EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31991L0477

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi

ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51–58 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/04/2021; Imħassar b' 32021L0555

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/477/oj

31991L0477



Official Journal L 256 , 13/09/1991 P. 0051 - 0058
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 10 P. 0145
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 10 P. 0145


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-18 ta’ Ġunju 1990

dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi

(90/477/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 a,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

B’ kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [3],

Billi l-Artikolu 8a tat-Trattat jipprovdi li s-suq internazzjonali għandu jiġi stabbilit mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1992; billi s-suq intern fih żona mingħajra fruntieri interni fejn huwa żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital skond d-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

Billi, fil-laqgħa ta’ Fontainbleau fil-25 u 26 ta’ Ġunju 1984, il-Kunsill Ewropew espressament iddeċida li jabolixxi l-formalitajiet tal-pulizija u tad-dwana fil-fruntieri ta’ ġewwa l-Kommunità;

Billi l-abolizzjoni totali tal-kontrolli u tal-formalitajiet fil-fruntieri ta’ ġewwa l-Kommunita teħtieġ li ċerti kondizzjonijiet fundamentali jiġu mħarsa; billi fil-white paper tagħha ‘Sabiex jitkompla s-suq intern ’ il-Kummissjoni qalet illi l-abolizzjoni tal-kontrolli fuq is-sigurtà ta’ l-oġġetti ttrasportati u fuq il-persuni teħtieġ fost affarijiet oħra, l-approssimazzjoni tal-liġijiet dwar l-armi;

Billi l-abolizzjoni tal-kontrolli dwar il-pussess ta’ l-armi fil-fruntieri interni tal-Kommunità tirrikjedi li jiġu adottati regoli effettivi li jippermettu li jsiru l-kontrolli fl-Istati Membri dwar l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar u dwar it-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor; billi l-kontrolli sistematiċi għandhom għaldaqstant jiġu aboliti fil-fruntieri interni tal-Kommunità;

Billi l-kunfidenza reċiproka fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-persuni li dawn ir-regoli għandhom ikattru bejn l-Istati Membri tkun akbar jekk ir-regoli jkunu bbażati fuq liġijiet parzjalment armonizzati; billi għaldaqstant ikun utli li wieħed jiddetermina l-kategoriji ta’ armi tan-nar li l-akkwist u l-pussess tagħhom minn persuni privati huwa pprojbit, jew suġġett għall-awtorizzazzjoni jew għal dikjarazzjoni;

Billi in prinċipju m’għandux ikun permess li wieħed imur minn Stat Membru għall-ieħor meta jkollu fuqu arma; billi deroga minn dan hija biss aċċettabli jekk tiġi adottata proċedura li biha l-Istati Membri jiġu nnotifikati li arma tan-nar ser tinġieb fit-territorju tagħhom;

Billi, madanakollu, għandhom jiġu adottati regoli aktar flessibli dwar il-kaċċa u l-isparar fuq bersalji sabiex jiġi evitat t-tfixkil aktar minn dak li hemm bżonn għall-moviment liberu tal-persuni;

Billi d-Direttiva ma taffettwax id-dritt ta’ l-Istati Membri li jieħdu miżuri sabiex iwaqqfu l-kummerċ illegali fl-armi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

Il-qasam ta’ applikazzjoni

Artikolu 1

1. Għall-fini ta’ din id-Direttiva ‘armi’ u ‘armi tan-nar’ għandhom it-tifsira mogħtija lilhom fl-Anness 1. L-armi tan-nar huma kklasifikati u mfissra fis-sezzjoni II ta’ dak l-Anness.

2. Għall-fini ta’ din id-Direttiva ‘kummerċjant’ ifisser kull persuna naturali jew legali li l-kummerċ jew in-negozju tiegħu jikkonsistu kompletament jew parzjalment fil-manifattura, kummerċ, bdil, kiri, tiswijiet jew konverżjoni ta’ armi tan-nar.

