EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0965

//: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 19 ta’ Diċembru 2006 li temenda d-Deċiżjoni 90/424/KEE dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju

OJ L 397, 30.12.2006, p. 22–27 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 081 P. 105 - 110
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 081 P. 105 - 110
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 033 P. 216 - 221

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2009; Impliċitament imħassar minn 32009D0470

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/965/oj

30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-19 ta’ Diċembru 2006

li temenda d-Deċiżjoni 90/424/KEE dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju

(2006/965/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Il-Komunità tikkofinanzja l-attivitajiet ta' l-Istati Membri dwar il-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ tal-mard ta' l-annimali u taż-żoonosi abbażi ta' programmi annwali approvati skond ir-rekwiżiti u l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (3).

(2)

Reviżjoni tal-proċeduri għall-kofinanzjament Komunitarju tal-programmi ta' qerda, kontroll u monitoraġġ tal-mard ta' l-annimali u taż-żoonosi, b'kont meħud b'mod partikolari ta' l-esperjenza miksuba mill-ħidma mwettqa mit-Task Force għall-monitoraġġ tal-qerda tal-mard fl-Istati Membri stabbilit skond l-azzjoni 29 tal-White Paper dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel, uriet li approċċ pluriennali għal dawn il-programmi u lista ġdida ta' mard u ta' żoonosi iwasslu għal riżultati aħjar. Approċċ pluriennali għall-programmi ta' qerda, kontroll u monitoraġġ tal-mard ta' l-annimali u taż-żoonosi jiżgura kisba aktar effiċjenti u effikaċi ta' l-objettivi ta' dawk il-programmi u jkun jipprovdi għal ġestjoni aħjar u aktar trasparenti u ta' verifika finanzjarja aħjar, u b'hekk tiżdied l-effikaċja ta' l-użu tal-fondi Komunitarji. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet li jirregolaw dawk il-programmi sabiex jinkludu l-possibbiltà ta' finanzjament tal-programmi pluriennali.

(3)

Dik ir-reviżjoni wriet ukoll li lista b'numru limitat ta' mard ta' l-annimali u ta' żoonosi eliġibbli għall-kofinanzjament iżżid l-effiċjenza u l-effikaċja tal-programmi ta' qerda, kontroll u monitoraġġ. Huwa kunsiljabbli li l-lista ta' mard u ta' żoonosi li tirrifletti l-prijoritajiet Komunitarji u li l-qerda tagħhom tibbenefika mill-kontribut finanzjarju Komunitarju tiġi stabbilita b'kont meħud ta' l-impatt potenzjali ta' tali mard u żoonosi fuq is-saħħa pubblika u fuq il-kummerċ internazzjonali u intra-Komunitarju ta' l-annimali jew tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali. Huwa kunsiljabbli li d-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll taż-żoonosi għalhekk jiġu mħassra. Huwa meħtieġ li jkun hemm l-possibbiltà li tiġi emendata l-lista bil-proċedura ta' komitoloġija sabiex tieħu kont ta' mard ta' l-annimali li jkun qed jitfaċċa jew ta' evidenza epidemjoloġika u xjentifika ġdida.

(4)

Sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-approvazzjoni tal-programmi ta' qerda, kontroll u monitoraġġ ippreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, huwa kunsiljabbli li jsir provvediment għal deċiżjoni waħda li tapprova l-programmi li jikkwalifikaw għal kontribut finanzjarju Komunitarju sabiex tissostitwixxi ż-żewġ deċiżjonijiet meħtieġa bħalissa, waħda li telenka l-programmi li jikkwalifikaw għal kontribut finanzjarju u t-tieni dwar l-approvazzjoni tal-programmi.

