This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document E2010C0035
EFTA Surveillance Authority Decision No 35/10/COL of 3 February 2010 amending, for the 80th time, the procedural and substantive rules in the field of State aid by introducing a new chapter on the application of State aid rules to public service broadcasting
Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 35/10/COL tat- 3 ta' Frar 2010 li temenda, għat-80 darba, ir-regoli proċedurali u ta' sustanza fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi Kapitolu ġdid dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku
Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 35/10/COL tat- 3 ta' Frar 2010 li temenda, għat-80 darba, ir-regoli proċedurali u ta' sustanza fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi Kapitolu ġdid dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku
ĠU L 124, 11.5.2012, p. 40–55
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
11.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 124/40 |
DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA
Nru 35/10/COL
tat-3 ta' Frar 2010
li temenda, għat-80 darba, ir-regoli proċedurali u ta' sustanza fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi Kapitolu ġdid dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku
L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (1),
WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ewropea Ekonomika (2), u partikolarment l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,
WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità tas-Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), u partikolarment l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu,
BILLI:
Taħt l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat,
Skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet trattati fil-Ftehim taż-ŻEE, jekk dak il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti hekk jipprovdu espressament jew jekk l-Awtorità tikkunsidra li hu meħtieġ,
Ir-Regoli Proċedurali u ta’ Sustanza fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat adottati fid-19 ta’ Jannar 1994 mill-Awtorità (4),
Fis-27 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Kummissjoni) ippubblikat Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku (5),
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,
L-applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi żgurata fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha,
Skont il-punt II taħt l-intestatura "ĠENERALI" fl-aħħar tal-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità għandha tadotta, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, atti li jikkorrispondu ma' dawk adottati mill-Kummisssjoni,
L-Awtorità kkonsultat mal-Kummissjoni u l-Istati tal-EFTA permezz ta' ittri datati s-26 ta' Jannar 2010 dwar is-suġġett (Avveniment Nri 543973, 543974 u 543997).
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati billi jiġi introdott Kapitolu ġdid dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku. Il-Kapitolu l-ġdid jinsab fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Frar 2010.
Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA
Per SANDERUD
President
Kurt JÄGER
Membru tal-Kulleġġ
(1) Minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Awtorità.
(2) Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Ftehim taż-ŻEE.
(3) Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.
(4) Il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġa mill-Awtorità fid-19 ta' Jannar 1994, ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ĠU) L 231 3.9.1994 p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 32 3.9.1994 p.1, kif emendat. Minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tinsab fuq il-websjat tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/
(5) ĠU C 257, 27.10.2009, p. 1.
ANNESS
APPLIKAZZJONI TAR-REGOLI DWAR L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦAX-XANDIR TA' SERVIZZ PUBBLIKU (1)
1. Introduzzjoni u l-ambitu
(1) |
F’dawn l-aħħar tletin sena, ix-xandir għadda minn bidliet importanti. It-tneħħija tal-monopolji, il-miġja ta’ parteċipanti ġodda u l-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla biddlu mill-qiegħ nett l-ambjent kompetittiv. Ix-xandir televiżiv kien tradizzjonalment attività limitata. Sa mill-ħolqien tiegħu, dan kien ipprovdut l-aktar minn impriżi pubbliċi taħt sistema ta’ monopolju, l-aktar minħabba d-disponibbiltà limitata ta’ frekwenzi tax-xandir u l-ostakli kbar għad-dħul fis-suq. |
(2) |
Madankollu fis-snin 70 tas-seklu li għadda, żviluppi ekonomiċi u teknoloġiċi għamluha aktar possibbli għall-Istati tal-EFTA biex operaturi oħra jitħallew ixandru. Għaldqastant, l-Istati tal-EFTA ddeċidew li jintroduċu l-kompetizzjoni fis-suq. Dan wassal biex il-konsumaturi jkollhom għażla aktar wiesgħa, hekk kif diversi stazzjonijiet oħra u servizzi ġodda saru disponibbli; dan iffavorixxa wkoll il-miġja u l-iżvilupp ta’ operaturi Ewropej b’saħħithom, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, u grad ogħla ta’ pluraliżmu fis-settur, li jfisser aktar minn sempliċement id-disponibbiltà ta’ stazzjonijiet u servizzi addizzjonali. Filwaqt li fetħu s-suq għall-kompetizzjoni, l-Istati tal-EFTA kkunsidraw li x-xandir ta' servizz pubbliku kellu jinżamm, sabiex jiżguraw il-koperatura ta' għadd ta’ oqsma u biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet u l-għanijiet tal-politika pubblika li nkella mhux neċessarjament kienu jiġu ssodisfati bl-aħjar mod. |
(3) |
Fl-istess ħin, iż-żieda fil-kompetizzjoni, flimkien mal-preżenza ta’ operaturi ffinanzjati mill-Istat, wasslet ukoll għal aktar tħassib dwar kemm kienu jeżistu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd, u għaldaqstant l-operaturi privati ressqu t-tħassib tagħhom quddiem l-Awtorità. L-ilmenti jallegaw ksur tal-Artikoli 59 u 61 tat-Ftehim taż-ŻEE fir-rigward tal-iffinanzjar pubbliku tax-xandara tas-servizz pubbliku. |
(4) |
Il-Kapitolu preċedenti dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (2) l-ewwel stabbilixxa l-qafas li jirregola l-finanzjament mill-Istat tax-xandir ta' servizz pubbliku. Dan serva bħala bażi tajba għall-Awtorità biex titratta każijiet fil-qasam tal-finanzjament tax-xandara tas-servizz pubbliku. |
(5) |
Sadanittant, is-swieq tax-xandir u dawk awdjoviżivi ġew modifikati b’mod fundamentali minn bidliet teknoloġiċi. Il-pjattaformi u teknoloġiji ta’ distribuzzjoni, bħat-televiżjoni diġitali, l-IPTV, it-televiżjoni ċellulari u l-programmi fuq talba (video on demand), tkattru bil-qawwi. Dan wassal għal żieda fil-kompetizzjoni bil-preżenza ta’ parteċipanti ġodda, bħalma huma l-operaturi tan-netwerks u l-kumpaniji tal-internet, li qed jidħlu fis-suq. L-iżviluppi teknoloġiċi ppermettew ukoll li jitfaċċaw servizzi tal-midja ġodda bħalma huma s-servizzi ta’ informazzjoni onlajn u s-servizzi mhux lineari jew fuq talba (on-demand). Il-fornitura tas-servizzi awdjoviżivi qed tikkonverġi, u aktar ma jgħaddi żmien il-konsumaturi aktar qed ikollhom il-possibbiltà li jiksbu diversi servizzi fuq pjattaforma jew tagħmir uniku jew li jiksbu kwalunkwe servizz permezz ta’ diversi pjattaformi jew tagħmir. Il-varjetà dejjem tikber ta’ għażliet li għandhom il-konsumaturi għall-aċċess ta’ kontenut tal-midja wasslet għal żieda kbira tas-servizzi awdjoviżivi offruti kif ukoll għall-frammentazzjoni tal-udjenzi. Teknoloġiji ġodda wasslu għat-titjib tal-parteċipazzjoni tal-konsumatur. Gradwalment il-mudell tradizzjonali ta’ konsum passiv gradwalment qiegħed jinbidel f’parteċipazzjoni attiva u f’kontroll fuq il-kontenut min-naħa tal-konsumaturi. Sabiex jilqgħu għall-isfidi l-ġodda, l-entitajiet pubbliċi u privati tax-xandir bdew jiddervsifikaw l-attivitajiet tagħhom, fejn bdew mexjin lejn pjattaformi ġodda ta’ distribuzzjoni u jespandu l-medda tas-servizzi tagħhom. Proprju dan l-aħħar, id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tax-xandara tas-servizz pubbliku ffinanzjati minn fondi pubbliċi (bħall-kontenut onlajn, stazzjonijiet ta' interessi speċjali) wasslet għal għadd ta' ilmenti minn parteċipanti oħra fis-suq, inkluż min-naħa ta' pubblikaturi. |
(6) |
