Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0610

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 610/2014 tal- 14 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f' “Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020)” fir-rigward tal-Impriża Konġunta ECSEL Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 168, 7.6.2014, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/610/oj

7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/53


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 610/2014

tal-14 ta' Frar 2014

li jistabbilixxi deroga mir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020)” fir-rigward tal-Impriża Konġunta ECSEL

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020)” (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020) (Orizzont 2020) u jipprevedi l-involviment tal-Unjoni fi sħubijiet pubbliċi-privati, inkluż f'impriżi konġunti, f'oqsma ewlenin fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-miri kompetittivi usa' tal-Unjoni u jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà.

(2)

Il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti skont Orizzont 2020 għandha tikkonforma mar-Regolament (UE) Nru 1290/2013. Madankollu, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet operattivi speċifiċi tal-impriżi konġunti stabbiliti skont l-Artikolu 187 tat-Trattat fil-qasam tal-komponenti u tas-sistemi elettroniċi, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat ġiet iddelegata lill-Kummissjoni għat-tul ta' żmien ta' Orizzont 2020 bil-ħsieb li l-korpi ta' finanzjament f'dan il-qasam jitħallew japplikaw rati ta' rimborż differenti għall-finanzjament ipprovdut mill-Unjoni f'każijiet fejn Stat Membru wieħed jew aktar jikkofinanzjaw parteċipant jew azzjoni.

(3)

L-Impriża Konġunta ECSEL ġiet stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 (3) għal perjodu sal-31 ta' Diċembru 2024 sabiex tiġi implimentata Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fil-qasam tal-Komponenti u tas-Sistemi Elettroniċi.

(4)

Ġew identifikati ħtiġijiet operattivi speċifiċi fir-rigward tal-kofinanzjament mill-Istati Membri u l-applikabbiltà ta' regoli ta' finanzjament nazzjonali.

(5)

Fid-dawl ta' dawn il-ħtiġijiet operattivi, tinħtieġ deroga mir-rata unika ta' rimborż imsemmija fl- Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 f'każijiet fejn Stat Membru wieħed jew aktar jikkofinanzjaw parteċipant jew azzjoni, sabiex tkun awtorizzata rata' ta' rimborż ta' finanzjament mill-Unjoni skont it-tip ta' parteċipant u t-tip ta' azzjoni. Ir-rata ta' rimborż għandha tiġi stabbilita skont it-tip ta' parteċipant u t-tip ta' azzjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera b'mod partikolari ma' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u entitajiet legali mingħajr skop ta' qligħ, filwaqt li jinkiseb il-livell ottimali ta' effett ta' lieva fuq l-investiment privat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, l-Impriża Konġunta ECSEL tista' tapplika rati ta' rimborż differenti għall-finanzjament mill-Unjoni f'azzjoni li tiddependi fuq it-tip ta' parteċipant u t-tip ta' attività f'azzjonijiet fejn Stat Membru wieħed jew aktar jikkofinanzjaw parteċipant jew l-azzjoni.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, l-14 ta' Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152).


Top