3. Għall-fini ta’ din id-Direttiva, persuna tkun meqjusa residenti tal-pajjiż indikat fl-indirizz li jidher fuq dokument li juri l-post tar-residenza tagħha, bħalma hu passaport jew karta ta’ l-identità, li meta jsir il-kontroll fuq il-pussess jew l-akkwist, jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru jew lill-kummerċjant.

4. Il-‘Pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar’ huwa dokument li jinħareġ fuq it-talba ta’ l-awtoritajiet ta’ Stat Membru lil persuna li b’ mod legali jkollha l-pussess ta’ u l-użu ta’ arma tan-nar. Għandu jkun validu għal perjodu massimu ta’ ħames snin. Il-pejodu ta’ validità tiegħu jista’ jiġi estiż. Meta fuq il-pass jidhru biss armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija D, il-perjodu ta’ validità massimu tagħhom ikun ta’ għaxar snin. Huwa għandu jagħti l-informazzjoni msemmija fl-Anness II. Il-‘Pass Ewropew għall-armi tan-nar’ huwa dokument mhux trasferibbli, li fuqu għandhom jidhru l-arma jew l-armi tan-nar li jkunu fil-pussess jew li jintużaw mid-detentur tal-pass. Il-persuna li tuża l-arma tan-nar għandha dejjem ikollha l-pass fil-pussess tagħha. Tibdil fil-pussess jew fil-karatteristiċi ta’ l-armi tan-nar għandu jiġi indikat fuq il-pass, kif ukoll it-telf jew is-serq ta’ l-arma tan-nar.

Artikolu 2

1. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ġarr ta’ armi, il-kaċċa jew l-isparar fuq bersalji.

2. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-akkwist jew għall-pussess ta’ armi jew munizzjoni, skond il-liġi nazzjonali, mill-forzi armati, il-pulizija, u l-awtoritajiet pubbliċi jew minn kollezzjonisti u korpi interessati fl-aspetti kulturali jew storiċi ta’ l-armi u li huma magħrufa bħala tali mill-Istat Membru li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom. Lanqas ma tapplika għat-trasferimenti kummerċjali ta’ armi u munizzjoni tal-gwerra.

Artikolu 3

Fil-liġi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet li huma aktar strinġenti minn dawk ipprovduti f’ din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet mogħtija lir-residenti ta’ l-Istati Membri fl-Artikolu 12(2).

KAPITOLU 2

Armonizzazzjoni tal-liġijiet li jikkonċernaw l-armi tan-nar.

Artikolu 4

Ta’ lanqas fejn jidħlu l-kategoriji A u B, kull Stat Membru għandu jagħmel l-attività tal-kummerċjanti fit-territorju tiegħu soġġetta għall-awtorizzazzjoni a bażi ta’ mill-anqas kontroll wieħed fuq l-integrità privata u professjonali tal-kummerċjant. Fil-każ ta’ persuna legali, il-kontrolli jkunu fuq il-persuna li tmexxi l-impriża. Dwar il-kategoriji Ċ u D, kull Stat Membru li ma jagħmilx l-attività tal-kummerċjant soġġetta għall-awtorizzazzjoni għandu jagħmilha soġġetta għal dikjarazzjoni.

Kull kummerċjant għandu jżomm reġistru li fih jiddokumenta l-informazzjoni dwar l-armi tan-nar kollha kklassifikati fil-kategoriji A, B jew Ċ li huwa jkun irċieva jew iddispona minnhom, inklużi d-dettalji li jippermettu li l-arma tiġi identifikata u b’ mod partikolari t-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje tagħha u l-ismijet u l-indirizzi tal-fornitur u tal-persuna li takkwista l-arma. L-Istati Membri għandhom jikkontrollaw regolarment il-ħarsien ta’ dan l-obbigu mill-kummerċjanti. Il-kummerċjant għandu jżomm ir-reġistru għal perjodu ta’ ħames snin, wkoll wara li huwa ma jibqax fil-kummerċ.