(5)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tissorvelja l-implimentazzjoni tal-programmi, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet li jkunu twettqu, dwar ir-riżultati miksuba u n-nefqa li tkun saret.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/638/KEE tas-27 ta' Novembru 1990 li tistabbilixxi l-kriterji tal-Komunità għall-qerda u l-monitoraġġ ta' ċertu mard ta' l-annimali (4) tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi u ta' informazzjoni għall-programmi ta' qerda, kontroll u monitoraġġ li għalihom huwa mitlub finanzjament Komunitarju. Huwa meħtieġ li dawk ir-rekwiżiti u l-informazzjoni tekniċi jiġu aġġornati u aġġustati b'mod regolari u fil-ħin sabiex jaqblu mal-progress tekniku u xjentifiku u r-reazzjonijiet mill-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-programmi. Huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni tkun tista' tadotta, u taġġorna kif meħtieġ, dawk il-kriterji tekniċi. Huwa kunsiljabbli li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/638/KEE tiġi mħassra kif meħtieġ.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta' Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces (5) tistabbilixxi l-integrazzjoni tas-sistemi kompjuterizzati li kienu jeżistu qabel (Animo u Shift) fis-sistema l-ġdida. Huwa għalhekk xieraq li jittieħed kont ta' l-iżviluppi tekniċi miksuba fil-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji u li jsir provvediment għar-riżorsi meħtieġa għall-hosting, ġestjoni u manutenzjoni tas-sistemi veterinarji kompjuterizzati integrati b'kont meħud ta' l-eżistenza ta' databases nazzjonali, fejn xieraq.

(8)

L-attivitajiet ta' ġbir ta' informazzjoni huma meħtieġa sabiex jippermettu żvilupp u implimentazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni fl-oqsma tas-saħħa ta' l-annimali u tas-sigurtà ta' l-ikel. Barra minn hekk, hemm ħtieġa urġenti ta' disseminazzjoni b'mod wiesa' kemm jista' jkun fil-Komunità kollha ta' informazzjoni rigward il-leġislazzjoni dwar is-saħħa ta' l-annimali u s-sigurtà ta' l-ikel. Huwa għalhekk mixtieq li jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni 90/424/KEE sabiex jinkludi l-finanzjament tal-politika ta' informazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-annimali għas-saħħa ta' l-annimali u s-sigurtà ta' l-ikel fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali.

(9)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/53/KE li temenda d-Deċiżjoni 90/424/KEE tistabbilixxi li għandu jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju għall-miżuri ta' qerda mwettqa mill-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-influwenza avjarja. Huwa kunsiljabbli li din il-kontribuzzjoni tkopri wkoll l-ispejjeż li jkunu saru mill-Istati Membri bħala kumpens lis-sidien għat-telfiet tagħhom minħabba l-qerda tal-bajd.

(10)

Addizzjonalment, id-Deċiżjoni 90/424/KEE tipprovdi li għandha tingħata assistenza teknika u xjentifika lill-Istati Membri għall-iżvilupp ta' leġislazzjoni u taħriġ veterinarju Komunitarju. B'kont meħud ta' l-esperjenza tal-passat, huwa mixtieq li tiġi estiża l-possibbiltà għal din l-assistenza għall-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali (OIE) u l-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO).

(11)

Għall-finijiet ta' ċarezza, huwa wkoll xieraq li tiġi modifikata d-Deċiżjoni 90/424 sabiex kwalunkwe Stat Membru jkun jista' jinforma lill-Kummissjoni li huwa jinsab taħt theddida diretta minn tifqigħa tal-mard ta' l-annimali f'pajjiż terz jew fi Stat Membru ieħor u li jkun hemm estensjoni tal-mard ta' l-annimali msemmi fl-Artikolu 6 ta' dik id-Deċiżjoni għal dak previst fl-Anness.

(12)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE hija emendata kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 1, it-tielet inċiż jinbidel b'dan li ġej:

“—

programmi għall-qerda, kontroll u monitoraġġ ta' mard ta' l-annimali u taż-żoonosi”.

2)

Fl-Artikolu 3a, il-paragrafu 3, l-ewwel inċiż jinbidel b'dan li ġej:

“—

50 % ta' l-ispejjeż li jkunu saru mill-Istati Membri għall-kumpens tas-sidien tal-bhejjem għall-qtil ta' tjur u ta' għasafar oħrajn miżmuma fil-magħluq u l-valur tal-bajd li jkun inqered.”.

