Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2021C0293

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 293/21/COL tas-16 ta’ Diċembru 2021 li temenda r-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi jiġu introdotti Linji Gwida riveduti dwar l-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir [2022/1048]

    PUB/2022/113

    ĠU L 173, 30.6.2022, p. 121–132 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1048/oj

    30.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 173/121


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA Nru 293/21/COL

    tas-16 ta’ Diċembru 2021

    li temenda r-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi jiġu introdotti Linji Gwida riveduti dwar l-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir [2022/1048]

    L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (EFTA SURVEILLANCE AUTHORITY “ESA”),

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), b’mod partikolari l-Artikoli minn 61 sa 63 u l-Protokoll 26,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), u b’mod partikolari l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b),

    Billi:

    Skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-ESA għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar iż-ŻEE li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat.

    Skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-ESA għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet indirizzati fil-Ftehim dwar iż-ŻEE, jekk dan il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jipprevedi dan b’mod speċifiku jew jekk l-ESA tqis li jkun meħtieġ.

    Fis-6 ta’ Diċembru 2021,il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni għal perjodu qasir, (“il-Linji Gwida”) (1)

    Il-Linji Gwida huma wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea (“iż-ŻEE”).

    Trid tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat fiż-ŻEE kollha kemm hi skont l-objettiv tal-omoġeneità stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

    Skont il-Paragrafu II tat-Taqsima Ġenerali tal-Anness XV tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, l-ESA, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, għandha tadotta atti li jikkorrispondu ma’ dawk adottati mill-Kummissjoni Ewropea.

    Il-Linji Gwida jistgħu jirreferu għal ċerti strumenti ta’ politika tal-Unjoni Ewropea u għal ċerti atti legali tal-Unjoni Ewropea li ma ġewx inkorporati fil-Ftehim dwar iż-ŻEE. Bil-ħsieb li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat u kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni fiż-ŻEE kollha, l-ESA ġeneralment tapplika l-istess punti ta’ referenza bħall-Kummissjoni Ewropea meta tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

    Wara li kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkonsultat mal-Istati tal-EFTA,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    (1)   Ir-regoli sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat huma emendati bl-introduzzjoni ta’ Linji Gwida riveduti għall-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir. Il-Linji Gwida huma annessi ma’ din id-Deċiżjoni u jagħmlu parti integrali minnha.

    (2)   Il-Linji Gwida jieħdu post il-linji gwida eżistenti dwar l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir (2) b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022.

    Artikolu 2

    L-ESA tapplika l-Linji Gwida bl-adattamenti li ġejjin fejn applikabbli, inkluż, iżda mhux limitat għal, dawn li ġejjin:

    (a)

    meta jkun hemm referenza għal “Stat Membru/Stati Membri”, l-ESA taqraha bħala referenza għal “Stat/Stati tal-EFTA” (3), jew fejn xieraq “Stat/Stati taż-ŻEE”;

    (b)

    meta jkun hemm referenza għall-“Kummissjoni Ewropea”, l-ESA taqraha bħala referenza għall-“Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA”;

    (c)

    meta jkun hemm referenza għat-“Trattat” jew it-“TFUE”, l-ESA taqraha bħala referenza għall-“Ftehim dwar iż-ŻEE”;

    (d)

    meta j kun hemm referenza għall-Artikolu 49 TFUE jew għat-taqsimiet ta’ dan l-Artikolu, l-ESA taqraha bħala referenza għall-Artikolu 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u għat-taqsimiet korrispondenti ta’ dak l-Artikolu;

    (e)

    meta jkun hemm referenza għall-Artikolu 63 TFUE jew għat-taqsimiet ta’ dan l-Artikolu, l-ESA taqraha bħala referenza għall-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u għat-taqsimiet korrispondenti ta’ dak l-Artikolu;

    (f)

    meta jkun hemm referenza għall-Artikolu 107 TFUE jew għat-taqsimiet ta’ dan l-Artikolu, l-ESA taqraha bħala referenza għall-Artikolu 61 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u għat-taqsimiet korrispondenti ta’ dak l-Artikolu;

    (g)

    meta jkun hemm referenza għall-Artikolu 108 TFUE jew taqsimiet ta’ dan l-Artikolu, l-ESA taqraha bħala referenza għall-Artikolu 1 tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti u t-taqsimiet korrispondenti ta’ dak l-Artikolu;

    (h)

    meta jkun hemm referenza għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (4), l-ESA taqraha bħala referenza għall-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti;

    (i)

    meta jkun hemm referenza għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (5), l-ESA taqraha bħala referenza għad-Deċiżjoni 195/04/COL tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA;

    (j)

    meta jkun hemm referenza għall-kliem “(in-)kompatibbli mas-suq intern”, l-ESA taqrah bħala “(in-)kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE”;

    (k)

    meta jkun hemm referenza għall-kliem “fi (jew barra) l-Unjoni”, l-ESA taqrah bħala “fiż-ŻEE (jew barra minnha)”;

    (l)

    meta jkun hemm referenza għal “kummerċ intra-Unjoni”, l-ESA taqraha bħala referenza għal “kummerċ fiż-ŻEE”;

    (m)

    meta l-Linji Gwida jistabbilixxu li se jiġu applikati għas-“setturi kollha ta’ attività ekonomika”, l-ESA tapplikahom għas-“setturi kollha ta’ attività ekonomika jew partijiet ta’ setturi ta’ attività ekonomika li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE”;

    (n)

    meta jkun hemm referenza għal Komunikazzjonijiet, Avviżi jew Linji Gwida tal-Kummissjoni, l-ESA taqraha bħala referenza għal-Linji Gwida korrispondenti tal-ESA.

    Artikolu 3

    L-ESA tapplika l-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli fl-Anness tal-Linji Gwida biż-żieda tal-Liechtenstein.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

    Bente ANGELL-HANSEN

    Il-President

    Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

    Högni KRISTJÁNSSON

    Membru tal-Kulleġġ

    Stefan BARRIGA

    Membru tal-Kulleġġ

    Melpo-Menie JOSÉPHIDÈS

    Kontrofirmatarju bħala Direttur,

    Affarijiet Legali u Eżekuttivi


    (1)  C(2021) 8705 final (ĠU C 497, 10.12.2021, p. 5).