Fis-sentenza Altmark tal-2003 (3), il-Qorti tal-Ġustizja tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Qorti tal-Ġustizja) iddefiniet il-kondizzjonijiet li taħthom il-kumpens għal servizz pubbliku ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat. Fl-2005, l-Awtorità adottat Kapitolu ġdid dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għal servizz pubbliku (4) u introduċietu fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, fl-2006, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta' Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (5), ġiet inkorporata mal-Ftehim taż-ŻEE bħala l-Att imsemmi fil-punt 1(h) tal-Anness XV għall-Ftehim taż-ŻEE, kif adattat mill-Protokoll 1 tiegħu (minn hawn ’il quddiem msejħa d-Deċiżjoni 2005/842/KE) (6). L-Istati tal-EFTA attwalment jinsabu fil-proċess tal-inkorporazzjoni tad-Direttiva 2007/65/KE (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva) (7), li testendi l-ambitu tar-regolament awdjoviżiv, madwar iż-ŻEE kollha, għas-servizzi ta' midja li qed jitfaċċaw. |
(7) |
Dawn il-bidliet fis-suq u fl-ambjent legali sejħu għal aġġornament fil-Kapitolu dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-2005 (8) ħabbar li l-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem msejħa l-Kummissjoni) għandha “tirrevedi l-Komunikazzjoni tagħha rigward l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku. Partikolarment minħabba l-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali ġodda u tas-servizzi bbażati fuq l-internet, qamu diversi kwistjonijiet ġodda rigward l-ambitu tal-attivitajiet tas-servizz pubbliku". |
(8) |
Matul l-2008 u l-2009, l-Awtorità u l-Istati tal-EFTA ħadu sehem fil-konsultazzjonijet pubbliċi tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-Komunikazzjoni tal-2001 dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku (9). Dan il-Kapitolu jikkonsolida l-prattika tal-każistika tal-Kummissjoni u tal-Awtorità fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat f'manjiera orjentata lejn il-ġejjieni bbażata fuq il-kummenti mill-konsultazzjonijiet pubbliċi. Din tiċċara l-prinċipji segwiti mill-Awtorità fl-applikazzjoni tal-Artikoli 61 u 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE għall-finanzjament pubbliku tas-servizzi awdjoviżivi fis-settur tax-xandir (10), filwaqt li tikkunsidra l-iżviluppi reċenti fis-suq kif ukoll dawk legali. Dan il-Kapitolu hu mingħajr ebda ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern u l-libertajiet fundamentali fil-qasam tax-xandir. |
2. Ir-rwol tax-xandir ta' servizz pubbliku
(9) |
Ix-xandir ta' servizz pubbliku, għalkemm għandu rilevanza ekonomika ċara, ma jistax jitqabbel ma’ servizz pubbliku fi kwalunkwe settur ekonomiku ieħor. M’hemm l-ebda servizz ieħor li fl-istess ħin ikollu aċċess għal settur tant wiesa’ tal-popolazzjoni, jipprovdilu tant informazzjoni u kontenut, u li meta jagħmel dan ikun qed iwassal u jinfluwenza kemm l-opinjoni tal-individwu kif ukoll dik pubblika. |
(10) |
Barra minn hekk, ix-xandir ġeneralment jiġi kkunsidrat bħala sors ta’ informazzjoni affidabbli ħafna u jirrappreżenta, għal proporzjon konsiderevoli tal-popolazzjoni, is-sors ewlieni ta’ informazzjoni. Għalhekk, dan isaħħaħ id-dibattitu pubbliku u fl-aħħar mill-aħħar jista’ jiżgura li, sa ċertu punt, iċ-ċittadini kollha jipparteċipaw fil-ħajja pubblika. B’rabta ma’ dan, is-salvagwardji għall-indipendenza tax-xandir huma ta’ importanza fundamentali, konformi mal-prinċipju ġenerali dwar il-libertà tal-espressjoni kif imnaqqax fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, prinċipju tal-liġi ġenerali li r-rispett tiegħu huwa żgurat mill-Qrati tal-Ġustizzja (11). |
(11) |
Ir-rwol tas-servizz pubbliku (12) normalment hu rikonoxxut mill-Ftehim taż-ŻEE, partikolarment fl-Artikolu 59(2), li jinqara kif ġej: "Intrapriżi li huma fdati bl-operat tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew li għandhom il-karattru ta’ monopolju li jagħmel introjtu għandhom ikunu suġġetti għar-regoli li jinsabu f’dan il-Ftehim, partikolarment għar-regoli dwar il-kompetizzjoni, safejn u sakemm l-applikazzjoni ta’ regoli bħal dawn ma jfixklux il-qadi tad-dmirijiet, fil-liġi jew fil-fatt, ta’ biċċiet ta’ xogħol assenjati lilhom. L-iżvilupp tal-kummerċ m'għandux ikun affetwat sa tali punt li jkun kuntrarju għall-interess tal-Partijiet Kontraenti". |
(12) |
L-importanza tax-xandir ta' servizz pubbliku għal ħajja soċjali, demokratika u kulturali ġiet affermata mill-ġdid fl-Att msemmi fil-punt 33 tal-Anness XI tal-Ftehim taż-ŻEE (Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill tal-25 ta' Jannar 1999 rigward ix-xandir ta' servizz pubbliku) (13), kif adattat mill-Protokoll 1 tiegħu (minn hawn ’il quddiem msejħa r-Riżoluzzjoni rigward ix-xandir ta' servizz pubbliku) (14). Kif enfasizzat f’din ir-Riżoluzzjoni: dwar ix-xandir ta' servizz pubbliku "l-aċċess pubbliku wiesa', mingħajr diskriminazzjoni u fuq il-bażi ta’ opportunitajiet indaqs, għal diversi stazzjonijiet u servizzi hija prekundizzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-mandat speċjali tas-servizz pubbliku tax-xandir". Barra minn hekk, ix-xandir ta' servizz pubbliku jeħtieġ li "jibbenefika minn progress teknoloġiku", iġib "lill-pubbliku l-benefiċċji tas-servizzi ġodda awdjoviżivi u ta’ informazzjoni u t-teknoloġiji ġodda" u jdaħħlu "l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni ta’ attivitajiet fl-era diġitali". Fl-aħħar, "servizz ta' xandir pubbliku jrid ikun jista' jkompli jipprovdi firxa aktar wiesgħa ta’ programmi bil-mandat tiegħu kif definit mill-Istati Membri sabiex jindirizza s-soċjetà fl-intier tagħha; f’dan il-kuntest ikun ġust li x-xandir ta' servizz pubbliku jilħaq udjenzi wiesgħa". |
(13) |
Ir-rwol tax-xandir ta' servizz pubbliku fil-promozzjoni tad-diversità kulturali kien rikonoxxut ukoll mill-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali tal-UNESCO tal-2005 (15). Il-Konvenzjoni tistqarr li kull Parti tista’ tadotta "miżuri mmirati lejn il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali fi ħdan it-territorju tagħha". Tali miżuri jistgħu jinkudu, fost l-oħrajn, “miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tad-diversità tal-midja, ukoll permezz xandir ta' servizz pubbliku” (16). |
(14) |
Dawn il-valuri tax-xandir pubbliku huma importanti wkoll fl-ambjent il-ġdid tal-midja li qed jinbidel malajr. Dan ġie enfasizzat ukoll fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-pluraliżmu tal-midja u d-diversità tal-kontenut tal-midja (17), u l-mandat tal-midja tas-servizz pubbliku fis-soċjetà tal-informazzjoni (18). Din ir-Rakkomandazzjoni li ssemmiet tappella lill-membri tal-Kunsill tal-Ewropa biex "jiggarantixxu midja tas-servizz pubbliku (…) f'manjiera trasparenti u responsabbli" u "jagħmilha possibbli li l-midja tas-servizzi pubbliku tirrispondi bis-sħiħ u b'mod effettiv għall-isfidi tas-soċjetà tal-informazzjoni, fir-rispett tal-istruttura doppja pubblika/privata tal-panorama tal-midja elettronika Ewropea u bl-attenzjoni dovuta għal kwistjonijiet b'rabta mas-suq u l-kompetizzjoni". |
(15) |
Fl-istess ħin u minkejja dan ta' hawn fuq, għandu jkun innotat li x-xandara kummerċjali, li numru minnhom huma soġġetti għar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku, ukoll għandhom rwol sinjifikanti biex jinkisbu l-għanijiet tar-Riżoluzzjoni li tirrigwarda x-xandir ta' servizz pubbliku billi dawn jikkontribwixxu għall-pluraliżmu, isaħħu d-dibattitu kulturali u politiku u jwessgħu l-għażla ta’ programmi. Barra minn hekk, pubblikaturi ta' gazzetti u ta' midja stampata oħra huma wkoll garanti importanti ta' pubbliku informat b'mod oġġettiv u tad-demokrazija. Peress li dawn l-operaturi qegħdin jikkompetu ma' xandara ta' fuq l-Internet, dawn il-fornituri tal-midja kummerċjali kollha huma kkonċernati mill-effetti negattivi potenzjali li l-għajnuna mill-Istat lil xandara tas-servizz pubbliku tista' tħalli fuq l-iżvilupp ta' mudelli kummerċjali ġodda. Kif tfakkar mid-Directive 2007/65/KE (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva), "il-koeżistenza ta’ fornituri privati u pubbliċi tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva hija karatteristika li tiddistingwi s-suq tal-midja awdjoviżiva Ewropew". Fil-fatt, huwa fl-interess komuni li tinżamm pluralità ta' offerta ta' midja pubblika u privata bbilanċjata anke fl-ambjent dinamiku tal-midja tal-lum. |
3. Il-Kuntest Legali
(16) |