3)

Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Fejn Stat Membru ikun suġġett għal theddida diretta li sseħħ jew tiżviluppa, fit-territorju ta' pajjiż terz jew ta' Stat Membru, waħda mill-mardiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), 3a(1), 4(1) u (2), 11(1) jew fl-Anness, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bil-miżuri li huwa jkollu l-ħsieb li jadotta għall-protezzjoni tiegħu.”.

4)

It-Titolu I tal-Kapitolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“Politika ta' informazzjoni għas-saħħa ta' l-annimali, għat-trattament xieraq ta' l-annimali u għas-sigurtà ta' l-ikel”.

5)

L-Artikolu 16 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 16

Il-Komunità għandha tagħmel kontribut finanzjarju għat-twaqqif ta' politika ta' informazzjoni fil-qasam tas-saħħa ta' l-annimali, tat-trattament xieraq ta' l-annimali u tas-sigurtà ta' l-ikel fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali, inklużi:

(a)

l-installazzjoni u l-iżvilupp ta' għodod ta' l-informazzjoni, inkluża database xierqa għal:

(i)

il-ġbir u l-ħażna ta' kull informazzjoni relatata mal-leġislazzjoni Komunitarja li tikkonċerna s-saħħa ta' l-annimali, it-trattament xieraq ta' l-annimali u s-sigurtà ta' l-ikel fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali;

(ii)

id-disseminazzjoni ta' l-informazzjoni msemmija fil-punt (i) lill-awtoritajiet kompetenti, lill-produtturi u lill-konsumaturi, b'kont meħud ta' konnessjonijiet ma' databases nazzjonali fejn xieraq;

(b)

it-twettiq ta' l-istudji meħtieġa għat-tħejjija u l-iżvilupp tal-leġislazzjoni fil-qasam tat-trattament xieraq ta' l-annimali.”.

6)

L-Artikolu 19 jinbidel b'dan li ġej:

“Il-Komunità tista' tieħu, jew tassisti lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jieħdu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta' leġislazzjoni veterinarja Komunitarja u għall-iżvilupp ta' edukazzjoni veterinarja jew taħriġ veterinarju.”.

7)

It-Titolu II jinbidel b'dan li ġej:

“Programmi għall-qerda, kontroll u monitoraġġ tal-mard ta' l-annimali u taż-żoonosi”.

8)

L-Artikolu 24 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 24

1.   Għandha tiġi introdotta miżura finanzjarja Komunitarja sabiex tiġi rimborżata n-nefqa mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-programmi nazzjonali għall-qerda, kontroll u monitoraġġ tal-mard ta' l-annimali u taż-żoonosi elenkati fl-Anness (‘programmi’).

Il-lista fl-Anness tista' tiġi emendata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 41, b'mod partikolari fir-rigward ta' mard ta' l-annimali li jkun qed jitfaċċa li huwa ta' riskju għas-saħħa ta' l-annimali u, indirettament, għas-saħħa pubblika, jew fid-dawl ta' evidenza epidemjoloġika jew xjentifika ġdida.

2.   Kull sena, sa mhux aktar tard mit-30 ta' April, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-programmi annwali jew pluriennali li jibdew fis-sena ta' wara li għalihom huma jixtiequ li jirċievu kontribut finanzjarju mill-Komunità.

Il-programmi li jiġu ppreżentati wara t-30 ta' April m'għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament is-sena ta' wara.

Il-programmi ppreżentati mill-Istati Membri għandu jkun fihom mill-anqas dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-marda qabel id-data tal-bidu tal-programm;

(b)

deskrizzjoni u demarkazzjoni taż-żona ġeografika u amministrattiva li fiha ser jiġi applikat il-programm;

(ċ)

it-tul ta' żmien probabbli tal-programm, il-miżuri li għandhom jiġu applikati u l-objettiv li għandu jinkiseb sad-data tat-tmiem tal-programm;

(d)

analiżi ta' l-ispejjeż stmati u l-benefiċċji antiċipati tal-programm.