L-Artikolu 5

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom iħallu l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar ikklassifikati fil-kategoriji B biss minn persuni li jkollhom raġuni tajba u li:

(a) jkollhom 18-il sena jew aktar, ħlief għall-kaċċa jew l-isparar fuq bersalji;

(b) x’aktarx mhumiex ta’ perikolu għalihom nfushom, għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-pussess ta’ l-armi tan-nar ikklassifikati fil-kategoriji Ċ u D biss minn persuni li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-punt (a) ta’ l-ewwel paragrafu.

L-Istati Membri jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni għall-pussess ta’ l-arma tan-nar jekk il-kondizzjonijiet tal-punt (b) ta’ l-ewwel paragrafu ma jibqgħux jiġu mħarsa.

L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu persuni residenti fit-territorji tagħhom mill-pussess ta’arma akkwistata fi Stat Membru ieħor sakemm huma ma jipprojbixxux ukoll l-akkwist ta’ l-istess arma fit-territorju tagħhom..

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa sabiex jipprojbixxu l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar u tal-munizzjoni kklassifikata fil-kategorija A. F’każijiet speċjali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaaw l-akkwist ta’ dawn l-armi u munizzjoni fejn dan ma jmurx kontra s-sigurtà u l-ordni pubbliku.

Artikolu 7

1. Ħadd ma jista’ jakkwista arma tan-nar li hija kklassifikata fil-kategorija B fit-territorju ta’ Stat Membru sakemm ma jkunx awtorizzat minn dak l-Istat Membru.

L-ebda awtorizzazzjoni ma tista’ tingħata lil resident ta’ Stat Membru ieħor mingħajr ftehim minn qabel ma’ l-Istat Membru ta’ l-aħħar.

2. Ħadd ma jista’ jkollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar li hija kklassifikata fil-kategorija B fit-territorju ta’ Stat Membru sakemm ma jkunx awtorizzat minn dak l-Istat Membru. Jekk huwa residenti ta’ Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiġi infurmat b’dan.

3. L-awtorizzazzjoni sabiex wieħed jixtri jew ikollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija B, tista’ tingħata permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva waħda.

Artikolu 8

1. Ħadd ma jista’ jkollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija Ċ sakemm ma jkunx iddikjaraha lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru fejn dik l-arma tan-nar tinżamm.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni obbligatorja ta’ l-armi tan-nar kollha li huma kklassifikati fil-kateorija Ċ u li bħal issa jinżammu fit-territorji tagħhom iżda li ma ġewx iddikjarati lilhom matul is-sena qabel id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva jkunu daħlu fis-seħħ

2. Kull bejjiegħ, kummerċjant jew persuna privata għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn dan jiġri dwar kull trasferiment jew passaġġ ta’arma tan-nar kklassifikata fil-kategorija Ċ, u tagħti d-dettalji li permezz tagħhom l-arma tan-nar u l-persuna li tixtriha tista’ tiġi identifikata. Kemm-il darba l-persuna li takkwista tali arma tan-nar hija residenti fi Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiġi infurmat dwar l-akkwist, mill-Istat Membru fejn dan iseħħ u mill-persuna li takkwista l-arma tan-nar.

3. Kemm-il darba Stat Membru jipprojbixxi jew jagħmel l-akkwist u l-pussess ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategoriji B, Ċ jew D, fit-territorju tiegħu soġġetta għall-awtorizzazzjoni, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra, li għandhom espressament jinkludu dikjarazzjoni f’dan is-sens f’kull pass Ewropew għall-armi tan-nar li huma joħorġu għal din l-arma tan-nar, taħt l-Artikolu 12(2).