L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-servizz ta' xandir pubbliku trid tikkunsidra numru wiesa' ta’ elementi differenti. Il-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq l-Artikoli 61 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat u fuq l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Ftehim taż-ŻEE u r-regoli tal-kompetizzjoni, partikolarment, għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Il-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar t-Twaqqif ta’ Awtorità tas-Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ Protokoll 3) stabbilixxa r-regoli tal-proċedura f'każijiet tal-għajnuna mill-Istat. |
(17) |
Il-Ftehim taż-ŻEE ma jinkludix dispożizzjoni simili għall-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem msejjaħ TFUE) (dak li kien l-Artikolu 151 tat-Trattat tal-KE) rigward il-kultura jew "eżenzjoni kulturali" għall-għajnuna għall-promozzjoni ta' kultura simili għal dik li tinsab fl-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE (dak li kien l-Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat tal-KE). Madankollu, dan ma jfissirx li eżenzjoni minn miżura bħal din hija eskluża. Kif aċċettat mill-Awtorità f'kawżi preċedenti, miżuri ta' appoġġ bħal dawn jistgħu jiġu approvati fuq raġunijiet kulturali abbażi l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE (19). |
(18) |
Il-qafas regolatorju dwar "servizzi tal-midja awdjoviżivi" fil-livell Ewropew huwa kkoordinat mid-Direttiva 2007/65/KE (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva. Il-ħtiġijiet għal trasparenza finanzjarja rigward impriżi pubbliċi huma regolati bl-Att msemmi fil-punt 1a tal-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE (id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (20), kif adottat bil-Protokoll 1 tiegħu (minn hawn ’il quddiem msejħa d-Direttiva 2006/111/KE (id-Direttiva dwar it-Trasparenza)) (21). |
(19) |
Dawn ir-regoli huma soġġetti għal interpretazzjoni mill-Qorti tal-EFTA fi ħdan il-"pilastru tal-EFTA” u mill-Qorti tal-Ġustizja fi ħdan il-"pilastru tal-Unjoni Ewropea". L-Awtorità adottat ukoll bosta ġabriet ta' linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jikkorrispondu ma' linji gwida simili li nħarġu mill-Kummissjoni. Partikolarment, fl-2005, l-Awtorità adottat il-Kapitolu dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għal servizz pubbliku u fl-2006, id-Deċiżjoni 2005/842/KE ġiet inkorporata fil-Ftehim taż-ŻEE, li tikkjarifika l-ħtiġijiet tal-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE. Dan tal-aħħar huwa applikabbli wkoll fil-qasam tax-xandir, safejn jiġu sodisfati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2005/842/KE (22). |
4. L-Applikabbiltà Tal-Artikolu 61(1) Tal-Ftehim Taż-ŻEE
4.1. Il-karattru tal-għajnuna mill-Istat tal-finanzjament mill-Istat ta’ xandara tas-servizz pubbliku
(20) |
F'konformità mal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE, il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat tinkludi l-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) irid isir intervent mill-Istat jew permezz ta' riżorsi mill-Istat; (b) l-intervent irid ikun tali li jista' jolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti; (c) irid jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju; (d) irid joħloq distorsjoni jew riskju ta' distorsjoni fil-kompetizzjoni (23). L-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat għandha tiġi vvalutata fuq bażi oġġettiva, b'kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-EFTA. |
(21) |
L-effett tal-intervent mill-Istat, mhux l-għan tiegħu, huwa l-element deċiżiv fi kwalunkwe valutazzjoni dwar il-kontenut tal-għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. Ix-xandara tas-servizz pubbliku normalment jiġu ffinanzjati jew mill-baġit tal-Istat jew permezz ta’ taxxa li titħallas mid-detenturi ta’ apparat tax-xandir. F’ċerti ċirkostanzi speċifiċi, l-Istat jagħmel injezzjonijiet ta' kapital jew kanċellazzjonijiet ta’ djun favur ix-xandara tas-servizz pubbliku. Dawn il-miżuri finanzjarji huma normalment attribbwiti għall-awtoritajiet pubbliċi u jinvolvu t-trasferiment ta’ riżorsi mill-Istat (24). |
(22) |
Il-finanzjament mill-Istat tax-xandara tas-servizz pubbliku jista’ jiġi kkunsidrat ukoll b'mod ġenerali li jolqot l-kummerċ ta’ bejn il-Partijiet Kontraenti. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja "meta għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz tar-riżorsi mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża f’paragun ma’ impriżi oħra li jkunu qed jikkompetu fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati li ġew affettwati minn dik l-għajnuna" (25). Din hija b’mod ċar il-pożizzjoni fir-rigward tal-akkwist u l-bejgħ tad-drittijiet tal-programmi, li ta’ spiss jitwettqu f’livell internazzjonali. Anke r-reklamar, fil-każ tax-xandara tas-servizz pubbliku li huma permessi li jbigħu spazju ta’ reklamar, għandu effett transkonfinali, speċjalment għal żoni lingwistiċi omoġenji fil-fruntieri nazzjonali. Barra minn hekk, l-appartenenza tista’ tiġi estiża għal aktar minn Stat taż-ŻEE wieħed. Barra minn hekk, is-servizzi pprovduti fuq l-Internet normalment għandhom firxa globali. |
(23) |
Fir-rigward l-eżistenza ta' vantaġġ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat fil-kawża Altmark li kumpens għal servizz pubbliku mhux ikkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat sakemm jiġu sodisfatti l-erba' kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, l-impriża li tirċievi trid ikollha fil-fatt obbligi ta' servizz pubbliku xi twettaq, u l-obbligi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni, il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkulat il-kumpens iridu jiġu stabbiliti minn qabel b'mod oġġettiv u trasparenti. It-tielet, il-kumpens ma jistax ikun aktar minn dak li hu meħtieġ sabiex ikopri l-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, li jkunu saru fit-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku, waqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti u profitt raġonevoli. Fl-aħħar nett, meta l-impriża li trid twettaq obbligi tas-servizz pubbliku, f’każ speċifiku, ma tintgħażilx fil-kuntest ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku intiża biex jintgħażel l-appaltatur li jista’ jipprovdi dawk is-servizzi bl-inqas spejjeż possibbli għall-komunità, il-livell ta’ kumpens għandu jiġi stabbilit abbażi analiżi tal-ispejjeż li impriża tipika mmexxija u mgħammra tajjeb biex tissodisfa r-rewiżiti neċessarji bħala servizz pubbliku kien ikollha tagħmel biex twettaq dawk l-obbligi. |
(24) |
Safejn dak il-finanzjament jonqos milli jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' hawn fuq, dan ikun ikkunsidrat bħala kumpens li jiffavorixxi b'mod selettiv lil ċerti xandara biss u b'hekk joħloq distorsjoni jew riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
4.2. In-natura tal-għajnuna: l-għajnuna eżistenti f’paragun mal-għajnuna l-ġdida
(25) |
L-iskemi ta’ finanzjament li attwalment huma fis-seħħ fil-maġġoranza tal-Istati tal-EFTA ġew introdotti żmien twil ilu. Bħala l-ewwel pass, għalhekk, l-Awtorità trid tistabbilixxi jekk dawn l-iskemi jistgħux jiġu kkunsidrati bħala "għajnuna eżistenti" fit-tifsira tal-Artikolu 1(1) tal-Parti I tal-Protokoll 3. Skont din id-dispożizzjoni, "l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandha, b'kooperazzjoni mal-Istati tal-EFTA, teżamina kostantement is-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżistu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn tal-aħħar kwalunkwe miżuri adattati meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mit-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE." |
(26) |
Skont l-Artikolu 1(b)(i) tal-Parti II tal-Protokoll 3, l-għajnuna eżistenti tinkludi "… l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taż-ŻEE fl-Itati tal-EFTA rispettivi, li jfisser, skemi ta' għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taż-ŻEE". |
(27) |
Skont l-Artikolu 1(b)(v) tal-Part II tal-Portokoll 3, l-għajnuna eżistenti tinkludi wkoll "għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżistenti minħabba li jista jiġi stabbilit li meta kienet daħlet fis-seħħ ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea u mingħajr ma nbidlet mill-Istat tal-EFTA". |
(28) |
Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja (26), l-Awtorità trid tivverifika jekk il-qafas legali li taħtu tingħata l-għajnuna nbidilx jew le minn mindu ddaħħal. L-Awtorità temmen li l-aktar approċċ xieraq ikun wieħed li jikkunsidra l-każi b'mod individwali (27), filwaqt li tikkunsidra l-elementi kollha relatati mas-sistema tax-xandir ta' Stat tal-EFTA partikolari. |