    (2)  ĠU L 343, 19.12.2013, p. 54, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 71, 19.12.2013, p. 1, riadottat mid-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 4/19/COL tas-6 ta’ Frar 2019 li temenda, għall-mitt darba u erbgħa, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-istat [2019/1008], ĠU L 163, 20.6.2019, p. 110, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 48, 20.6.2019, p. 1, emendat mid-Deċiżjoni Nru 30/20/COL tal-1 ta’ April 2020 li temenda, għall-mija u sitt darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-istat billi jinbidel l-Anness tal-Linji Gwida dwar l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir [2020/982], ĠU L 220, 9.7.2020, p. 8, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 46, 9.7.2020, p. 1, id-Deċiżjoni Nru 90/20/COL tal-15 ta’ Lulju 2020 li temenda, għall-mija u s-seba’ darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, billi jkunu emendati u mtawla ċerti linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat [2020/1576], ĠU L 359, 29.10.2020, p. 16, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 68, 29.10.2020, p. 4, u d-Deċiżjoni Nru 12/21/COL tal-24 ta’ Frar 2021 li tieħu post l-Anness tal-Linji Gwida dwar l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir [2021/1238], ĠU L 271, 29.7.2021, p. 1, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 50, 29.7.2021, p. 1.

    (3)  L-“Istati tal-EFTA” jirreferu għall-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).


    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir

    1.   Introduzzjoni

    1.

    Is-sussidji fuq l-esportazzjoni jistgħu jolqtu ħażin lill-kompetizzjoni fis-suq fost il-fornituri ta’ merkanzija u servizzi li potenzjalment jistgħu jkunu rivali. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tal-kompetizzjoni skont it-Trattat, dejjem ikkundannat bil-qawwa l-għajnuna għall-esportazzjoni mogħtija favur il-kummerċ intern tal-Unjoni u l-esportazzjoni barra mill-Unjoni. L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tiċċara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-appoġġ tal-Istati Membri għall-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

    2.

    Il-Kummissjoni użat is-setgħa tagħha biex toħroġ gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir. L-għan tagħha kien li tindirizza d-distorsjonijiet attwali jew potenzjali fil-kompetizzjoni fis-suq intern, mhux biss bejn esportaturi fi Stati Membri differenti (fil-kummerċ fl-Unjoni u barra minnha), iżda wkoll bejn assiguraturi ta’ kreditu għall-esportazzjoni li joperaw fl-Unjoni. Fl-1997 il-Kummissjoni stipulat il-prinċipji għall-intervent mill-Istat fil-Komunikazzjoni lill-Istati Membri skont l-Artikolu 93(1) tat-Trattat KE li tapplika l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat lil assigurazzjoni ta’ esportazzjonijiet bi kreditu ta’ żmien qasir (1) (“il-Komunikazzjoni tal-1997”). Il-prinċipji tal-Komunikazzjoni tal-1997 kellhom jiġu applikati għal perjodu ta’ 5 snin mill-1 ta’ Jannar 1998. Sussegwentement il-Komunikazzjoni tal-1997 ġiet adattata u l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha ttawwal fl-2001 (2), fl-2004 (3), fl-2005 (4) u fl-2010 (5). Il-prinċipji tagħha kienu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    3.

    L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Komunikazzjoni tal-1997, partikolarment matul il-kriżi finanzjarja bejn l-2009 u l-2011, tissuġġerixxi li l-politika tal-Kummissjoni f’dan il-qasam għandha tiġi riveduta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni ġdida lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir (6) (“il-Komunikazzjoni tal-2012”). Il-prinċipji tal-Komunikazzjoni tal-2012 kellhom, fuq prinċipju, jiġu applikati mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2018. (7). L-Anness tal-Komunikazzjoni tal-2012 ġie adattat diversi drabi (8) sussegwentement u l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2012 ġie estiż fl-2018 (9) u fl-2020 (10). Issa tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2021.

    4.

    Fl-2019 il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2012 bħala parti mill-Kontroll tal-Idoneità tal-pakkett ta’ modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, il-linji gwida dwar il-ferroviji u l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir. (11). Ir-riżultati tal-evalwazzjoni wrew li, fil-prinċipju, ir-regoli jaħdmu sew, iżda jeħtieġu xi titjib minuri biex jirriflettu l-iżviluppi tas-suq. Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni fiha biss ftit aġġustamenti tekniċi filwaqt li żżomm il-prinċipji li ġew stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2012.

    5.

    Ir-regoli stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni se jgħinu biex jiżguraw li l-għajnuna mill-Istat ma tfixkilx il-kompetizzjoni fost l-assiguraturi tal-kreditu għall-esportazzjoni privati u pubbliċi — jew għal dawk appoġġjati pubblikament. Ir-regoli se jgħinu wkoll biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fost l-esportaturi.

    6.

    Din il-Komunikazzjoni tagħti lill-Istati Membri gwida aktar dettaljata dwar il-prinċipji li fuqhom il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat u l-applikazzjoni tagħhom għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir. Din il-Komunikazzjoni jenħtieġ li tagħmel il-politika tal-Kummissjoni f’dan il-qasam trasparenti kemm jista’ jkun u tiżgura li jkun hemm prevedibbiltà u trattament ugwali. Għal dak il-għan, tistabbilixxi sett ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti meta l-assiguraturi mill-Istat ikunu jixtiequ jidħlu fis-suq tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu fuq perjodu qasir f’dak li jirrigwarda r-riskji kummerċjabbli.

    7.

    Riskji li fil-prinċipju mhumiex kummerċjabbli jaqgħu barra mill-ambitu ta’ din il-Komunikazzjoni.

    8.