Artikolu 9

1. It-trasfermiment ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategoriji A, B jew Ċ lill-persuna li mhijiex residenti fl-Istat Membru in kwistjoni huwa permess sakemm l-obbligi msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 jiġu rrispettati:

- meta l-persuna li takkwistaha tkun awtorizzata skond l-Artikolu 11 sabiex hija stess tagħmel it-trasferiment lejn il-pajjiż tar-residenza tagħha,

- meta l-persuna li takkwistaha tagħmel dikjarazzjoni bil-miktub li turi u tiġġustifika l-intenzjoni tagħha li żżomm fil-pussess tagħha l-arma tan-nar fl-Istat Membru fejn hi akkwistatha, sakemm hija tħares il-kondizzjonijiet legali dwar il-pussess fis-seħħ f’dak l-Istat Membru.

2. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-passaġġ temporanju ta’ l-armi tan-nar skond il-proċeduri li huma jistabbilixxu.

Artikolu 10

L-arranġamenti dwar l-akkwist u l-pussess tal-munizzjoni għandhom ikunu l-istess bħal dawk dwar il-pussess ta’ l-armi tan-nar li għalihom huwa maħsub il-munizzjoni.

KAPITOLU 3

Formalitajiet dwar il-moviment ta’ armi fil-Kommunità

Artikolu 11

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, l-armi tan-nar jistgħu jiġu biss ittrasferiti minn Stat Membru għall-ieħor skond il-proċedura stabbilit fil-paragrafi li ġejjin. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għat-trasferimenti ta’armi tan-nar wara li dawn ikunu nbiegħu permezz ta’ ordni bil-posta.

2. Meta arma tan-nar għandha tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor, il-persuna interessata għandha qabel din tittieħed hemm, tagħti lill-Istat Membru fejn tkun tinstab l-arma d-dettalji li ġejjin:

- u l-indirizzi tal-persuna li tbiegħ jew tagħti l-arma tan-nar u tax-xerrej jew ta’ min jakkwistaha jew fejn xieraq tas-sid,

- -l-indirizz fejn l-arma tan-nar għandha tiġi kkonsenjata jew ittrasportata,

- in-numru ta’ armi tan-nar li għandhom jiġu kkonsenjati jew ittrasportati,

- id-dettalji li jippermettu li l-arma tan-nar tiġi identifikata kif ukoll indikazzjoni li l-arma tan-nar għaddiet minn kontrolli skond il-Konvenzjoni tal-1 ta’ Lulju 1969 dwar ir-Rikonnoxximent Reċiproku tal-Marki li jidentifikaw l-Armi ż-Żgħar,

- il-mezz li bih isir it-trasferiment,

- id-data tat-tluq u d-data maħsuba għall-wasla tagħha.

M’hemmx bżonn li tingħata l-informazzjoni msemmija fl-aħħar żewġ inċiżi meta t-trasferiment isir bejn żewġ kummerċjanti.

L-Istat Membru għandu jeżamina l-kondizzjonijiet li taħthom għandu jsir it-trasferiment, l-aktar fejn tidħol is-sigurtà.

Meta l-Istat Membru jawtorizza dan it-trasferiment, huwa għandu joħroġ liċenzja li tinkludi d-dettalji kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu. Din il-liċenzja għandha tinżamm ma’ l-arma tan-nar sakemm din tilħaq id-destinazzjoni tagħha; hija għandha tiġi ppreżentata kull meta hekk meħtieġ mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri.

3. Fil-każ ta’ trasferiment ta’ l-armi tan-nar, barra mill-armi tal-gwerra, li huma esklużi mill-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 2(2), kull Stat Membru jista’ jagħti lill-kummerċjanti d-dritt li jagħmlu trasferimenti ta’ l-armi tan-nar mit-territorju tagħhom lill-kummerċjant stabbilit fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2. Għal dan l-għan kull Stat Membru għandu joħroġ awtorizzazzjoni li tkun valida għal mhux aktar minn tliet snin, u li tista’ tiġi sospiża jew ikkanċellata f’ kull ħin permezz ta’ deċiżjoni li tagħti r-raġunijiet għal dan. Dokument li jirreferi għal din l-awtorizzazzjoni għandu jinżamm ma’ l-arma tan-nar sakemm din tilħaq id-destinazzjoni tagħha; huwa għandu jiġi ppreżentat kull meta hekk meħtieġ mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri.