Il-kriterji dettaljati, inklużi dawk li jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41.

F'kull programm pluriennali ppreżentat mill-Istat Membru, l-informazzjoni meħtieġa skond il-kriterji msemmija f'dan il-paragrafu għandha tkun pprovduta għal kull sena li jdum il-programm.

3.   Il-Kummissjoni tista' tistieden lil Stat Membru sabiex jippreżenta programm pluriennali jew sabiex jestendi kif meħtieġ it-tul ta' żmien ta' programm annwali li jkun ġie ppreżentat fejn il-programmazzjoni pluriennali titqies meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ aktar effiċjenti u effikaċji ta' marda partikolari, b'mod partikolari fir-rigward tar-riskji potenzjali għas-saħħa ta' l-annimali u, indirettament, għas-saħħa pubblika.

Il-Kummissjoni tista' tikkoordina l-programmi reġjonali li jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri kkonċernati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-programmi ppreżentati mill-Istati Membri kemm mil-lat veterinarju kif ukoll minn dak finanzjarju.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni addizzjonali relevanti li din ta' l-aħħar tkun teħtieġ għall-valutazzjoni tagħha tal-programm.

Il-perjodu għall-ġbir ta' l-informazzjoni kollha fir-rigward tal-programmi għandu jintemm fil-15 ta' Settembru ta' kull sena.

5.   Kull sena sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru, għandu jiġi approvat dan li ġej skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 42:

(a)

il-programmi, fejn xieraq emendati sabiex jieħdu kont tal-valutazzjoni prevista fil-paragrafu 4;

(b)

il-livell tal-kontribut finanzjarju mill-Komunità;

(ċ)

il-limitu massimu tal-kontribut finanzjarju mill-Komunità;

(d)

kwalunkwe kondizzjoni li għaliha jista' jkun suġġett il-kontribut finanzjarju mill-Komunità.

Il-programmi għandhom jiġu approvati għal mhux aktar minn sitt snin.

6.   L-emendi tal-programmi għandhom jiġu approvati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 42.

7.   Għal kull programm approvat l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni r-rapporti li ġejjin:

(a)

rapporti tekniċi u finanzjarji intermedji;

(b)

sa mhux aktar tard mit-30 ta' April ta' kull sena, rapport annwali tekniku dettaljat li jinkludi l-valutazzjoni tar-riżultati miksuba u rendikont dettaljat tan-nefqa li tkun saret għas-sena ta' qabel.

8.   L-applikazzjonijiet għal pagamenti relatati man-nefqa li tkun saret minn Stat Membru fir-rigward ta' programm partikolari għas-sena preċedenti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta' April.

Fil-każ ta' applikazzjonijiet għal pagamenti li jsiru tard, il-kontribut finanzjarju Komunitarju għandu jitnaqqas b'25 % fl-1 ta' Ġunju, 50 % fl-1 ta' Awissu, 75 % fl-1 ta' Settembru u 100 % fl-1 ta' Ottubru ta' dik is-sena.

Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ottubru ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-pagament Komunitarju b'kont meħud tar-rapporti tekniċi u finanzjarji ppreżentati mill-Istat Membru skond il-paragrafu 7.

9.   L-esperti tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu kontrolli fuq il-post f'koperazzjoni ma' l-awtorità kompetenti, sakemm dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' din id-Deċiżjoni skond l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa sabiex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta' l-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa ta' l-annimali u t-trattament tajjeb ta' l-annimali (*).

Fit-twettiq ta' tali kontrolli, l-esperti tal-Kummissjoni jistgħu jkunu assistiti minn grupp ta' esperti stabbilit skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 41.

10.   Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 41.

11.   L-Istati Membri jistgħu jallokaw fondi fi ħdan il-programmi operattivi mfassla skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 (**) għall-qerda tal-mard fl-annimali ta' l-akkwakultura msemmija fl-Anness.

