzjoni (ICE)

Billi tmexxi bl-eżempju u tippromovi l-valuri ċentrali tagħha, l-UE tista’ turi t-triq billi tkun involuta b’mod aktar kreattiv fl-istrateġiji tal-ICE. L-iskambju ta’ esperjenzi bejn bennejja tal-paċi fil-livell lokali fl-Ewropa u lil hinn minnha huwa essenzjali. Huwa kruċjali li jiġu stabbiliti Ċentri tal-Paċi Ewropej li jipprovdu taħriġ fil-medjazzjoni, in-negozjati, id-djalogu u l-bini ta’ kunsens, kif propost f’Opinjonijiet preċedenti (2), u li jaħdmu fi sħubija ma’ bennejja tal-paċi mis-soċjetà ċivili. Billi turi l-ħidma tagħha permezz ta’ programmi ta’ edukazzjoni u informazzjoni mgħammra b’riżorsi tajbin u mmirati sew, l-UE żżid l-għarfien dwar ir-rwol tagħha u tiġġustifika l-isforzi tagħha maċ-ċittadini tagħha, filwaqt li turihom il-valur tal-involviment multikulturali u tgħin sabiex terġa’ tikseb il-fiduċja tagħhom fl-oriġini tal-proġett Ewropew.

4.3.    Nimxu t-Triq – Rotta Kulturali aċċessibbli għal kulħadd

4.3.1.

Dan il-perkors tal-paċi permanenti, mill-Irlanda ta’ Fuq sa Nikosija, se jinvolvi persuni mil-livelli kollha tas-soċjetà fi sforz fiżiku u mentali sabiex joħolqu ħbiberiji ġodda u jiltaqgħu ma’ oħrajn li huma lesti li jiskambjaw l-esperjenza ta’ kunflitt tagħhom. Filwaqt li testendi tul 5 000 km madwar l-Ewropa, din ir-Rotta Kulturali, li ssegwi l-passi ta’ Columbanus, se tmur lil hinn mir-rotta oriġinali tal-pellegrin mill-Irlanda sal-Italja sabiex tgħaddi minn postijiet li kienu affettwati sew mill-gwerra u l-kunflitt, bħall-Front tal-Punent, it-Tirol tan-Nofsinhar u l-Balkani, u tul it-triq toħloq konnessjonijiet bejn persuni u postijiet. Il-vjaġġaturi se jisimgħu stejjer dwar il-legat dejjiemi tal-kunflitt iżda, aktar importanti minn hekk, dwar il-mekkaniżmi li joħolqu l-paċi. Il-WhiteDoveWay se tistabbilixxi wkoll ċentri ta’ tagħlim u fergħat lejn it-Tramuntana, il-Lvant, iċ-Ċentru u n-Nofsinhar tal-Ewropa, sabiex il-pellegrini jkunu jistgħu jagħżlu rotot u jżuru siti skont kif ikunu jixtiequ. Il-WhiteDoveWay se tħeġġeġ lil dawn il-“fergħat”biex jestendu kemm ġewwa l-UE kif ukoll lil hinn minnha, filwaqt li tirrikonoxxi mhux biss il-mogħdijiet fiżiċi iżda wkoll ir-rabtiet kulturali, bħal għall-Iskozja u b’mod partikolari Iona, u r-rabtiet tal-konsolidazzjoni tal-paċi ma’ postijiet bħall-Ukrajna u l-Lvant Nofsani. Tista’ wkoll issib modi kif taqbad ma’ rotot oħra diġà stabbiliti sew, bħal Camino de Santiago.

4.3.2.

Din se tinkludi portal online li joħloq esperjenza virtwali u interattiva b’komponenti awdjoviżivi minn kull sit u l-istess rakkonti ta’ stejjer orali li jinstemgħu tul il-vjaġġ għal dawk li m’għandhomx il-mobbiltà biex jimxu l-WhiteDoveWay. Il-perkors virtwali se jkun użat bħal għodda edukattiva għat-tagħlim dwar il-bini tal-paċi fl-iskejjel u jkompli jiżviluppa mumenti ta’ kreattività u fehim ibbażati fuq l-istorja lokali rilevanti u r-rabtiet potenzjali lejn ir-rotta biex titħeġġeġ sjieda mifruxa madwar l-UE u lil hinn minnha. Filwaqt li huwa mmudellat fuq teknoloġija użata għat-taħriġ tal-kadetti fil-protezzjoni ċivili u l-prevenzjoni tal-kunflitti, dan joħloq esperjenza ta’ realtà virtwali ta’ kunflitt u bini tal-paċi. Bħala ktieb tat-tagħlim teknoloġiku dan jissodisfa r-rekwiżiti edukattivi tal-era diġitali u jissupplementa tekniki ta’ tagħlim antiki li jiffokaw aktar fuq dawk li jħeġġu l-gwerra milli fuq dawk li jibnu l-paċi.