Mhux aktar tard miż-żmien tat-trasferiment, il-kummerċjant għandu jikkomunika lilll-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru fejn għandu jsir it-trasferiment id-dettalji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.

4. Kull Stat Membru għandu jagħti lill-Istati Membri l-oħra lista ta’ l-armi tan-nar li t-trasferiment tagħhom fit-territorju tiegħu ma tistax tiġi awtorizzata mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel.

Din il-lista ta’ armi tan-nar għandha tiġi kkomunikata lill-kummerċjanti li jkunu ġabu l-approvazzjoni għat-trasferiment tal-armi tan-nar mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel taħt il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 3.

Artikolu 12

1. Kemm-il darba l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11 ma tiġix segwita, il-pussess ta’ l-arma tan-nar matul il-vjaġġ bejn żewġ Stati Membri jew aktar, m’ għandux jitħalla sakemm il-persuna interessata ma tkunx ġabet l-awtorizzazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri kollha.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu din l-awtorizzazzjoni għal vjaġġ wieħed jew aktar għal żmien massimu ta’ sena, bil-possibilità ta’ tiġdid. Dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fil-pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar, li l-vjaġġatur għandu jippreżenta kull meta hekk rikjest mill-awtoritatjiet ta’ l-Istati Membri.

2. Minkejja l-paragrafu 1, il-kaċċaturi, fejn għandhom x’ jaqsmu l-kategoriji Ċ u D, u l-persuni li jisparaw fejn għandhom x’ jaqsmu l-kategoriji B, Ċ u D, jistgħu mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel iżommu fil-pussess tagħhom waħda jew aktar armi tan-nar ta’ dawn il-kategoriji matul il-vjaġġ bejn żewġ jew aktar Stati Membri, bil-ħsieb li jipprattikaw l-attività tagħhom, sakemm ikollhom fil-pussess tagħhom Pass Ewropew għall-Armi tan-Nar li jsemmi din l-arma jew armi u sakemm huma jistgħu jagħtu raġunijiet għall-vjaġġ tagħhom, b’mod partikolari billi jippreżentaw invit.

Madankollu din id-deroga ma tapplikax għal vjaġġi lejn Stat Membru li jipprojbixxi l-akkwist u l-pussess ta’ l-arma tan-nar in kwistjoni jew li taħt l-Artikolu 8(3), jirrekjedi awtorizzazzjoni; f’dan il-każ għandha ssir dikjarazzjoni apposta fuq il-Pass Ewropew ta’ l-Armi tan-Nar.

Fil-kuntest tar-rapport msemmi fl-Artikolu 17, il-Kummissjoni b’ konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha wkoll tikkonsidra l-effetti ta’ l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu, l-aktar dwar l-impatt tagħha fuq l-ordni u s-sigurtà pubblika.

3. Żewġ Stati Membri jew aktar, jistgħu taħt il-ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-dokumenti nazzjonali, jipprovdu għal arranġamenti aktar flessibli minn dawk meħtieġa minn dan l-Artikolu għall-moviment ta’ l-armi tan-nar fit-territorji tagħhom.

Artikolu 13

1. Kull Stat Membru għandu jikkomunika l-informazzjoni utili kollha li jkollu disponibbli dwar it-trasferiment definittiv ta’ l-armi tan-nar lill-Istat Membru li t-trasferiment isir fit-territorju tiegħu.