    It-Taqsima 2 tiddeskrivi l-ambitu ta’ din il-Komunikazzjoni u tistabbilixxi d-definizzjonijiet użati fiha. It-Taqsima 3 tittratta l-applikabbiltà tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u l-projbizzjoni ġenerali fuq l-għajnuna mill-Istat favur l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni ta’ riskji kummerċjabbli. Fl-aħħar nett, it-Taqsima 4 tipprevedi xi eċċezzjonijiet mill-ambitu tar-riskji kummerċjabbli u tispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom l-appoġġ mill-Istat għall-assigurazzjoni ta’ riskji temporanjament mhux kummerċjabbli jista’ jkun kompatibbli mas-suq intern.

    2.   L-ambitu tal-komunikazzjoni u d-definizzjonijiet

    2.1.   Ambitu

    9.

    Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni biss fir-rigward tal-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni li jkollha perjodu ta’ riskju ta’ anqas minn sentejn. L-istrumenti finanzjarji l-oħrajn kollha tal-esportazzjoni huma esklużi mill-ambitu ta’ din il-Komunikazzjoni.

    2.2.   Definizzjonijiet

    10.

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni” tfisser prodott tal-assigurazzjoni fejn l-assiguratur jipprovdi assigurazzjoni kontra riskju kummerċjali jew politiku, jew kontra t-tnejn li huma, relatat mal-obbligi ta’ ħlas fi tranżazzjoni ta’ esportazzjoni;

    (2)

    “assiguratur ta’ kreditu privat” tfisser kumpanija jew organizzazzjoni li ma tkunx assiguratur tal-Istat li tipprovdi assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni;

    (3)

    “assiguratur tal-Istat” tfisser kumpanija jew organizzazzjoni oħra li tipprovdi assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni bl-appoġġ ta’ Stat Membru jew f’ismu, jew Stat Membru li jipprovdi assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni;

    (4)

    “riskji kummerċjali” tfisser ir-riskji kummerċjali u politiċi, jew it-tnejn li huma, b’perjodu massimu ta’ riskju ta’ anqas minn sentejn, fuq xerrejja pubbliċi u mhux pubbliċi fil-pajjiżi elenkati fl-Anness; ir-riskji l-oħra kollha jitqiesu bħala mhux kummerċjabbli għall-finijiet ta’ din il-Komunikazzjoni.

    (5)

    “riskji kummerċjali” jinkludu b’mod partikolari r-riskji li ġejjin:

    (a)

    repudjazzjoni arbitrarja ta’ kuntratt minn xerrej, jiġifieri kwalunkwe deċiżjoni arbitrarja li ssir minn xerrej mhux pubbliku biex jinterrompi jew jittermina l-kuntratt mingħajr raġuni leġittima;

    (b)

    ir-rifjut arbitrarju minn xerrej mhux pubbliku biex jaċċetta l-oġġetti koperti bil-kuntratt mingħajr raġuni leġittima;

    (c)

    l-insolvenza ta’ xerrej mhux pubbliku u l-garanti tiegħu;

    (d)

    Inadempjenza mtawla, jiġifieri n-nuqqas ta’ ħlas minn xerrej mhux pubbliku jew minn garanti ta’ debitu li jirriżulta mill-kuntratt;

    (6)

    “riskji politiċi” jinkludu b’mod partikolari r-riskji li ġejjin:

    (a)

    ir-riskju li xerrej pubbliku jew pajjiż ma jippermettix l-għeluq ta’ tranżazzjoni jew ma jħallasx fil-ħin;

    (b)

    riskju li huwa lil hinn mill-ambitu ta’ xerrej individwali jew li jaqa’ lil hinn mir-responsabbiltà ta’ xerrej individwali;

    (c)

    ir-riskju li pajjiż jonqos milli jittrasferixxi lejn il-pajjiż tal-assigurat il-flus mħallsa minn xerrejja domiċiljati f’dak il-pajjiż;

    (d)

    ir-riskju li każ ta’ forza maġġuri jseħħ barra mill-pajjiż tal-assiguratur, li jista’ jinkludi avvenimenti bħalma hi gwerra, sakemm l-effetti tagħhom ma jkunux assigurati mod ieħor.

    (7)

    “perjodu ta’ riskju” tfisser il-perjodu ta’ manifattura flimkien mal-perjodu tal-kreditu;

    (8)

    “perjodu ta’ manifattura” tfisser il-perjodu bejn id-data ta’ ordni u l-konsenja tal-merkanzija jew tas-servizzi;

    (9)

    “perjodu ta’ kreditu” tfisser il-perjodu ta’ żmien li jkollu x-xerrej biex iħallas għall-merkanzija u s-servizzi fornuti bi tranżazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni;

    (10)

    “kopertura ta’ riskju wieħed” tfisser kopertura għall-bejgħ kollu li jsir lil xerrej wieħed jew għal kuntratt wieħed b’xerrej wieħed;

    (11)

    “riassigurazzjoni” tfisser assigurazzjoni li titħallas minn assiguratur favur assiguratur ieħor biex jiġi ġestit ir-riskju billi jitbaxxa r-riskju tiegħu stess;

    (12)

    “koassigurazzjoni” tfisser il-perċentwal ta’ kull telf assigurat li mhuwiex indennizzat mill-assiguratur iżda li jiġġarrab minn assiguratur ieħor;

    (13)

    “sehem tal-kwota” tfisser riassigurazzjoni li teħtieġ li l-assiguratur jittrasferixxi, u li r-riassiguratur jaċċetta, perċentwali partikolari ta’ kull riskju f’kategorija definita ta’ negozju li fir-rigward tagħha jkun tħallas primjum lill-assiguratur;

    (14)

    “kopertura supplimentari” tfisser kopertura addizzjonali fir-rigward ta’ limitu ta’ kreditu stabbilit minn assiguratur ieħor;

    (15)

    “politika sħiħa tal-bejgħ” tfisser il-polza tal-assigurazzjoni ta’ kreditu minbarra kopertura unika ta’ riskju; jiġifieri polza ta’ assigurazzjoni ta’ kreditu li tkopri l-bejgħ kollu tal-assigurat li jsir bil-kreditu jew il-biċċa l-kbira tiegħu, kif ukoll il-krediti dovuti minn bejgħ lil għadd ta’ xerrejja differenti.