Il-fondi għandhom jiġu allokati skond il-proċeduri stabbiliti f'dan l-Artikolu, bl-aġġustamenti li ġejjin:

(a)

ir-rata ta' l-għajnuna għandha tkun skond ir-rata stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1198/2006;

(b)

il-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu m'għandux japplika.

L-attivitajiet ta' qerda għandhom jitwettqu skond l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa ta’ l-annimali għall-annimali ta’ l-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f'annimali akkwatiċi (***), jew taħt programm ta' qerda mfassal, approvat u mwettaq skond l-Artikolu 44 (2) ta' dik id-Direttiva.

(*)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; verżjoni korretta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1."

(**)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1)."

(***)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.”"

9)

L-Artikolu 26 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 26

L-impenji baġitarji Komunitarji għall-kofinanzjament tal-programmi għandhom jitwettqu kull sena. L-impenji tan-nefqa għall-programmi pluriennali għandhom jiġu adottati skond l-Artikolu 76(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (****). Għall-programmi pluriennali, l-ewwel impenn baġitarju għandu jsir wara l-approvazzjoni tagħhom. Kull impenn sussegwenti għandu jsir mill-Kummissjoni abbażi tad-deċiżjoni li tingħata kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 24(5).

(****)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1”."

10)

L-Artikoli 29, 29a, 32 u 33 huma mħassra.

11)

Fl-Artikolu 37a(1) jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Jista' jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju għall-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji relatati ma':

(a)

kummerċ intra-Komunitarju, u importazzjonijiet, ta' annimali ħajjin u ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali

(b)

hosting, ġestjoni u manutenzjoni tas-sistemi veterinarji kompjuterizzati integrati, inklużi konnessjonijiet ma' databases nazzjonali, fejn xieraq.”.

12)

L-Artikolu 43a jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 43a

Kull erba' snin il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa ta' l-annimali u dwar l-effikaċja, fid-dawl ta' l-ispejjeż magħmula, ta' l-implimentazzjoni tal-programmi fid-diversi Stati Membri, inklużi dettalji dwar il-kriterji adottati.”.

13)

L-Anness jinbidel bit-test fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 90/638/KEE hija b'dan imħassra mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-kriterji msemmija fir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 24(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE u r-regoli dettaljati msemmija fl-Artikolu 24(10) ta' dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Għall-programmi approvati qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, għandhom ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijet relevanti tad-Deċiżjoni 90/424/KEE qabel ma din ġiet emendata b'din id-Deċiżjoni. Minkejja l-Artikolu 24(1), il-programmi għal-Lewkosi Bovina Enżootika u għall-marda ta' Aujeszky jistgħu jiġu ffinanzjati sal-31 ta’ Diċembru 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar 19 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  Opinjoni tat-12.12.2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tas-26.10.2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2006/782/KE (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 57).

(4)  ĠU L 347, 12.12.1990, p. 27. Deċiżjoni kif emendata bid-Direttiva 92/65/KEE (ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54).

(5)  ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2005/123/KE (ĠU L 39, 11.2.2005, p. 53).


ANNESS

Mard ta' l-annimali u żoonosi

Tuberkulosi bovina

Bruċellosi bovina

Bruċellosi ovina u kaprina (B. melitensis)

Bluetongue f'żoni endemiċi jew b'riskju għoli

Deni tal-ħnieżer Afrikan

Marda ta' l-infafet fil-ħnieżer

Deni klassiku tal-ħnieżer

Nekrożi ematopojetika infettiva

Anemija infettiva tas-salamun

Antraċe

Plewropnewmonite bovina kontaġjuża

Influwenza avjarja

Rabja

Ekinokokkosi

Enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (TSE)

Kampilobatterjosi

Listerjosi

Salmonellosi (salmonella żoonotika)

Trikinellosi

E. coli verotossiġenika

Viremija tar-rebbiegħa tal-karpjun (SVC)

Settiċemija emorraġika virali (VHS)

Infezzjoni bil-virus erpete tal-Koi (KHV)

Infezzjoni bil-Bonamia ostreae

Infezzjoni bil-Marteilia refringens

Marda tal-white spot fil-krustaċji.


Top