2. L-informazzjoni kollha li Stat Membru jirċievi permezz tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 11 dwar it-trasferimenti ta’ l-armi tan-nar u fl-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(2) dwar l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar minn persuni mhux residenti għandu jiġi kkomunikat, mhux aktar tard miż-żmien tat-trasferiment relevanti, lill-Istat Membru tad-destinazzjoni u fejn xieraq, mhux aktar tard miż-żmien tat-trasferiment lejn l-Istati Membri matul il-vjaġġ.

3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni bl-għan li japplikaw dan l-Artikolu sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1993. Huma għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli sabiex tikkomunika u tirċievi informazzjoni u sabiex tapplika l-formalitajiet msemmija fl-Artikolu 11(4).

Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet kollha relevanti li jipprojbixxu d-dħul fit-territorju tagħhom:

- ta’ arma tan-nar, barra mill-każijiet msemmija fl-Artikoli 11 u 12 u sakemm il-kondizzjonijiet hemm imsemmija jiġu mħarsa,

- ta’ arma barra minn arma tan-nar sakemm id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru in kwistjoni hekk jippermettu.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 15

1. L-Istati Membri għandhom jintensifikaw il-kontrolli fuq il-pussess ta’ armi fil-fruntieri esterni tal-Kommunità. B’ mod partikolari huma għandhom jaraw li l-vjaġġaturi minn terzi pajjiżi li għandhom intenzjoni jmorru lejn Stat Membru ieħor jaderixxu ma’ l-Artikolu 12.

2. Din id-Direttiva ma tipprekludix li jsiru kontroll mill-Istati Membri jew mit-trasportatur fil-mument li wieħed jitla’ fuq il-mezz tat-trasport.

3. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-mod li bih isiru l-kontrolli msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Il-Kummissjoni għandha tiġbor din l-informazzjoni u tagħmilha disponibbli lill-Istati Membri kollha.

4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, inklużi l-bidliet dwar l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi, fejn il-liġi nazzjonali hija aktar iebsa mill-istandards minimi li huma għandhom jadottaw. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 16

L-Istati Membri għandhom idaħħlu penali għan-nuqqas ta’ ħarsien tad-dispożizzjonijiet adottati taħt din id-Direttiva. Dawn il-penali għandhom ikunu biżżejjed sabiex iħeġġu l-ħarsien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 17

Fi żmien ħames snin mid-data tat-trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ proposti jekk ikun xieraq.

Artikolu 18

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, r-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex iħarsu din id-Direttiva fi żmien xieraq sabiex il-miżuri pprovduti minn din id-Direttiva jistgħu jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1993. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkunu ħadu.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom tali referenza meta jiġu uffiċjalment ippubblikati. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 19

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ġunju 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Wohlfart

[1] ĠU Ċ 235, 1.9.1987, p. 8uĠU Ċ 299, 28.11.1989, p. 6.

[2] ĠU Ċ 231, 17.9.1990, p. 69 uĠU Ċ 158, 17.6.1991, p. 89.

[3] ĠU Ċ 35, 8.2.1988, p. 5.

--------------------------------------------------

ANNESS I

I. Għall-fini ta’ din id-Direttiva:

- kull arma tan-nar kif definita fis-sezzjoni II ta’ dan l-Anness,

- armi barra minn armi tan-nar kif definiti fil-liġi nazzjonali.

II. Għall-fini ta’ din id-Direttiva, ‘arma tan-nar’ tfisser:

A. Kull oġġett li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin, sakemm ma jaqax taħt it-tifsira iżda jkun eskluż minħabba waħda mir-raġunijiet imsemmija fis-sezzjoni III.

Kategorija A- Armi tan-nar ipprojbiti

1. Missili splossivi militari u launchers.

2. Armi tan-nar awtomatiċi.

3. Armi tan-nar moħbija bħala oġġetti oħra.

4. Munizzjon bi projettili li jippenetraw, jisplodu jew iqabbdu, u l-projettili għal dan il-munizzjon.

5. Munizzjon għall-pistoli u revolvers bi projettili li jespandu u l-projettili għal dan il-munizzjon, ħlief f’ każ ta’ armi għall-kaċċa jew għall-isparar fuq bersalji, għall-persuni li għandhom id-dritt jużawhom.