    3.   L-applikabbiltà tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

    3.1.   Prinċipji ġenerali

    11.

    L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jistipula li “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tkun tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

    12.

    Jekk l-assiguraturi tal-Istat jipprovdu assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, tali assigurazzjoni tinvolvi riżorsi tal-Istat. L-involviment tal-Istat jista’ jagħti l-assiguraturi jew lill-esportaturi vantaġġ selettiv u għalhekk jista’ joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-prinċipji stabbiliti fit-Taqsimiet 3.2, 3.3 u t-Taqsima 4 huma mfassla biex jipprovdu gwida dwar kif tali miżuri se jiġu vvalutati skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    3.2.   Għajnuna għal assiguraturi

    13.

    Jekk l-assiguraturi mill-Istat ikollhom ċerti vantaġġi meta mqabbla ma’ assiguraturi tal-kreditu privati, jista’ jkun li tkun involuta l-għajnuna mill-Istat. Il-vantaġġi jistgħu jieħdu suriet differenti, u jistgħu jinkludu, pereżempju:

    (a)

    garanziji Statali għas-self u t-telf;

    (b)

    eżenzjoni mir-rekwiżit li jikkostitwixxu riżervi adegwati u r-rekwiżiti l-oħra li jirriżultaw mill-esklużjoni ta’ operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni f’isem l-Istat jew garantiti minnu mid-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

    (c)

    ħelsien jew eżenzjoni minn taxxi li normalment għandhom jitħallsu (bħal taxxi tal-kumpanija u taxxi imposti fuq poloz tal-assigurazzjoni),

    (d)

    għoti ta’ għajnuna jew ta’ kapital mill-Istat jew forom oħrajn ta’ ffinanzjar li ma jkunux konformi mal-prinċipju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq;

    (e)

    għoti mill-Istat ta’ servizzi in natura, bħal aċċess għall-infrastruttura tal-Istat u l-użu tagħha, faċilitajiet jew informazzjoni privileġġata, b’kundizzjonijiet li ma jirriflettux il-valur tagħhom fis-suq;

    (f)

    riassigurazzjoni diretta mill-Istat jew garanzija ta’ riassigurazzjoni diretta mill-Istat b’kundizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk disponibbli fis-suq tar-riassigurazzjoni privata, li jwasslu biex ikun hemm prezzijiet eċċessivament baxxi għall-polza tar-riassigurazzjoni jew biex tinħoloq artifiċjalment kapaċità li ma tkunx disponibbli fis-suq privat.

    3.3.   Projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-kreditu għall-esportazzjoni

    14.

    Il-vantaġġi għal assiguraturi tal-Istat elenkati fil-punt 13 fir-rigward ta’ riskji kummerċjabbli jaffettwaw il-kummerċ intra-Unjoni f’servizzi tal-assigurazzjoni tal-kreditu. Huma jwasslu biex ikun hemm varjazzjonijiet fil-kopertura ta’ assigurazzjoni disponibbli fi Stati Membri differenti fir-rigward tar-riskji kummerċjabbli. Dan joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-assiguraturi fi Stati Membri differenti u għandu effetti sekondarji fuq il-kummerċ fl-Unjoni irrispettivament minn jekk jinvolvix esportazzjoni fl-Unjoni stess jew esportazzjoni barra l-Unjoni. (13). Għal dawk ir-raġunijiet, jekk l-assiguraturi tal-Istat ikollhom dawn il-vantaġġi meta mqabbla ma’ assiguraturi tal-kreditu privati, jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jassiguraw riskji kummerċjabbli. Huwa meħtieġ li jiġu deċiżi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom l-assiguraturi tal-Istat jistgħu joperaw biex jiżguraw li ma jibbenefikawx mill-għajnuna tal-Istat.

    15.

    Il-vantaġġi għall-assiguraturi tal-Istat xi drabi jistgħu wkoll jiġu mgħoddija fuq l-esportaturi, għall-anqas parzjalment. Tali vantaġġi jistgħu jkunu ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni u l-kummerċ u jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Madankollu, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu fir-rigward ta’ riskji kummerċjabbli, kif stipulat fit-Taqsima 4.3 ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-ebda vantaġġ żejjed ma jkun ingħata lill-esportaturi.

    4.   Il-kundizzjonijiet li jipprovdu assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni għal riskji temporanjament mhux kummerċjabbli

    4.1.   Prinċipji ġenerali

    16.

    Kif mistqarr fil-punt 14, jekk l-assiguraturi tal-Istat għandhom xi vantaġġi meta mqabbla ma’ assiguraturi tal-kreditu privati, kif deskritt fil-punt 13, ma jridux jiġu assigurati riskji kummerċjabbli. Jekk l-assiguraturi tal-Istat jew is-sussidjarji tagħhom jixtiequ jassiguraw riskji kummerċjabbli, għandu jkun assigurat li meta jagħmlu hekk, dawn ma jkunux direttament jew indirettament jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat. Għal dak il-għan, irid ikollhom ċertu ammont ta’ fondi proprji (marġni ta’ solvenza, inkluż fond ta’ garanzija) u dispożizzjonijiet tekniċi (riserva ta’ ekwalizzazzjoni) u għandhom ikunu kisbu l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont id-Direttiva 2009/138/KE. Iridu wkoll għall-inqas iżommu kont separat għall-amministrazzjoni u kontijiet separati għal assigurazzjoni tagħhom ta’ riskji kummerċjabbli u riskji mhux kummerċjabbli bl-appoġġ ta’ Stat jew f’ismu, li juru li huma ma jirċevux għajnuna mill-Istat għall-assigurazzjoni tagħhom ta’ riskji kummerċjabbli. Il-kontijiet għal kummerċ assigurat f’isem l-assiguratur proprju jenħtieġ li jkunu konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE (14).

    17.