5.   Baġit tal-UE ġdid (QFP) biex jimmassimizza l-bini tal-paċi u l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili

5.1.

Filwaqt li m’hemm l-ebda tweġiba sempliċi biex jinstabu soluzzjonijiet ta’ bini tal-paċi, hemm modi biex jinbidlu l-istrateġiji u l-prijoritajiet sabiex itaffu l-agħar effetti tal-konflitt. It-tiġdid tal-baġit tal-UE jipprovdi opportunità prezzjuża biex dan isir billi jinħolqu “l-koerenza, il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà”bejn il-politiki tal-UE tal-bini tal-paċi u fi ħdan il-KE fejn il-kumplessità tal-istrutturi tagħmel il-koordinazzjoni prattika, bejn is-SEAE u oħrajn, waħda diffiċli. B’mod simili, għandu jkun hemm il-koerenza bejn il-politiki tal-UE fl-oqsma tal-kummerċ, l-għajnuna, is-sigurtà u l-iżvilupp, u rikonoxximent tal-ħtieġa li ssir korelazzjoni (join the dots) tal-politiki u l-prattiki fost l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u donaturi ewlenin oħrajn.

5.2.    Fokus fuq il-prevenzjoni tal-kunflitti

Il-proposti dwar il-baġit il-ġdid tal-UE għall-2021-2027 marbuta mal-azzjoni esterna jeħtieġ jagħtu prijorità akbar għall-bini tal-paċi. Dawn il-proposti jinkludu żieda ta’ 40 % għas-sigurtà biex jintlaħqu EUR 4,8 biljun, Fond għad-Difiża ġdid ta’ EUR 13-ilbiljun, EUR 6,5 biljun għal “mobbiltà militari”, permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u żieda ta’ 26 % fil-finanzjament għal azzjoni esterna biex jintlaħqu EUR 120 biljun. B’mod kruċjali, il-proposta tal-KE ta’ EUR 10,5 biljun għal “Faċilità Ewropea għall-Paċi”“barra mill-baġit”għal involviment konġunt f’pajjiżi mhux tal-UE hija ideali sabiex jiġi żgurat li l-azzjoni tal-UE tkun ġenwinament immirata lejn il-prevenzjoni tal-kunflitti. Fl-2017, l-UE adottat regolament li joħloq appoġġ ġdid taħt l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) sabiex irawwem il-bini tal-kapaċità ta’ atturi militari – Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp (CBSD). L-Uffiċċju ta’ Kollegament Ewropew għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi (EPLO) ripetutament iqajjem tħassib dwar dan u dwar il-ħtieġa ta’ aktar input mis-soċjetà ċivili.

5.3.    Inklużjoni tas-soċjetà ċivili – fokus fuq in-nisa u ż-żgħażagħ

Huwa dejjem aktar aċċettat li s-soċjetà ċivili hija kruċjali sabiex tiżgura l-effettività u s-sostenibbiltà fit-tul ta’ kwalunkwe strateġija ta’ bini tal-paċi. Il-kooperazzjoni ma’ atturi fil-livell lokali sservi mhux biss sabiex iżżid l-fehim dwar il-kunflitti f’approċċ minn isfel għal fuq, iżda anke “is-sjieda”lokali tal-proċess billi tgħin fil-promozzjoni ta’ bini tal-paċi “sensittiv għall-kunflitt”u rinfurzar pożittiv. Ir-Riżoluzzjoni 2419 tan-NU tenfasizza r-rwol taż-żgħażagħ fin-negozjar u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet tal-paċi kif tagħmel ir-Riżoluzzjoni 1325 tan-NU dwar ir-rwol tan-nisa. L-attività tat-trejdjunjins u tan-negozji, kbar jew żgħar, għandha wkoll rwol essenzjali fil-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili. Gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari l-vittmi, għandhom jirċievu attenzjoni esperta, u l-approċċ ta’ “relazzjonijiet tajba mal-ġirien”fir-rigward tar-relazzjonijiet fil-komunità u l-postijiet tax-xogħol huwa importanti wkoll. “Djalogu strutturat”bejn l-UE u s-soċjetà ċivili joħloq ukoll relazzjonijiet rivoluzzjonarji u dejjiema kif evidenzjat mill-KESE fir-relazzjonijiet mal-ġirien tal-UE fl-Afrika, fl-Asja u lil hinn minnha.

5.4.    Sensibilizzazzjoni dwar l-UE

Minħabba li s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar il-bini tal-paċi tal-UE hija limitata, il-baġit il-ġdid għandu jenfasizza aktar l-istrateġiji ICE, b’mod partikolari l-użu tal-midja kemm dik tradizzjonali kif ukoll dik soċjali. Filwaqt li t-tħassib dwar il-perikli tal-midja soċjali u t-theddida potenzjali għad-demokraziji huma reali, mhux qed tintuża biżżejjed il-midja sabiex tinħoloq bidla pożittiva. Il-ġurnaliżmu tal-paċi, id-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali jeħtieġ jirċievu aktar riżorsi fil-baġit il-ġdid tal-UE. L-edukazzjoni wkoll għandha rwol importanti, li tgħallem lit-tfal u ż-żgħażagħ mhux biss sabiex “jittolleraw”iżda anke jirrispettaw id-differenza. Dan kien intwera mill-Korp tal-Programmi Speċjali tal-UE u l-Moviment tal-Edukazzjoni Integrata fl-Irlanda ta’ Fuq.