Kategorija B - armi tan-nar soġġetti għall-awtorizzazzjoni

1. Armi tan-nar semi-awtomatiċi jew qosra li jirrepetu.

2. Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’centre-fire percussion.

3. Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’rimfire percussion li t-tul kollu tagħhom huwa inqas minn 28cm.

4. Armi tan-nar semi-awtomatiċi li l-kompartiment għall-iskrataċ u r-rukkell tagħhom flimkien jieħdu aktar minn tlett tiri.

5. Armi tan-nar twal u semi-awtomatiċi li l-magazin u chamber tagħhom flimkien ma jeħdux aktar minn tliet tiri, fejn il-mezz sabiex l-arma tiġi kkargata jista’ jitneħħa jew fejn mhux żgur jekk l-arma tistax tinbidel jew le b’ għodda normali f’arma li l-magazin u chamber tagħha flimkien jieħdu aktar minn tliet tiri.

6. Armi tan-nar twal li jirrepetu t-tiri u li huma semi-awtomatiċi b’ kanen lixxi li ma jaqbżux is-60cm tul.

7. Armi tan-nar semi-awtomatiċi għall-użu minn ċittadini li jixbħu lill-armi b’mekkaniżmi semi-awtomatiċi.

Kategorija Ċ - armi tan-nar soġġetti għal dikjarazzjoni

1. Armi tan-nar twal li jirrepetu, barra dawk mniżżla fil-kategorija B, punt 6.

2. Armi tan-nar twal b’kanen li jisparaw tir wieħed.

3. Armi tan-nar twal u semi-awtomatiċi barra dawk tal-kategorija B, punti 4 sa 7.

4. Armi tan-nar b’tir wieħed b’rimfire percussion li t-tul kollu tagħhom mhux inqas minn 28 cm.

Kategorija D- Armi tan-nar oħra

Armi tan-nar twal b’tir wieħed u kanen lixxi.

B. Kull komponent essenzjali ta’ dawn l-armi.

Il-mekkaniżmu tal-għeluq, iċ-chamber u l-kanna ta’ l-arma tan-nar, li filwaqt li huma separati, huma inklużi fil-kategorija ta’ l-armi tan-nar fejn huma jew huma maħsuba li jiġu mmuntati.

III. Għall-fini ta’ dan l-Anness oġġetti li jikkorrispondu għat-tifsira ta’ ‘arma tan-nar’ m’għandhomx jiġu inklużi f’ dik it-tifsira jekk:

(a) saru permanentement mhux tajba għall-użu minħabba l-applikazzjoni ta’ proċeduri tekniċi li huma ggarantiti minn korp uffiċjali jew magħrufa bħala tali minn dan il-korp;

(b) huma ddisinjati għall-allarm, biex jagħtu sinjali, isalvaw ħajja, il-qtil ta’ l-annimali jew is-sajd bil-harpun jew għal għaijiet industrijali jew tekniċi sakemm jistgħu jintużaw biss għal dawn l-għanijiet;

(ċ) huma meqjusa bħala armi antiki jew riproduzzjoni tagħhom meta dawn ma jaqgħux taħt il-kategoriji ta’ qabel u huma soġġetti għall-liġijiet nazzjonali.

Sakemm issir il-koordinazzjoni tul il-Kommunità, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom għall-armi tan-nar mniżżla f’ din is-Sezzjoni.