    Stati Membri li jipprovdu kopertura ta’ riassigurazzjoni lil assiguratur li jipprovdi assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu permezz ta’ parteċipazzjoni jew involviment fi kuntratti ta’ riassigurazzjoni fis-settur privat li jkopru kemm ir-riskji kummerċjabbli kif ukoll ir-riskji mhux kummerċjabbli għandhom ikunu f’pożizzjoni li jagħtu prova li l-arranġamenti ma jinvolvux l-għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-punt 13(f).

    18.

    L-assiguraturi tal-Istat jistgħu jipprovdu assigurazzjoni għall-esportazzjonijiet bi kreditu fir-rigward ta’ riskji li temporanjament ma jkunux kummerċjabbli, sakemm dan ikun suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 4 ta’ din il-Komunikazzjoni.

    4.2.   Eċċezzjonijiet għad-definizzjoni ta’ riskji kummerċjabbli: riskji li temporanjament ma jkunux kummerċjabbli

    19.

    Minkejja d-definizzjoni ta’ riskji kummerċjabbli, ċerti riskji kummerċjali jew politiċi li jġarrbu x-xerrejja stabbiliti fil-pajjiżi elenkati fl-Anness jitqiesu li temporanjament ma jkunux kummerċjabbli fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li temporanjament tneħħi pajjiż jew aktar pajjiżi mil-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli fl-Anness, kif deskritt fit-Taqsima 5.2, minħabba li l-kapaċità tas-suq privat tal-assigurazzjoni ma tkunx biżżejjed biex tkopri r-riskji kollha ekonomikament ġustifikabbli fil-pajjiż jew pajjiżi kkonċernati;

    (b)

    fejn il-Kummissjoni, wara li tkun irċeviet notifika minn Stat Membru kif imsemmi fit-Taqsima 5.3 ta’ din il-Komunikazzjoni, tiddeċiedi li r-riskji mġarrba minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif definiti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (15), b’fatturat totali annwali mill-esportazzjoni li ma jaqbiżx EUR 2,5 miljun, ikunu temporanjament mhux kummerċjabbli għall-esportaturi fl-Istat Membru notifikanti;

    (c)

    fejn il-Kummissjoni, wara li tkun irċeviet notifika minn Stat Membru kif imsemmi fit-Taqsima 5.3 ta’ din il-Komunikazzjoni, tiddeċiedi li kopertura ta’ riskju wieħed tkopri perjodu ta’ mill-inqas 181 jum u inqas minn sentejn hija temporanjament mhux kummerċjabbli għal esportaturi fl-Istat Membru li jinnotifika;

    (d)

    fejn il-Kummissjoni, wara li tkun irċeviet notifika minn Stat Membru kif imsemmi fit-Taqsima 5.4 ta’ din il-Komunikazzjoni, tiddeċiedi li minħabba nuqqas ta’ assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu, ċerti riskji huma temporanjament mhux kummerċjabbli għal esportaturi fl-Istat Membru li jinnotifika.

    20.

    Sabiex jiġu minimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, ir-riskji kkunsidrati bħala temporanji mhux kummerċjabbli speċifikati fil-punt 19 jistgħu jkunu koperti minn assiguraturi tal-Istat, sakemm jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 4.3.

    4.3.   Il-kundizzjonijiet biex tiġi pprovduta kopertura għal riskji temporanjament mhux kummerċjabbli

    4.3.1.   Il-kwalità tal-kopertura

    21.

    Il-kwalità tal-kopertura offruta minn assiguraturi tal-Istat għandha tkun konsistenti mal-istandards tas-suq. B’mod partikolari, jistgħu jkunu koperti biss ir-riskji ekonomikament ġustifikati, jiġifieri riskji li huma aċċettabbli fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ sottoskrizzjoni sodi. Il-perċentwal massimu ta’ kopertura għandu jkun 95 % għal riskji kummerċjali u riskji politiċi u l-perjodu ta’ stennija tal-klejms għandu jkun minimu ta’ 90 jum.

    4.3.2.   Il-prinċipji ta’ sottoskrizzjoni

    22.

    Fil-valutazzjoni tar-riskji, dejjem għandhom jiġu applikati prinċipji sodi ta’ sottoskrizzjoni. Għaldaqstant, ir-riskju ta’ tranżazzjonijiet finanzjament mhux sodi ma għandhomx ikunu eliġibbli għal kopertura permezz tal-iskemi appoġġati pubblikament. Fir-rigward ta’ prinċipji bħal dawn, il-kriterji għall-aċċettazzjoni tar-riskji għandhom ikunu espliċiti. Jekk tkun diġà teżisti relazzjoni kummerċjali, l-esportaturi għandu jkollhom esperjenza pożittiva ta’ skambju jew ħlas, jew tat-tnejn li huma. Jeħtieġ li x-xerrejja jkollhom rekord nadif tal-klejms, il-probabbiltà ta’ inadempjenza tax-xerrejja għandha tkun aċċettabbli u l-gradazzjonijiet finanzjarji interni jew esterni tagħhom jeħtieġ ukoll li jkunu aċċettabbli.

    4.3.3.   Ipprezzar adegwat

    23.

    It-teħid ta’ riskju fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għandu jkun ikkumpensat permezz ta’ primjum xieraq. Biex jiġi minimizzat l-effett li jinqalgħu barra assiguraturi tal-kreditu privati, il-medja ta’ primjums taħt skemi appoġġati pubblikament għandha tkun ogħla mill-medja tal-primjums mitluba minn assiguraturi ta’ kreditu privati għal riskji simili. Dan ir-rekwiżit jiżgura li l-interventi mill-Istat jitneħħew gradwalment, minħabba li l-primjum ogħla se jiżgura li l-esportaturi jerġgħu lura għall-assiguraturi privati malli l-kundizzjonijiet tas-suq jippermettulhom u r-riskju jsir kummerċjabbli mill-ġdid.

    24.