(29) |
Skont il-każistika f'Ġibiltà (28), mhux kull bidla fl-għajnuna eżistenti għandha tiġi kkunsidrata bħala bidla tal-għajnuna eżistenti f’għajnuna ġdida. Skont il-Qorti Ġenerali, "huwa biss fejn il-bidla taffettwa s-sustanza attwali tal-iskema oriġinali li din tal-aħħar tinbidel fi skema ta’ għajnuna ġdida". Ma jista’ jkun hemm l-ebda lok għal tali bidla sostantiva fejn l-element il-ġdid ikun separat b'mod ċar mill-iskema inizjali". |
(30) |
Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, fil-prattika tagħha tat-teħid tad-deċiżjoni l-Awtorità normalment eżaminat: (a) sew jekk l-iskema ta' finanzjament oriġinali għal xandara tas-servizz pubbliku fl-għajnuna eżistenti hiex skont ir-regoli indikati fil-paragrafi 26 u 27 ta' hawn fuq; (b) sew jekk it-tibdiliet sussegwenti jolqtux is-sustanza fattwali tal-miżura oriġinali (jiġifieri n-natura tal-vantaġġ jew is-sors tal-finanzjament, l-iskop tal-għajnuna, il-benefiċjarji jew l-ambitu tal-attivitajiet tal-benefiċjarji) jew jekk dawn it-tibdiliet humiex ta' natura purament formali jew amministrattiva; u (c) fil-każ li t-tibdiliet sussegwenti ikunu sostanzjali, jekk humiex separabbli mill-miżura oriġinali, f'liema każ ikunu jistgħu jiġu vvalutati separatament, jew jekk humiex separabbli mill-miżura oriġinali b'tali mod li, fit-totalità tagħha, il-miżura oriġinali tinbidel f'għajnuna ġdida. |
5. Valutazzjoni Tal-Kompatibbiltà Tal-Għajnuna Mill-Istat Taħt L-Artikolu 61(3) Tal-Ftehim Taż-ŻEE
(31) |
Għalkemm normalment il-kumpens għax-xandir ta' servizz pubbliku jiġi vvalutat taħt l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE, id-derogi elenkati fl-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ŻEE jistgħu, fil-prinċipju, japplikaw ukoll fil-qasam tax-xandir, sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet relevanti. |
(32) |
Il-Ftehim taż-ŻEE ma jinkludix dispożizzjoni li tikkorrispondi mal-Artikolu 167(4) tat-TFUE, li tobbliga lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-aspetti kulturali fl-azzjonijiet tagħha taħt dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, partikolarment biex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha. U lanqas tinkludi eżenzjoni kulturali simili għall-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE, li tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra għajnuna għal promozzjoni ta’ kultura bħala kompatibbli mas-suq komuni fejn għajnuna bħal din ma tolqotx kondizzjonijiet ta’ kummerċ u kompetizzjoni fil-Komunità sal-punt li hija kuntrarja għall-interess komuni. Madankollu, dan ma jfissirx li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma jħallux spazju għall-konsiderazzjoni tal-aspetti kulturali. Il-Ftehim taż-ŻEE jirrikonoxxi l-ħtieġa biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni kulturali fl-Artikolu 13 tal-Protokoll 31. Rigward dan, għandu jitfakkar li l-Awtorità stabbiliet fi prattika ta' teħid ta' deċiżjonijiet, rigward l-għajnuna mill-Istat għall-produzzjoni tal-films u attivitajiet relatati mal-films, li miżuri favur produzzjoni ċinematografika u awdjoviżiva jistgħu jiġu approvati fuq raġunijiet kulturali bl-applikazzjoni tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE, sakemm dan l-approċċ jikkunsidra biżżejjed il-kriterja żviluppati mill-Kummissjoni u li l-approċċ ma jiddevjax mill-prattika tal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE (29). |
(33) |
Hu f'idejn l-Awtorità biex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni fattwali ta' kwalunkwe dispożizzjoni ta' eżenzjoni fl-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ŻEE u kif għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti kulturali. Ta’ min ifakkar li d-dispożizzjonijiet li jeżentaw il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat iridu jiġu applikati b’mod strett. F'konformità ma' dan, l-Awtorità tikkunsidra li d-deroga kulturali tista' tiġi applikata f'dawk il-kawżi fejn il-prodott kulturali huwa definit jew identifikabbli b'mod ċar (30). Barra minn hekk, l-Awtorità tikkunsidra li l-kunċett ta’ kultura jrid jiġi applikat għall-kontenut u għan-natura tal-prodott ikkonċernat, u mhux għall-mezz jew għad-distribuzzjoni tiegħu per se (31). Barra minn hekk, il-ħtiġijiet edukattivi u demokratiċi ta’ Stat tal-EFTA jridu jiġu kkunsidrati b'mod distint mill-promozzjoni tal-kultura (32). |
(34) |
L-għajnuna mill-Istat lil xandara tas-servizz pubbliku ma tagħmel l-ebda differenza bejn il-ħtiġijiet kulturali, demokratiċi u edukattivi tas-soċjetà. Sakemm il-miżura ta' finanzjament hija mmirata speċifikament għall-promozzjoni ta' għanijiet kulturali, għajnuna bħal din fi prinċipju ma tistax tiġi approvata taħt l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE bħala għajnuna kulturali. L-għajnuna mill-Istat lix-xandara tas-servizz pubbliku ġeneralment tingħata fil-forma ta’ kumpens għat-twettiq tal-mandat tas-servizz pubbliku u tiġi vvalutata taħt l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE, abbażi l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu preżenti. |
6. Valutazzjoni Tal-Kompatibbiltà Tal-Għajnuna Mill-Istat Taħt L-Artikolu 59(2) Tal-Ftehim Taż-ŻEE
(35) |
Skont l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE "kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun soġġetta għar-regoli ta' dan il-Ftheim, partikolarment dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma jridx jintlaqat sa ċertu punt li jmur kontra l-interessi tal-Partijiet Kontraenti." |
(36) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet konsistentement li l-Artikolu 106 tat-TFUE (dak li kien l-Artikolu 86 tat-Trattat tal-KE), jikkorrispondi mal-Artikolu 59 tal-Ftehim taż-ŻEE, jipprovdi għal deroga u għaldaqstant irid jiġi interpretat restrittivament. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li sabiex miżura tibbenefika minn tali deroga, huwa importanti li jintlaħqu l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(37) |
Fil-każ speċifiku tax-xandir pubbliku l-approċċ msemmi hawn fuq irid ikun adattat fid-dawl tar-Riżoluzzjoni li tikkonċerna xandir ta' servizz pubbliku, li jirreferi għall-"mandat tas-servizz pubbliku kif mogħti, definit u organizzat minn kull Stat Membru" (definizzjoni u fiduċja) u jipprovdi għal deroga mir-regoli tat-Trattat fil-każ ta’ finanzjament tax-xandir ta' servizz pubbliku "safejn u sakemm finanzjament bħal dan jingħata lill-organizzazzjonijiet ta’ xandir għat-twettiq tal-mandat ta' servizz pubbliku (…) u (…) ma jaffettwawx kondizzjonijiet ta’ kummerċ u kompetizzjoni fil-Komunità sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li r-realizzazzjoni tal-mandat ta’ dak is-servizz pubbliku għandha tiġi kkunsidrata" (proporzjonalità). |
(38) |
Huwa f'idejn l-Awtorità li tivvaluta, abbażi l-evidenza pprovduta mill-Istati tal-EFTA, jekk dawn il-kriterji ġewx issodisfati. Fir-rigward tad-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku, ir-rwol tal-Awtorità huwa li tivverifika għal żbalji ovvji (ara t-taqsima 6.1). L-Awtorità tivverifika ulterjorment jekk ikunx hemm mandat espliċitu u sorveljanza effettiva tat-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku (ara t-taqsima 6.2). |
(39) |
Meta tagħmel il-prova tal-proporzjonalità, l-Awtorità tikkunsidra jekk kwalunkwe distorsjoni fil-kompetizzjoni li tirriżulta mill-kumpens għas-servizz pubbliku tistax tiġi ġġustifikata jew le f’termini ta' ħtieġa li jitwettaq servizz pubbliku u li jkun hemm lok għall-finanzjament tiegħu. L-Awtorità tivvaluta, partikolarment abbażi tal-provi li l-Istati tal-EFTA marbutin li jressqu dwar jekk hemmx garanziji biżżejjed biex jiġu evitati effetti sproporzjonati ta' finanzjament pubblku, kumpens żejjed u s-sussidju trasversali, u biex tiżgura li x-xandara tas-servizz pubbliku jirrispettaw il-kundizzjonijiet tas-suq fl-attivitajiet kummerċjali tagħhom (ara t-taqsimiet 6.3 u ta' wara). |
(40) |
L-analiżi tal-effetti tal-konformità mar-rekwiżit tal-għajnuna mill-Istat għandha tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull sistema nazzjonali. L-Awtorità hija konxja mid-differenzi fis-sistemi tax-xandir nazzjonali minn karatteristiċi oħra tas-swieq tal-midja tal-Istati tal-EFTA. Għaldqastant, il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għax-xandara tas-servizz pubbliku taħt l-Artikolu 59(2) issir fuq bażi ta’ każ b’każ, skont il-prattika tal-Kummissjoni u tal-Awtorità (36), b’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fit-taqsimiet li ġejjin. |