IV. Għall-fini ta’ dan l-Anness:

(a) ‘arma tan-nar qasira’ tfisser arma tan-nar b’kanna li ma taqbiżx it-30 cm jew li t-tul kollu tagħha ma jaqbiżx is-60cm;

(b) ‘arma tan-nar twila’ tfisser kull arma tan-nar barra minn arma tan-nar qasira;

(ċ) ‘arma tan-nar awtomatika’ tfisser arma tan-nar li terġa’ tikkarga b’mod awtomatiku kull darba li jiġi sparat tir u li tista’ tispara aktar minn tir wieħed b’għafsa waħda tal-grillu;

(d) ‘arma tan-nar semi-awtomatika’ tfisser arma tan-nar li terġa’ tikkarga b’mod awtomatiku kull darba li jiġi sparat tir u li tista’ tispara tir wieħed biss b’għafsa waħda tal-grillu;

(e) ‘arma tan-nar li tirrepeti’ tfisser arma tan-nar li wara li jiġi sparat tir hija ddisinjata sabiex terġa’ tiġi kkargata minn magazin jew ċilindru permezz ta’ azzjoni li ssir manwalment;

(f) ‘arma tan-nar b’tir wieħed’ tfisser arma tan-nar mingħajr magazin li tikkarga qabel kull tir billi wieħed bl-id idaħħal tir fic-chamber jew rokna għall-ikkargar fil-breech tal-kanna;

(g) ‘munizzjon bi projettili li jippenetraw’ tfisser munizzjon għall-użu militari meta l-projettili għandu qoxra u għandu ċentru iebes li jippenetra;

(h) ‘munizzjon bi projettili splussivi’ tfisser munizzjon għall-użu militari meta l-projettili fih kariga li tisplodi mal-kuntatt;

(i) ‘munizzjon bi projettili li jieħdu n-nar’ tfisser munizzjon għall-użu militari meta l-projettili jkun fih taħlita kimika li tisplodi fi fjamma mal-kuntatt ma’ l-arja jew ma’ l-impatt.

--------------------------------------------------

ANNESS II

PASS EWROPEW TA’ L-ARMI TAN-NAR

Il-pass għandu jkun fih is-sezzjonijiet li ġejjin:

(a) l-identità tad-detentur;

(b) l-identifikazzjoni ta’ l-arma jew l-arma tan-nar, inkluża referenza għall-kategorija skond it-tifsira tad-Direttiva;

(ċ) il-perjodu ta’ validità tal-pass;

(d) is-sezzjoni għall-użu mill-Istat Membru li joħroġ il-pass (tip u referenzi għall-awtorizzazzjonijiet, eċċ.);

(e) is-sezzjoni għal daħliet minn Stati Membri oħra (awtorizzazzjonijiet sabiex tidħol fit-territorju tagħhom, eċċ.);

(f) id-dikjarazzjonijiet:

"‘Id-dritt li wieħed jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor b’arma tan-nar jew aktar tal-kategoriji B, Ċ jew D msemmija f’ dan il-pass huma soġġetti għall-awtorizzazzjoni/jiet korrispondenti minn qabel mill-Istat Membru taż-żjara. Din jew dawn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jitniżżlu fuq il-pass.

Fil-prinċipju m’hemmx bżonn ta’ l-awtorizzazzjoni minn qabel fuq imsemmija sabiex wieħed jivvjaġġa b’arma tan-nar fil-kategorija Ċ jew D bi ħsieb li jipprattika l-kaċċa jew b’arma tan-nar tal-kategorija B, Ċ jew D sabiex jieħu sehem fi sparar fuq bersalji, sakemm il-vjaġġatur ikollu fil-pussess tiegħu pass għall-arma tan-nar u jista’ jagħti r-raġuni għall-vjaġġ.’"

Fejn Stat Membru jinforma lill-Istati Membri l-oħra skond l-Artikolu 8(3), li l-pussess ta’ ċerti armi tan-nar tal-kategoriji B, Ċ jew D huwa pprojbit jew soġġett għall-awtorizzazzjoni, għandu jagħmel ukoll waħda mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

"Vjaġġ lejn … (Stat(i) interessat/i) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) huwa pprojbit."

"Vjaġġ lejn … (Stat(i) interessat/i) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) huwa soġġett għall-awtorizzazzjoni."

--------------------------------------------------

Top