    L-ipprezzar jitqies adegwat jekk jintalab il-ħlas tal-primjum minimu annwali (16) (“il-primjum fil-limitu tal-eżenzjoni”) għall-kategorija rilevanti ta’ riskju tax-xerrejja (17) kif stipulat fit-tabella li ġejja. Il-primjum fil-limitu ta’ eżenzjoni japplika sakemm l-Istati Membri jipprovdu evidenza li dawk ir-rati mhumiex xierqa għal każ inkwistjoni. Għal politika sħiħa tal-bejgħ, il-kategorija tar-riskju għandha tikkorrispondi mal-medja tar-riskju tax-xerrejja koperti mill-polza.

    Kategorija tar-riskju

    Il-primjum annwali minimu tar-riskju  (18) (% tal-volum assigurat)

    Eċċellenti (19)

    0,2 –0,4

    Tajba (20)

    0,41 –0,9

    Sodisfaċenti (21)

    0,91 –2,3

    Dgħajfa (22)

    2,31 –4,5

    25.

    Fir-rigward tal-koassigurazzjoni, is-sehem tal-kwota u l-kopertura supplementari, l-ipprezzar jitqies adegwat biss jekk il-primjum mitlub ikun mill-anqas 30 % ogħla mill-primjum għall-kopertura (oriġinali) provduta minn assiguratur ta’ kreditu privat.

    26.

    Għandha tiżdied miżata ta’ amministrazzjoni mal-primjum tar-riskju, irrispettivament mit-tul ta’ żmien tal-kuntratt, sabiex il-prezz jitqies xieraq.

    4.3.4.   Trasparenza u rappurtar

    27.

    L-Istati Membri jridu jippubblikaw l-iskemi stabbiliti għar-riskji li jitqiesu temporanjament mhux kummerċjabbli skont il-punt 19 fuq is-it web tal-assiguraturi tal-Istat, fejn jispeċifikaw il-kundizzjonijiet kollha applikabbli.

    28.

    Huma jridu jressqu rapporti annwali lill-Kummissjoni dwar riskji li jitqiesu temporanjament mhux kummerċjabbli skont il-punt 19 u li huma koperti mill-assiguraturi tal-Istat. Huma għandhom jagħmlu dan sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju tas-sena wara l-intervent.

    29.

    Ir-rapport għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja għal kull skema:

    (a)

    l-ammont totali tal-limiti ta’ kreditu mogħtija;

    (b)

    il-fatturat assigurat;

    (c)

    il-primjums mitluba;

    (d)

    il-pretensjonijiet irreġistrati u mħallsa;

    (e)

    l-ammonti rkuprati;

    (f)

    il-kosti amministrattivi tal-iskema.

    30.

    L-informazzjoni għandha tingħata f’format ta’ spreadsheet tad-data, li jippermetti li d-data tiġi mfittxa, estratta u ppubblikata faċilment fuq l-Internet, pereżempju f’format CSV jew XML. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-rapporti fuq is-siti web tal-assiguraturi tal-Istat.

    5.   Regoli Proċedurali

    5.1.   Prinċipji ġenerali

    31.

    Ir-riskji speċifikati fil-punt 19(a) jistgħu jiġu koperti minn assiguraturi tal-Istat, billi jkunu suġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 4.3. Il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tiġi nnotifikata f’każijiet bħal dawn.

    32.

    Ir-riskji speċifikati fil-punti 19(b), (c) u (d) jistgħu jiġu koperti minn assiguraturi tal-Istat, billi jkunu soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 4.3 u wara li jkunu ġew notifikati lill-Kummissjoni u approvati minnha.

    33.

    In-nuqqas li tiġi ssodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fit-Taqsima 4.3 ma jfissirx li l-assigurazzjoni jew l-iskema ta’ assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni tkun awtomatikament ipprojbita. Jekk Stat Membru jkun jixtieq imur lil hinn minn kwalunkwe kundizzjoni stabbilita fit-Taqsima 4.3 jew jekk ikun hemm xi dubju dwar jekk skema ppjanata ta’ assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati f’din il-Komunikazzjoni, partikolarment it-Taqsima 4, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw l-iskema lill-Kummissjoni.

    34.

    L-analiżi skont ir-regoli ta’ għajnuna mill-Istat ma tiġġudikax minn qabel jekk miżura partikolari tkunx kompatibbli ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat.

    5.2.   Modifika tal-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli

    35.

    Meta tkun qed tiddetermina jekk in-nuqqas ta’ kapaċità privata suffiċjenti jiġġustifikax it-tneħħija temporanja ta’ pajjiż minn fuq lista ta’ pajjiżi b’riskju kummerċjabbli, kif stabbilit fil-punt 19(a), il-Kummissjoni se tqis dawn il-fatturi, f’ordni ta’ prijorità:

    (a)

    in-nuqqas ta’ kapaċità privata għall-assigurazzjoni ta’ kreditu: b’mod partikolari, id-deċiżjoni ta’ assiguratur ta’ kreditu ewlieni biex ma jkoprix riskji marbuta ma’ xerrejja fil-pajjiż ikkonċernat, tnaqqis sinifikanti fl-ammonti totali assigurati jew tnaqqis sinifikanti fil-proporzjon ta’ aċċettazzjoni tal-pajjiż kkonċernat f’perjodu ta’ sitt xhur;

    (b)

    deterjorazzjoni fil-klassifikazzjoni sovrana tas-settur: b’mod partikolari, bidliet għal għarrieda fil-klassifikazzjonijiet ta’ kreditu f’perjodu ta’ sitt xhur, pereżempju minħabba diversi twaqqigħ mill-aġenziji indipendenti tal-klassifikazzjoni, jew żieda kbira fis-swap ta’ inadempjenza ta’ kreditu;

    (c)

    deterjorazzjoni tal-prestazzjoni tas-settur korporattiv: b’mod partikolari, żieda qawwija ta’ insolvenzi fil-pajjiż ikkonċernat għal perjodu ta’ sitt xhur.

    36.

    Meta l-kapaċità tas-suq ma tkunx biżżejjed biex tkopri r-riskji kollha ekonomikament ġustifikabbli, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi l-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli fl-Anness fuq talba bil-miktub ta’ mill-inqas tliet Stati Membri jew fuq inizjattiva tagħha stess.