(41) |
L-Awtorità se tikkunsidra wkoll id-diffikultà li xi Stati tal-EFTA jista' jkollhom biex jiġbru l-fondi meħtieġa, jekk l-ispejjeż għal kull abitant tas-servizz pubbliku jkunu, ceteris paribus, ogħla (37) filwaqt li tikkunsidra wkoll id-dubji potenzjali ta' midja oħrajn f'dawn l-Istati tal-EFTA. |
(42) |
Kif turi l-prattika tal-Kummissjoni u tal-Awtorità, miżura li ma tissodisfax il-kriterji tal-Altmark kollha, xorta se tiġi analizzata skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE, rispettivament l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE (38). |
6.1. Id-definizzjoni ta’ mandat tas-servizz pubbliku
(43) |
Sabiex tiġi sodisfatta l-kondizzjoni msemmija fil-punt 36(i) ta' hawn fuq għall-applikazzjoni tal-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita definizzjoni uffiċjali tal-mandat tas-servizz pubbliku. Huwa biss f'dan l-istadju li l-Awtorità tkun tista’ tivvaluta b’ċertezza legali suffiċjenti jekk id-deroga taħt l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE tapplikax jew le. |
(44) |
Id-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku taqa’ fi ħdan il-kompetenza tal-Istati tal-EFTA, li jistgħu jiddeċiedu f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, skont l-ordni legali nazzjonali tagħhom. B’mod ġenerali, fl-eserċizzju ta’ dik il-kompetenza, għandu jiġi kkunsidrat il-kunċett tas-"servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali" (minn hawn ’il quddiem msejjaħ SIEĠ". |
(45) |
Id-definizzjoni tal-mandat ta' servizz pubbliku mill-Istati tal-EFTA għandha tkun preċiża kemm jista’ jkun. M’għandha tħalli l-ebda dubju dwar jekk ċerta attività mwettqa mill-operatur fdat hix intiża mill-Istat tal-EFTA biex tiġi inkluża fil-mandat tas-servizz pubbliku jew le. Mingħajr definizzjoni ċara u preċiża tal-obbligi imposti fuq ix-xandar tas-servizz pubbliku, l-Awtorità ma tkunx tista’ twettaq il-kompiti tagħha taħt l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE u, għaldaqstant, ma tkun tista’ tagħti l-ebda eżenzjoni taħt dik id-dispożizzjoni. |
(46) |
L-identifikazzjoni ċara tal-attivitajiet koperti mill-mandat tas-servizz pubbliku hija importanti wkoll għall-operaturi tas-servizz privat, sabiex dawn ikunu jistgħu jippjanaw l-attivitajiet tagħhom. Barra minn hekk, it-termini tal-mandat tas-servizz pubbliku għandhom ikunu preċiżi biżżejjed, sabiex l-awtoritajiet tal-Istati tal-EFTA jkunu jistgħu jissorveljaw il-konformità b’mod effettiv, kif deskritt fit-taqsima li ġejja. |
(47) |
Fl-istess ħin, minħabba n-natura speċifika tas-settur tax-xandir, u l-ħtieġa tas-salvagwardja tal-indipendenza editorjali tax-xandara tas-servizz pubbliku, normalment tiġi kkunsidrata definizzjoni kwalitattiva li tafda lil xandar partikolari l-obbligu li jipprovdi firxa wiesgħa ta’ programmar u offerta ta’ xandir ibbilanċjata u varjata bħala leġittima taħt l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE (39). Ġeneralment tali definizzjoni tiġi kkunsidrata bħala konsistenti mal-għan li jkunu ssodisfati l-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ soċjetà partikolari u li jiġi garantit il-pluraliżmu, inkluża d-diversità kulturali u lingwistika. Kif espress mill-Qorti Ġenerali, il-leġittimità ta' mandati tax-xandir pubbliku b'definizzjoni daqshekk wiesgħa tistrieħ fuq ir-rekwiżiti kwalitattivi għas-servizzi pprovduti mix-xandar tas-servizz pubbliku (40). Id-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku jista' jirrefletti wkoll l-iżvilupp u diversifikazzjoni ta' attivijtaiet fl-era diġitali u tinkludi servizzi awdjoviżivi li jkunu fuq pjattaformi kollha ta' distribuzzjoni. |
(48) |
Rigward id-definizzjoni tas-servizz pubbliku fis-settur tax-xandir, ir-rwol tal-Awtorità huwa limitat biex jiġu vverifikati żbalji evidenti. Mhuwiex fil-kompetenza tal-Awtorità li tiddeċiedi liema programmi għandhom jiġu pprovduti u ffinanzjati bħala servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, lanqas li tressaq dubji dwar il-kwalità ta' prodott partikolari. Id-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku, madankollu, tkun fi żball evidenti jekk tinkludi attivitajiet li ma setgħux b’mod raġonevoli jiġu kkunsidrati li jissodisfaw il-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà. Dik normalment tkun il-pożizzjoni fil-każ ta’ reklamar, kummerċ elettroniku, teleshopping, l-użu ta' numri ta' rata premium f'logħob bi premju (41), sponsorizzazzjoni jew promozzjoni, pereżempju. Barra min hekk, żball ċar jista' jseħħ fil-każ li l-għajnuna mill-Istat tintuża għall-iffinanzjar ta' attivitajiet li ma jkunux ta' valur miżjud f'termini tas-servizz għall-ħtiġijiet soċjali, demokratiċi u kulturali tas-soċjetà. |
(49) |
F’dan il-kuntest, ta’ min ifakkar li l-mandat tas-servizz pubbliku jiddeskrivi s-servizzi offruti lill-pubbliku fl-interess ġenerali. Il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku m’għandhiex tiġi konfuża ma’ dik tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament magħżul biex jipprovdi dawn is-servizzi. Għalhekk, waqt li x-xandara tas-servizz pubbliku jistgħu jwettqu attivitajiet kummerċjali bħall-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar sabiex ikollhom dħul, attivitajiet bħal dawn normalment ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala parti mill-mandat tas-servizz pubbliku (42). |
6.2. Il-fiduċja u s-sorveljanza
(50) |
Biex jibbenefika mill-eżenzjoni taħt l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE, il-mandat tas-servizz pubbliku għandu jiġi fdat lil impriża waħda jew aktar permezz ta’ att uffiċjali (pereżempju, b’liġi, kuntratt jew termini ta’ referenza vinkolanti). |
(51) |
L-att(i) ta’ fiduċja għand/u/hom jispeċifika(w) (i)n-natura preċiża tal-obbligi tas-servizz pubbliku skont it-taqsima 6.1 aktar ’il fuq, u għand/u/hom jistabbilixxi/u l-kundizzjonijiet għall-kumpens, kif ukoll l-arranġamenti sabiex jiġu evitat u jitħallas lura kwalunkwe kumpens żejjed. |
(52) |
Kull meta l-ambitu tal-mandat tas-servizz pubbliku jiġi estiż biex ikopri servizzi ġodda, l-att(i) tad-definizzjoni u tal-fiduċja għandu jiġi mmodifikat kif jixraq, fil-limiti tal-Artikolu 59(2) tal-Ftheim taż-ŻEE. Fl-interess li x-xandara tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr għall-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, l-Istati tal-EFTA jistgħu jipprevedu wkoll li l-fiduċja għal servizz ġdid tingħata wara li tkun saret il-valutazzjoni deskritta fit-taqsima 6.7 aktar ’l isfel, qabel ma l-att ta’ fiduċja oriġinali jiġi kkonsolidat formalment. |
(53) |
Madankollu, m’huwiex biżżejjed li x-xandar tas-servizz pubbliku ikun fdat formalment bil-forniment tas-servizz pubbliku ddefinit sew. Huwa importanti wkoll li s-servizz pubbliku jiġi pprovdut kif jixraq, kif previst fil-ftehim formali bejn l-Istat u l-impriża fdata. Għalhekk, huwa mixtieq li jkun hemm awtorità xierqa jew entità maħtura biex tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dan b’mod trasparenti u effettiv. Il-ħtieġa għal tali awtorità jew korp li jkun responsabbli għas-sorveljanza hija evidenti fejn jirrigwarda l-istandards tal-kwalità imposti fuq l-operatur fdat. Mhux f'idejn l-Awtorità biex tiddeċiedi dwar it-twettiq tal-istandards ta' kwalità: din għandha tkun f’pożizzjoni li tista’ tistrieħ fuq is-superviżjoni xierqa mill-Istati tal-EFTA dwar il-konformità tax-xandar mal-mandat tas-servizz pubbliku inklużi l-istandards kwalitattivi stabbiliti f'dak il-mandat (43). |
(54) |
Huwa fil-kompetenza tal-Istat tal-EFTA li jagħżel il-mekkaniżmu biex jiżgura s-sorveljanza effettiva tal-issodisfar tal-obbligi tas-servizzi pubbliku, u b'hekk tippermetti lill-Awtorità li twettaq il-ħidmiet tagħha taħt l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim tal-EFTA. Din is-sorveljanza tkun effettiva biss jekk issir minn entità li tkun tassew indipendenti mill-ġestjoni tax-xandar tas-servizz pubbliku, li jkollu s-setgħat u r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq sorveljanza regolari, u li twassal għall-impożizzjoni ta' rimedji xierqa safejn meħtieġ biex jiżgura l-konformità mal-obbligi tas-servizz pubbliku. |
(55) |
Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet suffiċjenti u kredibbli li s-servizz pubbliku huwa fil-fatt ipprovdut skont il-mandat, l-Awtorità ma tkunx tista’ twettaq il-kompiti tagħha taħt l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim tal-EFTA, u għalhekk ma tkun tista’ tagħti l-ebda eżenzjoni taħt dik id-dispożizzjoni. |