5.5.    L-iskambju tal-aqwa prattiki

L-UE għandha esperjenza vasta f’oqsma bħall-Asja tax-Xlokk, il-Lvant Nofsani, l-Amerika Ċentrali, il-Balkani u l-Afrika sub-Saħarjana. Ftit minn dawn l-esperjenzi kienu ta’ suċċess kbir, oħrajn ftit anqas. Abbażi tat-tagħlimiet mill-istorja, l-UE għandha tirrispetta u tippromovi approċċ etiku għall-interventi kif jintwera fl-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (3) li, filwaqt tinkoraġġixxi proċessi parteċipatorji sħaħ li jinvolvu lis-soċjetà ċivili, tgħin fil-ġlieda kontra l-isfruttar u l-korruzzjoni u tippromovi l-governanza tajba. Dawn it-tagħlimiet, tajbin kif ukoll ħżiena, għandhom jiggwidaw il-politika. Filwaqt li m’hemmx “approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd”, hemm prinċipji ewlenin komuni għaż-żoni ta’ kunflitt li ma jistgħux ikunu injorati. Dan l-iskambju ta’ esperjenzi għandu jkun stabbilit aħjar, b’mod partikolari bejn l-azzjoni tal-UE interna u esterna li s’issa kienet nieqsa minn approċċ sistematiku għal tagħlim kondiviż. Din hija opportunità mitlufa u difett maġġuri tal-politika li għandhom jiġu indirizzati.

5.6.    It-triq ’il quddiem

Is-sena ċentenarja li tfakkar il-gwerra u ċ-ċelebrazzjoni tal-paċi u l-wirt kulturali jimmarkaw żmien f’waqtu għall-UE sabiex tistabbilixxi mill-ġdid is-siwi tagħha fid-dinja, mhux biss bħala mutur ekonomiku iżda bħala mexxejja globali fil-bini, l-iżgurar u l-promozzjoni tal-paċi. Filwaqt li tiffoka fuq il-paċi fid-dawl tat-theddida mit-terroriżmu fl-Ewropa u barra mill-Ewropa, l-UE tista’ tħares lejn l-esperjenza tagħha stess bħala eżempju ta’ x’jista’ jinkiseb, iżda għandha titrawwem kontinwament sabiex jitħeġġu d-djalogu interkulturali, it-tolleranza, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku.

Billi tipprovdi mappa tar-rotta għal Strateġija tal-bini tal-Paċi Globali mmexxija mill-UE flimkien ma’ perkors tal-paċi fiżiku u virtwali għall-vjaġġaturi, il-WhiteDoveWay isservi bħala sinjal li juri mod ta’ kif wieħed jgħix, jitgħallem u jagħmel kuntatt f’dinja dejjem aktar globalizzata. Nies, żgħażagħ u anzjani, minn sfondi soċjoekonomiċi, ġenerazzjonali, reliġjużi, kulturali u komunitarji differenti, li jingħaqdu flimkien minn bnadi mbiegħda tal-UE u lil hinn minnha se jitgħallmu dwar kulturi u tradizzjonijiet differenti u jibnu rabtiet ġodda bbażati fuq fehim akbar dwar il-valuri tal-UE.

Bl-użu tas-simbolu tal-White Dove sabiex jiġu mmarkati s-sinjali tad-direzzjoni tal-vjaġġ, il-WhiteDoveWay mhux biss tkun legat għall-bini tal-paċi tal-UE madwar id-dinja iżda viżjoni ġdida għall-UE u messaġġ ta’ tama fi żminijiet dejjem aktar ta’ sfida.

Fil-politika tal-bini ta’ paċi, fejn hemm ir-rieda, hemm WhiteDoveWay.

Brussell, l-20 ta’ Marzu 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Il-pellegrin Irlandiż tas-sitt seklu kien deskritti minn Robert Schuman, bħala “l-qaddis patrun ta’ dawk kollha li jfittxu li jibnu Ewropa magħquda”.

(2)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq”, 23/10/2008 (ĠU C 100, 30.4.2009, p. 100).

L-Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-konsolidazzjoni tal-paċi fir-relazzjonijiet esterni: prattiki tajbin u perspettivi”9/01/2012 (ĠU C 68, 6.3.2012, p. 21).

(3)  Kif jissemma fl-Opinjoni tal-KESE dwar “Niggarantixxu l-importazzjonijiet essenzjali għall-UE bil-politika kummerċjali attwali tal-UE u l-politiki relatati l-oħra”, 16/10/2013 (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 47).


Top