    37.

    Jekk l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb timmodifika l-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli, hija tikkonsulta u tfittex li tikseb informazzjoni mingħand l-Istati Membri, assiguraturi privati u partijiet interessati. Il-konsultazzjoni u t-tip ta’ informazzjoni mitluba titħabbar fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni normalment mhux se jkun itwal minn 20 jum ta’ xogħol. Fejn, abbażi tal-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni tiddeċiedi li timmodifika l-lista ta’ pajjiżi b’riskju kummerċjabbli, hija tħabbar dik id-deċiżjoni fuq is-sit web tagħha.

    38.

    Fi prinċipju, it-tneħħija temporanja ta’ pajjiż mil-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli tkun valida għal mhux inqas minn 12-il xahar. Poloz tal-assigurazzjoni relatati mal-pajjiż li jkun tneħħa temporanjament li jkunu ġew iffirmati matul dak il-perjodu jistgħu jkunu validi għal mhux iktar minn 180 jum wara d-data li fiha it-tneħħija temporanja ma tibqax valida. Polzi ġodda tal-assigurazzjoni ma jistgħux jiġu ffirmati wara dik id-data. Tliet xhur qabel tiskadi t-tneħħija temporanja, il-Kummissjoni tikkunsidra jekk ittawwalx il-perjodu ta’ tneħħija tal-pajjiż kkonċernat minn fuq il-lista. Jekk, meta tqis il-fatturi stipulati fil-punt 35, il-Kummissjoni tiddetermina li għad m’hemmx biżżejjed kapaċità tas-suq biex tkopri r-riskji ekonomikament ġustifikabbli kollha, tista’ testendi t-tneħħija temporanja tal-pajjiż mil-lista, skont il-punt 37.

    5.3.   Obbligu ta’ notifika għar-riskji temporanjament mhux kummerċjabbli msemmija fil-punti 19 (b) u (c)

    39.

    L-evidenza disponibbli bħalissa għall-Kummissjoni tissuġġerixxi li hemm nuqqas fis-suq fir-rirward tar-riskji speċifiċi fil-punt 19(b) u (c) u li dawk ir-riskji huma għalhekk mhux kummerċjabbli. Madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu, li mhux f’kull Stat Membru hemm nuqqas ta’ kopertura u li s-sitwazzjoni tista’ tinbidel maż-żmien, minħabba li s-settur privat jista’ jinteressa ruħu f’dan is-settur tas-suq. L-intervent mill-Istat jenħtieġ li jkun permess biss fir-rigward ta’ riskji li s-suq kieku ma jkoprix.

    40.

    Għal dawk ir-raġunijiet, meta Stat Membru jkun jixtieq ikopri r-riskji speċifikati fil-punti 19(b) jew (c) ta’ din il-Komunikazzjoni, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat u fin-notifika tiegħu juri li kkuntattja lill-assiguraturi ta’ kreditu u lis-sensara finanzjarji ewlenin f’dak l-Istat Membru (23) u li tahom l-opportunità li jipprovdu evidenza li l-koperta għar-riskji ikkonċernati hija disponibbli fil-pajjiż. Jekk l-assiguraturi jew is-sensara ta’ kreditu kkonċernati u s-sensara ma jagħtux lill-Istat Membru jew lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ kopertura u l-kwantità diġà assigurati tat-tip ta’ riskji li l-Istat Membru jrid ikopri fi żmien 30 jum minn meta jirċievu t-talba mingħand l-Istat Membru, jew jekk l-informazzjoni pprovduta ma turix li kopertura għar-riskji ikkonċernati hija disponibbli fil-pajjiż, il-Kummissjoni tqis ir-riskji temporanjament mhux kummerċjabbli.

    5.4.   L-obbligu ta’ notifika f’każijiet oħrajn

    41.

    Fir-rigward tar-riskji speċifikati fil-punt 19(d), jeħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat juri, fin-notifika tiegħu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, li f’dak l-Istat Membru partikolari m’hemmx disponibbli kopertura għall-esportaturi minħabba xokk fil-provvista fis-suq tal-assigurazzjoni privata, b’mod partikolari minħabba l-irtirar ta’ assiguratur ta’ kreditu prinċipali mill-Istat Membru kkonċernat, kapaċità mnaqqsa jew firxa limitata ta’ prodotti meta mqabbel ma’ Stati Membri oħrajn.

    6.   Id-data tal-applikazzjoni u d-durata

    42.

    Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2022, ħlief għal-lista tal-pajjiżi fl-Anness li se tiġi applikata mill-1 ta’ April 2022. Sal-31 ta’ Marzu 2022 il-Kummissjoni se tqis ir-riskji kummerċjali u politiċi kollha assoċjati mal-pajjiżi kollha temporanjament mhux kummerċjabbli f’konformità mal-eżenzjoni temporanja speċifikata fil-punt 33 tal-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata l-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19 (24) u fil-punt 62 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C (2021) 8442 dwar it-6 Emenda tal-Qafas Temporanju. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tadatta din il-Komunikazzjoni fi kwalunkwe ħin jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet assoċjati mal-politika tal-kompetizzjoni jew biex tqis politiki oħra tal-Unjoni u impenji internazzjonali.

    (1)  ĠU C 281, 17.9.1997, p. 4.

    (2)  ĠU C 217, 2.8.2001, p. 2.

    (3)  ĠU C 307, 11.12.2004, p. 12.

    (4)  ĠU C 325, 22.12.2005, p. 22.

    (5)  ĠU C 329, 7.12.2010, p. 6.

    (6)  ĠU C 392, 19.12.2012, p. 1.

    (7)  Il-punt 18(a) u t-Taqsima 5.2 tal-Komunikazzjoni tal-2012 kellhom jiġu applikati mid-data tal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2012.