6.3. L-għażla ta' finanzjament għal xandara tas-servizz pubbliku
(56) |
L-obbligi tas-servizz pubbliku jistgħu jkunu jew kwantitattivi jew kwalitattivi jew inkella t-tnejn li huma. Minkejja l-forma tagħhom, dawn jistgħu jiġġustifikaw il-kumpens, sakemm dawn jinkludu spejjeż supplementari li normalment ix-xandar ma kienx ġarrab. |
(57) |
L-iskemi ta’ finanzjament jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji wiesgħa: "finanzjament-uniku" u "finanzjament-doppju". Il-kategorija "finanzjament-uniku" tkopri dawk is-sistemi li fihom ix-xandir ta' servizz pubbliku huwa finanzjat biss permezz ta’ fondi pubbliċi, ikunu f’liema forma jkunu. Is-sistemi ta’ "finanzjament doppju" jinkludu varjetà wiesgħa ta’ skemi, fejn ix-xandir ta' servizz pubbliku jkun iffinanzjat b’kombinazzjonijiet differenti ta’ fondi mill-Istat u dħul minn attivitajiet kummerċjali jew servizz pubbliku, bħall-bejgħ ta’ spazju ta' reklamar jew programmi u l-offerta tas-servizzi bi ħlas. |
(58) |
Kif iddikjarat fir-Riżoluzzjoni rigward ix-xandir ta' servizz pubbliku: "Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandhom ikunu mingħajr ħsara għall-kompetenza tal-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament ta’ xandir ta' servizz pubbliku (…)". Għalhekk, fil-prinċipju l-Awtortià m’għandha l-ebda oġġezzjoni biex tagħżel skema ta’ finanzjament doppju aktar milli l-iskema ta’ finanzjament uniku. |
(59) |
Filwaqt li l-Istati tal-EFTA huma ħielsa li jagħżlu l-mezzi ta' finanzjament għax-xandir ta' servizz pubbliku, l-Awtorità għandha tivverifika, taħt l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE, li l-finanzjament mill-Istat ma jolqotx lill-kompetizzjoni fiż-ŻEE b'mod sproporzjonat, kif imsemmi fil-paragrafu 37 hawn fuq. |
6.4. Ħtiġijiet ta’ trasparenza għall-istima tal-għajnuna mill-Istat
(60) |
Il-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mill-Awtorità teħtieġ definizzjoni ċara u preċiża tal-mandat tas-servizz pubbliku kif ukoll separazzjoni ċara u xierqa bejn l-attivitajiet tas-servizz pubbliku u l-attivitajiet li mhumiex tas-servizz pubbliku inkluż separazzjoni ċara tal-kontijiet. |
(61) |
Is-separazzjoni tal-kontijiet bejn l-attivitajiet tas-servizz pubbliku u tal-attivitajiet li mhumiex tas-servizz pubbliku normalment tkun diġà meħtieġa f’livell nazzjonali billi huwa essenzjali li tiġi żgurata t-trasparenza u l-kontabbiltà meta jintużaw il-fondi pubbliċi. Separazzjoni tal-kontijiet tipprovdi għodda għall-analiżi tal-allegat sussidju transversali u biex tiddefendi l-ħlasijiet ta’ kumpens ġustifikati għal kompiti ta’ interess ekonomiku ġenerali. Fuq il-bażi biss tal-allokazzjoni xierqa tal-ispejjeż u d-dħul jista’ jiġi stabbilit jekk il-finanzjament pubbliku jkunx fil-fatt limitat għall-ispejjeż netti tal-mandat tas-servizz pubbliku, biex b’hekk ikun aċċettabbli taħt l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim tal-EFTA. |
(62) |
L-Istati Membri huma marbuta mid-Direttiva 2006/111/KE (id-Direttiva dwar it-Trasparenza) li jieħdu miżuri ta’ trasparenza f’każ ta’ kwalunkwe impriża li tkun ingħatat drittijiet speċjali jew esklużivi jew li tkun ġiet fdata bl-operat tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u li tkun qed tirċievi kumpens għas-servizz pubbliku fi kwalunkwe forma għal dan is-servizz u tkun qed twettaq attivitajiet oħra, jiġifieri, attivitajiet mhux tas-servizz pubbliku. Dawn ir-rekwiżiti ta’ trasparenza huma: (a) il-kontijiet interni li jikkorrispondu għal attivitajiet differenti, jiġifieri attivitajiet ta' servizz pubbliku u mhux ta' servizz pubbliku, għandhom ikunu separati; (b) l-ispejjeż kollha u d-dħul għandhom ikunu assenjati jew allokati tajjeb abbażi ta' prinċipji ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż applikati b’mod konsistenti u ġġustifikati b’mod oġġettiv; u (c) il-prinċipji tal-kontabbiltà tal-ispejjeż, skont liema iridu jinżammu kontijiet separati, għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar (44). |
(63) |
Dawn ir-rekwiżiti ta’ trasparenza ġenerali japplikaw ukoll għax-xandara, sakemm dawn ikunu fdati bl-operat tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, jirċievu kumpens pubbliku għal dan is-servizz, u jwettqu wkoll attivitajiet oħra li mhumiex tas-servizz pubbliku. |
(64) |
Fis-settur tax-xandir, is-separazzjoni tal-kontijiet ma toħloq l-ebda problema partikolari fejn jikkonċerna d-dħul. Għal din ir-raġuni, l-Awtorità tikkunsidra li, fejn jikkonċerna d-dħul, l-operaturi tax-xandir għandhom jagħtu deskrizzjoni dettaljata tas-sorsi u tal-ammont ta’ dħul kollu akkumulat mit-twettiq ta’ attivitajiet tas-servizz pubbliku u mhux tas-servizz pubbliku. |
(65) |
Rigward l-ispejjeż, dawk kollha li jkunu saru fl-operat tas-servizz pubbliku jistgħu jiġu kkunsidrati. Fejn l-impriża twettaq attivitajiet li jaqgħu barra mill-ambitu tas-servizz pubbliku, dawk l-ispejjeż biss li jkunu assoċjati mas-servizz pubbliku għandhom jiġu kkunsidrati. L-Awtorità tagħraf li, fis-settur tax-xandir pubbliku, is-separazzjoni tal-kontijiet tista’ tkun ferm aktar diffiċli fil-parti tal-ispejjeż. Dan għaliex, partikolarment fil-qasam tax-xandir tradizzjonali, l-Istati tal-EFTA jistgħu jikkunsidraw l-ipprogrammar sħiħ ta’ xandar kopert mill-mandat tas-servizz pubbliku, waqt li fl-istess ħin jippermettu l-isfruttament kummerċjali tiegħu. Fi kliem ieħor, l-attivitajiet tas-servizz pubbliku u l-attivitajiet li mhumiex tas-servizz pubbliku jistgħu ġeneralment jikkondividu l-istess inputs, filwaqt li l-ispejjeż mhux dejjem jistgħu jkunu separati b’mod proporzjonat. |
(66) |
L-ispejjeż speċifiċi għall-attivitajiet mhux tas-servizz pubbliku (eżempju: l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni tar-reklamar) għandhom dejjem ikunu identifikati b’mod ċar u jitniżżlu b’mod separat. Barra minn hekk, l-ispejjeż tal-produzzjoni intiżi biex simultanjament iservu għall-iżvilupp ta’ attivitajiet fil-qasam tas-servizzi pubbliċi u mhux pubbliċi għandhom ikunu allokati b’mod proporzjonali għall-attivitajiet tas-servizz pubbliku u mhux tas-servizz pubbliku rispettivament, u b'mod sinjifikanti kull fejn ikun possibbli. |
(67) |
F’każijiet oħrajn, kull meta l-istess riżorsi jintużaw għat-twettiq tal-ħidmiet tas-servizz pubbliku u mhux tas-servizz pubbliku, l-ispejjeż komuni ta' kontribuzzjoni għandhom jiġu allokati abbażi tad-differenza fl-ispejjeż totali tad-ditta kummerċjali u mingħajr attivitajiet mhux tas-servizzi pubbliku (45). F’każijiet bħal dawn, l-ispejjeż li jiġu attribwiti kompletament għall-attivitajiet tas-servizz pubbliku, filwaqt li jkunu qed jibbenefikaw ukoll attivitajiet li mhux tas-servizz pubbliku, m’hemmx għalfejn jiġu maqsuma bejn it-tnejn u allura jistgħu jiġu allokati kompletament għall-attività tas-servizz pubbliku. Din id-differenza għall-metodu li jiġi ġeneralment segwit f’setturi oħra ta’ utilitajiet hija spjegata bl-ispeċifiċitajiet tas-settur tax-xandir pubbliku. Fil-qasam tax-xandir pubbliku, il-benefiċċji netti tal-attivitajiet kummerċjali relatati mal-attivitajiet ta' servizz pubbliku għandhom ikunu kkunsidrati sabiex jiġu kkalkulati l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku, u għalhekk biex jitnaqqas il-livell ta’ kumpens għas-servizz pubbliku. Dan inaqqas ir-riskju ta’ sussidju trasversali permezz ta’ spejjeż komuni taż-żamma tal-kotba għal attivitajiet tas-servizz pubbliku. |
(68) |
L-eżempju prinċipali għas-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu ta’ qabel hija l-ispiża tal-produzzjoni ta’ programmi fil-qafas tal-missjoni tas-servizz pubbliku tax-xandar. Dawn il-programmi jservu kemm biex jiġi ssodisfat il-mandat tas-servizz pubbliku kif ukoll biex jiġġeneraw udjenza għall-bejgħ ta’ spazju għar-reklamar. Madankollu, kważi huwa impossibbli li tikkwantifika bi grad suffiċjenti ta’ preċiżjoni kemm in-numru ta’ telespettaturi li jsegwu l-programm fil-fatt jissodisfa l-mandat tas-servizz pubbliku u kemm dan qed jiġġenera dħul mir-reklamar. Għal din ir-raġuni, id-distribuzzjoni tal-ispejjeż tal-ipprogrammar bejn iż-żewġ attivitajiet hemm ċans li tkun arbitrarja aktar milli waħda sinifikattiva. |
(69) |
L-Awtorità tikkunsidra li t-trasparenza finanzjarja tista’ tissaħħaħ aktar b’separazzjoni xierqa bejn l-attivitajiet tas-servizz pubbliku u l-attivitajiet mhux tas-servizz pubbliku fil-livell tal-organizzazzjoni tax-xandar tas-servizz pubbliku. Separazzjoni funzjonali jew strutturali normalment tagħmilha eħfef biex sa mill-bidu nett ikun evitat is-sussidju trasversali ta’ attivitajiet kummerċjali kif ukoll biex ikunu żgurati l-prezzijiet tat-trasferiment u l-konformità mal-prinċipju ta’ distakkament. Għalhekk, l-Awtorità qed tistieden lill-Istati tal-EFTA biex jikkunsidraw is-separazzjoni funzjonali jew strutturali ta' attivitajiet kummerċjali sinjifikanti u separati, bħala forma tal-aħjar prattika. |
6.5. Il-Prinċipju tal-kost nett u tal-kumpens żejjed
(70) |
Bħala kwistjoni ta' prinċipju, billi l-kumpens żejjed mhuwiex meħtieġ għall-operat tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, dan jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli li trid titħallas lura lill-Istat suġġett għall-kjarifiki pprovduti f'din it-taqsima fir-rigwad tax-xandir ta' servizz pubbliku. |
(71) |
L-Awtorità tibda mill-konsiderazzjoni li l-finanzjament mill-Istat normalment ikun meħtieġ biex l-impriża tkun tista’ twettaq il-kompiti tas-servizz pubbliku tagħha. Madankollu, biex tiġi ssodisfata l-prova tal-proporzjonalità, bħala regola ġenerali huwa meħtieġ li l-ammont ta’ kumpens pubbliku ma jkunx iżjed mill-ispejjeż netti tal-missjoni tas-servizz pubbliku, billi tikkunsidra wkoll dħul dirett jew indirett ieħor li jirriżulta mill-missjoni tas-servizz pubbliku. Għal din ir-raġuni, se jiġi kkunsidrat il-benefiċċju nett tal-attivitajiet kummerċjali kollha relatati mal-attività tas-servizz pubbliku biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku. |
(72) |
L-impriżi li jirċievu kumpens għat-twettiq ta’ kompitu tas-servizz pubbliku jistgħu, b’mod ġenerali, jagħmlu qligħ raġonevoli. Dan il-qligħ jikkonsisti minn rata ta’ dħul fuq il-kapital tagħhom stess fejn jiġi kkunsidrat ir-riskju, jew in-nuqqas ta’ riskju, li tkun ħadet dik l-impriża. Fis-settur tax-xandir, il-missjoni tas-servizz pubbliku ħafna drabi titwettaq minn xandara li ma jkunux orjentati lejn il-qligħ jew li ma jkollhomx għalfejn iħallsu lura l-kapital investit u ma jkunu jwettqu l-ebda attività oħra ħlief il-forniment tas-servizz pubbliku. L-Awtorità tikkunsidra li f’dawn is-sitwazzjonijiet, mhuwiex raġonevoli li jiġi inkluż element ta’ profitt fl-ammont ta’ kumpens biex tiġi ssodisfata l-missjoni tas-servizz pubbliku (46). Madankollu, f’każijiet oħra, pereżempju meta obbligi speċifiċi tas-servizz pubbliku jiġu fdati lil impriżi kummerċjali li jridu jħallsu lura l-kapital investit fihom, element ta’ profitt li jirrappreżenta r-remunerazzjoni ġusta tal-kapital, meta jiġi kkunsidrat ir-riskju, jista’ jiġi kkunsidrat bħala wieħed raġonevoli, jekk dan ikun iġġustifikat kif xieraq u sakemm ikun meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-obbligi tas-servizz pubbliku. |
(73) |
Ix-xandara tas-servizz pubbliku jistgħu jżommu kumpens żejjed annwali li jaqbeż il-kost nett tas-servizz pubbliku (bħala "riżervi tas-servizz pubbliku") safejn dan ikun neċessarju għall-iżgurar tal-finanzjament tal-obbligi tas-servizz pubbliku. B'mod ġenerali, l-Awtorità tikkunsidra li ammont sa 10 % tal-ispejjeż annwali stmati tal-missjoni tas-servizz pubbliku jista' jiġi kkunsidrat neċessarju biex ipatti għall-flutwazzjonijiet fl-ispejjeż u d-dħul. Bħala regola, il-kumpens żejjed aktar mil-limitu għandu jintradd lura mingħajr dewmien żejjed. |
(74) |
Bħala eċċezzjoni, ix-xandara tas-servizz pubbliku jistgħu jżommu ammont żejjed li jaqbeż l-10 % tal-ispejjeż annwali stmati tal-missjoni tas-servizz pubbliku tagħhom f’każijiet b'ġustifikazzjoni xierqa. Dan huwa aċċettabbli biss sakemm dan il-kumpens żejjed jiġi allokat speċifikament bil-quddiem u b'mod vinkolanti għal spiża maġġuri u mhux rikorrenti neċessarja għall-issodisfar tal-missjoni tas-servizzi pubbliku (47). L-użu ta' tali kumpens żejjed allokat b'mod speċifiku għandu jkun ukoll fuq żmien limitat b'mod ċar skont l-allokazzjoni tiegħu. |
(75) |
Sabiex l-Awtorità tkun tista' teżerċita l-kompiti tagħha, l-Istati tal-EFTA għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet preċiżi li taħthom il-kumpens żejjed ikun jista' jintuża mix-xandara tas-servizz pubbliku. |
(76) |
Il-kumpens żejjed imsemmi aktar ’il fuq għandu jintuża biss għall-finanzjament ta' attivitajiet tas-servizz pubbliku. Is-sussidju transversali ta' attivitajiet kummerċjali mhuwiex iġġustifikat u jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli. |
6.6. Mekkaniżmi ta' kontroll finanzjarju
(77) |
L-Istati tal-EFTA għandhom jipprovdu għal mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw li ma jingħata l-ebda kumpens żejjed, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 72 sa 76 ta hawn fuq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw kontroll regolari u effettiv għall-użu tal-finanzjament pubbliku, biex jevitaw kumpens żejjed u sussidju transversali, kif ukoll biex jiflu bir-reqqa l-livell u l-użu "tar-riżervi tas-servizz pubbliku". Huwa fil-kompetenza tal-Istati tal-EFTA li jagħżlu l-aktar mekkaniżmi ta’ kontroll xierqa u effettivi fis-sistemi tax-xandir nazzjonali tagħhom, filwaqt li jiżguraw ukoll il-koerenza mal-mekkaniżmi eżistenti ta’ superviżjoni biex jiġi ssodisfat il-mandat tas-servizz pubbliku. |
(78) |
Dawn il-mekkaniżmi ta’ kontroll ikunu effettivi biss jekk jitwettqu minn korp estern li jkun indipendenti mix-xandar tas-servizz pubbliku f’intervalli regolari, preferibbilment fuq bażi annwali. L-Istati tal-EFTA għandhom jiżguraw li jkunu jistgħu jiddaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi għall-irkupru ta' kumpens żejjed li jmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tat-taqsima 6.5 preċedenti u sussidju transverali. |
(79) |
Is-sitwazzjoni finanzjarja tax-xandara tas-servizz pubbliku għandha tkun soġġetta għal reviżjoni dettaljata fi tmiem kull perjodu ta’ finanzjament kif previst fis-sistemi nazzjonali tax-xandir tal-Istati tal-EFTA, jew fin-nuqqas ta' dan, perjodu li normalment m’għandux jaqbeż l-erba’ snin. Kwalunkwe "riżervi tas-servizz pubbliku" eżistenti fi tmiem il-perjodu ta’ finanzjament, jew fi tmien perjodu ekwivalenti kif previst aktar 'il fuq, għandhom jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-ħtiġijiet finanzjarji tax-xandar pubbliku għall-perjodu li jmiss. Fil-każ ta’ "riżervi tas-servizz pubbliku" li jaqbżu l-10 % tal-ispejjeż annwali tas-servizz pubbliku fuq bażi rikorrenti, l-Istati Membri għandhom jiċċekkjaw jekk il-livell ta' finanzjament hux aġġustat għall-ħtiġijiet finanzjarji fattwali tax-xandara tas-servizz pubbliku. |
6.7. Id-diversifikazzjoni tax-xandir pubbliku
(80) |
F'dawn l-aħħar snin, is-swieq awdjoviżivi għaddew minn tibdil importanti, li wasslu għall-iżvilupp u d-diversifikazzjoni kontinwi tas-servizz tax-xandir. Dan qajjem dubji ġodda dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-servizzi tal-midja awdjoviżivi li jmorru lil hinn minn attivitajiet tax-xandir fit-tifsira tradizzjonali tagħhom. |
(81) |
F'dan ir-rigward l-Awtorità tikkunsidra li x-xandara tas-servizz pubbliku għandhom ikunu jistgħu jużaw l-opportunitajiet offruti bid-diġitizzazzjoni u bid-diversifikazzjoni tal-pjattaformi tad-distribuzzjoni fuq bażi ħielsa mit-teknoloġija, għall-ġid tas-soċjetà. Sabiex jiġi garantit ir-rwol fundamentali tax-xandara tas-servizz pubbliku fl-ambjent diġitali ġdid, ix-xandara tas-servizz pubbliku jistgħu jużaw għajnuna mill-Istat biex jipprovdu servizzi fuq pjattaformi ta' distribuzzjoni ġodda, li jaqdu l-pubbliku ġenerali kif ukoll interessi speċjali, dejjem jekk jindirizzaw l-istess ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali tas-soċjetà inkwistjoni, u ma jkunux iħallu effetti sproporzjonati fuq is-suq, li mhumiex meħtieġa għall-issodisfar tal-mandat tas-servizz pubbliku. |
(82) |
F’linja parallela mal-evoluzzjoni mgħaġġla tas-swieq tax-xandir, il-mudelli ta’ negozju tax-xandara wkoll għaddejjin minn bidliet kbar. Biex jissodisfaw il-mandat tas-servizz pubbliku tagħhom, ix-xandara qed jirrikorru dejjem aktar lejn sorsi ġodda ta’ finanzjament, bħar-reklamar onlajn jew il-forniment ta' servizzi bi ħlas (l-hekk imsejħa servizzi bi ħlas, bħall-aċċess għall-arkivji bil-ħlas ta’ miżata, stazzjonijiet tat-televiżjoni ta’ interess speċjali fuq bażi ta’ ħlas skont kemm tara, l-aċċess għal servizzi ċellulari għal ħlas ta’ somma f’daqqa, l-aċċess differit għal programmi tat-televiżjoni bi ħlas, downloads imħallsin ta’ kontenut onlajn, eċċ.). L-element ta’ remunerazzjoni f’servizzi bi ħlas jinkludi, pereżempju, il-ħlas ta’ tariffi għad-distribuzzjoni tan-netwerk jew għad-drittijiet tal-kopja mix-xandara (pereżempju, jekk is-servizzi fuq pjattaformi ċellulari jiġu pprovduti bi ħlas ta’ tariffi għad-distribuzzjoni ċellulari). |