    (8)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 6; ĠU C 372, 19.12.2013, p. 1; ĠU C 28, 28.1.2015, p. 1; ĠU C 215, 1.7.2015, p. 1; ĠU C 244, 5.7.2016, p. 1; ĠU C 206, 30.6.2017, p. 1; ĠU C 225, 28.6.2018, p. 1; ĠU C 457, 19.12.2018, p. 9; ĠU C 401, 27.11.2019, p. 3; ĠU C 101I, 28.3.2020, p. 1; ĠU C 340I, 13.10.2020, p. 1; ĠU C 34, 1.2.2021, p. 6.

    (9)  ĠU C 457, 19.12.2018, p. 9.

    (10)  ĠU C 224, 8.7.2020, p. 2.

    (11)  Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni — Fitness check of the 2012 State aid modernisation package, railways guidelines and short-term export credit insurance, 30.10.2020, SWD (2020) 257 final.

    (12)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

    (13)  Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-142/87 ir-Renju tal-Belġju vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-Qorti qalet li mhux biss l-għajnuna għall-esportazzjoni fl-Unjoni nnifisha, iżda anki l-għajnuna għall-esportazzjoni barra mill-Unjoni tista’ tinfluwenza l-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-Unjoni. Iż-żewġ tipi ta’ operazzjonijiet huma assigurati minn assiguraturi ta’ esportazzjoni bi kreditu u għalhekk l-għajnuna fir-rigward tat-tnejn tista’ jkollha effetti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-Unjoni.

    (14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7).

    (15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ mikroimpriżi, impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

    (16)  Għal kull kategorija tar-riskju rilevanti, il-firxa tal-primjum tar-riskju fil-limitu ta’ eżenzjoni ġiet stabbilita fuq il-bażi ta’ Swap ta’ Inadempjenza tal-Kreditu fuq sena (CDS), ibbażata fuq klassifikazzjoni komposta li tinkludi l-gradazzjoni tat-tliet aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ewlenin (Standard & Poor, Moody’s u Fitch), għall-aħħar ħames snin (2007–11), bis-suppożizzjoni li l-proporzjonijiet tat-telf medju għall-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir jkunu ta’ 40 %. Sussegwentement il-firxiet ta’ primjums saru kontinwi biex jilqgħu aħjar il-fatt li l-primjums tar-riskju ma jibqgħux kostanti maż-żmien.

    (17)  Il-kategoriji ta’ riskju tax-xerrejja huma bbażati fuq il-klassifikazzjoni tal-kreditu. Madankollu, il-klassifikazzjonijiet mhux bilfors li jinkisbu mingħand aġenziji ta’ klassifikazzjoni speċifiċi. Is-sistemi nazzjonali ta’ klassifikazzjoni jew is-sistemi ta’ klassifikazzjoni użati mill-banek huma aċċettabbli wkoll. Fil-każ ta’ ditti mingħajr klassifikazzjoni pubblika, tista’ tiġi applikata klassifikazzjoni bbażata fuq informazzjoni verifikabbli.

    (18)  Il-limitu ta’ eżenzjoni għal kuntratt tal-assigurazzjoni ta’ 30 jum jista’ jinkiseb billi l-firxa tkun diviża bi 12.

    (19)  Il-kategorija ta’ riskju eċċellenti tinkludi riskji ekwivalenti għal AAA, AA +, AA, AA-, A+, A, A- fil-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ Standard & Poor’s.

    (20)  Il-kategorija ta’ riskju tajjeb tinkludi riskji ekwivalenti għal BBB+, BBB jew BBB– fil-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ Standard & Poor’s.

    (21)  Il-kategorija ta’ riskju sodisfaċenti tinkludi riskji ekwivalenti għal BB+, BB jew BB– fil-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ Standard & Poor’s.

    (22)  Il-kategorija ta’ riskju dgħajjef tinkludi riskji ekwivalenti għal B+, B jew B– fil-gradazzjoni tal-kreditu ta’ Standard & Poor’s.

    (23)  L-assiguraturi ta’ kreditu u s-sensara finanzjarji kkuntattjati għandhom ikunu rappreżentattivi f’termini tal-prodotti offruti (pereżempju, fornituri speċjalizzati għal riskji waħdenin) u d-daqs tas-suq li jkopru (pereżempju, li flimkien jirrappreżentaw sehem minimu ta’ 50 % tas-suq)..

    (24)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it tifqigħa preżenti tal-COVID-19”, C (2020) 1863 finali, 19.3.2020 (ĠU C 91, I, 20.3.2020, p. 1), kif emendata mill-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni C (2020) 2215 (ĠU C 112, I, 4.4.2020, p. 1), C (2020) 3156 (ĠU C 164, 13.5.2020, p. 3), C (2020) 4509 (ĠU C 218, 2.7.2020, p. 3), C (2020) 7127 (ĠU C 340, I, 13.10.2020, p. 1), C (2021) 564 (ĠU C 34, 1.2.2021, p. 6) u C (2021) 8442 (ĠU C 473, 24.11.2021, p. 1). Il-punti 24 sa 27 u 62 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C (2021) 8442 dwar is-6 Emenda għall-Qafas Temporanju jipprovdu aktar informazzjoni dwar l-eżenzjoni temporanja.


    ANNESS

    Lista ta’ Pajjiżi ta’ Riskju Kummerċjabbli

    Il-Belġju

    Ċipru

    Is-Slovakkja

    Il-Bulgarija

    Il-Latvja

    Il-Finlandja

    Iċ-Ċekja

    Il-Litwanja

    L-Iżvezja

    Id-Danimarka

    Il-Lussemburgu

    L-Awstralja

    Il-Ġermanja

    L-Ungerija

    Il-Kanada

    L-Estonja

    Malta

    L-Iżlanda

    L-Irlanda

    In-Netherlands

    Il-Ġappun

    Il-Greċja

    L-Awstrija

    New Zealand

    Spanja

    Il-Polonja

    In-Norveġja

    Franza

    Il-Portugall

    L-Iżvizzera

    Il-Kroazja

    Ir-Rumanija

    Ir-Renju Unit

    L-Italja

    Is-Slovenja

    L-Istati Uniti tal-Amerka


    Top