(83) |
Għalkemm tradizzjonalment is-servizzi tax-xandir pubbliku kienu mingħajr ħlas (free-to-air), l-Awtorità tikkunsidra li element ta' remunerazzjoni diretta f'servizzi bħal dawn – filwaqt li tħalli impatt fuq l-aċċess tat-telespettaturi (48) – mhux neċessarjament ifisser li huwa ċar li dawn is-servizzi mhumiex parti mill-mandat tas-servizz pubbliku sakemm l-element ta' ħlas ma jikkompromettix il-karattru separat tas-servizz pubbliku li jservi l-ħtiġijiet soċjali, demokratiċi u kulturali taċ-ċittadini, li hija d-distinzjoni bejn is-servizzi kummerċjali u attivitajiet purament kummerċjali (49). L-element ta' remunerazzjoni huwa wieħed mill-aspetti li jridu jiġu kkunsidrati meta jiġi deċiż l-inklużjoni tas-servizzi bħal dawn fil-mandat tas-servizz pubbliku, peress li jista' jaffettwa l-universalità u t-tfassil ġenerali tas-servizz mogħti kif ukoll l-impatt tiegħu fuq is-suq. Sakemm dawn is-servizzi b’element ta’ ħlas jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi soċjali, demokratiċi u kulturali tas-soċjetà mingħajr ma jwasslu għal effetti sporporzjonati fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ transkonfinali, l-Istati tal-EFTA jistgħu jinkludu wkoll il-possibbiltà li x-xandara tas-servizz pubbliku joffru tali servizzi bi ħlas bħala parti mill-mandat tas-servizz pubbliku tagħhom. |
(84) |
Kif huwa spjegat hawn fuq, l-għajnuna mill-Istat għax-xandara tas-servizz pubbliku tista' tintuża għad-distribuzzjoni tas-servizzi awdjoviżivi fuq il-pjattaformi kollha sakemm jiġu sodisfatti r-rekwiżiti materjali tal-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE. Għal dan il-għan, l-Istati tal-EFTA għandhom jikkunsidraw, permezz ta' proċedura ta' evalwazzjoni minn qabel ibbażata fuq konsultazzjoni pubblika miftuħa, jekk l-għadd sinjifikanti tas-servizzi ġodda tal-midja awdjoviżiva previsti mix-xandara tas-servizz pubbliku jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE, jiġifieri, jekk jaqdux il-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali tas-soċjetà, filwaqt li jagħtu kunsiderazzjoni xierqa għall-effetti potenzjali fuq il-kundizzjonijiet tan-negozju u fuq il-kompetizzjoni. |
(85) |
Huma l-Istati tal-EFTA li jiddeterminaw, waqt li jikkunsidraw l-karatteristiċi u l-evoluzzjoni tas-suq tax-xandir, kif ukoll il-medda tas-servizzi offruti diġà mix-xandar tas-servizz pubbliku, x’għandu jikkwalifika bħala “servizz ġdid sinjifikanti”. In-natura "ġdida" ta' attività tista' tiddependi, fost l-oħrajn, fuq il-kontenut kif ukoll fuq il-modalitajiet tal-konsum (50). Is-"sinjifikat" tas-servizz jista’ jikkunsidra, eżempju, ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-iżvilupp tiegħu u l-impatt mistenni fuq id-domanda. Modifikazzjonijiet sinjifikanti għas-servizzi eżistenti għandhom ikunu soġġetti għall-istess valutazzjoni bħas-servizzi ġodda sinjifikanti. |
(86) |
Huwa fil-kompetenza tal-Istati tal-EFTA li jagħżlu l-aktar mekkaniżmu xieraq biex jiżgura l-konsistenza tas-servizzi awjdoviżivi mal-kundizzjonijiet materjali tal-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE, b'kunsiderazzjoni għall-ispeċifiċitajiet tas-sistemi tax-xandir nazzjonali tagħhom, u l-ħtieġa għas-salvagwardja tal-indipendenza editorjali tax-xandara tas-servizz pubbliku. |
(87) |
Fl-interess tat-trasparenza u tal-kisba tal-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni bilanċjata, il-partijiet interessati għandu jkollhom l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar is-servizz ġdid sinjifikanti previst fil-kuntest ta' konsultazzjoni miftuħa. L-eżitu tal-konsultazzjoni, il-valutazzjoni tagħha kif ukoll ir-raġunijiet għad-deċiżjoni għandhom ikunu disponibbli pubblikament. |
(88) |
Sabiex jiżguraw li l-finanzjament pubbliku tas-servizzi awdjoviżivi sinjifikanti ġodda ma joħloqx distorsjoni tan-negozju u tal-kompetizzjoni b'mod li jmur kontra l-interess komuni, l-Istat tal-EFTA għandu jivvaluta, fuq il-bażi tal-eżitu tal-konsultazzjoni miftuħa, l-impatt globali ta' servizz ġdid fuq is-suq billi jqabbel is-sitwazzjoni fil-preżenza kif ukoll fin-nuqqas tas-servizz il-ġdid li jkun ippjanat. Fil-valutazzjoni tal-impatt fuq is-suq, fost l-aspetti relevanti hemm, pereżempju, l-eżistenza ta' offerti editorjali simili jew sostitwibbli, kompetizzjoni editorjali, l-istruttura tas-suq, il-pożizzjoni fis-suq tax-xandar tas-servizz pubbliku, il-livell ta' kompetizzjoni u l-impatt potenzjali fuq inizjattivi privati. L-impatt jeħtieġ li jiġi bbilanċjat mal-valur tas-servizz inkwistjoni għas-soċjetà. Fil-każ li jippredominaw l-effetti negattivi fuq is-suq, il-finanzjament mill-Istat għal servizzi awdjoviżivi jkun jidher proporzjonali biss jekk ikun iġġustifikat mill-valur miżjud li jservi l-ħtiġijiet soċjali, demokratiċi u kulturali tas-soċjetà (51), anke fid-dawl tal-offerta eiżstenti globali tas-servizz pubbliku. |
(89) |
Tali valutazzjoni tkun oġġettiva biss jekk titwettaq minn entità li tkun tassew indipendenti mill-ġestjoni tax-xandar tas-servizz pubbliku, fir-rigward ukoll tal-ħatra u t-tneħħija tal-membri tagħha, u jkollha l-kapaċità u r-riżorsi suffiċjenti biex teżerċita l-kompiti tagħha. L-Istati tal-EFTA għandhom ikunu f'pożizzjoni li jfasslu proċedura li tkun proporzjonata għad-daqs tas-suq u l-pożizzjoni fis-suq tax-xandar tas-servizz pubbliku. |
(90) |
Il-konsiderazzjonijiet deskritti aktar ’il fuq m’għandhomx iżommu lix-xandara tas-servizz pubbliku milli jippruvaw servizzi ġodda innovattivi (eżempju fil-forma ta’ proġetti pilota) fuq skala limitata (eżempju f’termini ta’ ħin u udjenza) u biex jiġbru l-informazzjoni dwar il-fattibbiltà u l-valur miżjud tas-servizz previst, sakemm din il-fażi ta’ prova ma twassalx għall-introduzzjoni tas-servizz awdjoviżiv sinjifikanti totalment ġdid. |
(91) |
L-Awtorità tikkunsidra li l-valutazzjoni ta' hawn fuq fil-livell nazzjonali li ssemmiet hawn fuq se tikkontribwixxi għall-garanzija tal-konformità mar-regoli taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan kollu mingħajr ħsara għall-kompetenzi tal-Awtorità u l-Kummissjoni li tivverifika jekk l-Istati tal-EFTA jkunux qed iħarsu d-dispożizzjonijiet tal-Ftheim taż-ŻEE, u għad-dritt tagħha li taġixxi wkoll, kull meta jkun meħtieġ, fuq il-bażi ta’ ilmenti jew fuq inizjattiva tagħha stess. |
6.8. Proporzjonalità u l-imġiba tas-suq
(92) |
Skont l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE, ix-xandara tas-servizz pubbliku m'għandhom jidħlu fl-ebda attivitajiet li jirriżultaw f'distorsjonijiet sproporzjonati tal-kompetizzjoni li ma jkunux neċessarji għall-isodisfar tal-missjoni tas-servizz pubbliku. Pereżempju, l-akkwist ta' kontenut premium bħala parti minn missjoni tas-servizz pubbliku globali ta’ xandara tas-servizz pubbliku ġeneralment huwa kkunsidrat bħala leġittimu. Madanakollu, fil-każ li x-xandara tas-servizz pubbliku kellhom iżommu drittijiet premium esklużivi mingħajr ma joffruhom b'subliċenzji b'mod trasparenti u f'waqtu, jinħolqu distorsjonijiet sproporzjonati tas-suq. Għalhekk, l-Awtorità tistieden lill-Istati tal-EFTA biex jiżguraw li x-xandara tas-servizz pubbliku jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità anke fir-rigward tal-akkwist tad-drittijiet premium, u li jipprovdu regoli dwar is-subliċenzjar ta' drittijiet premium esklużivi mix-xandara tas-servizz pubbliku. |
(93) |
Fit-twettiq ta' attivitajiet kummerċjali, ix-xandara tas-servizz pubbliku għandhom ikunu marbuta bil-ħarsien għall-prinċipji tas-suq u, meta jaġixxu permezz ta' sussidjarji kummerċjali, huma għandhom iżommu d-distanza fir-relazzjonijiet tagħhom minn dawn is-sussidjarji. L-Istati tal-EFTA għandhom jiżguraw li x-xandara tas-servizz pubbliku jħarsu l-prinċipju ta’ distakkament fir-relazzjonijiet, l-investimenti kummerċjali tagħhom isiru skont il-prinċipju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq, u ma jinvolvux ruħhom fi prattiki mhux kompetittivi fir-rigward tal-kompetituri tagħhom, fuq il-bażi tal-finanzjament pubbliku tagħhom. |
(94) |
Eżempju ta’ prattika mhux kompetittiva huwa t-traħħis tal-prezz. Xandar tas-servizz pubbliku jista’ jkollu t-tentazzjoni li jraħħas il-prezzijiet tar-reklamar jew ta’ attivitajiet oħra tas-servizz mhux pubbliku (bħal, servizzi kummerċjali bi ħlas) għal livell anqas minn dak li raġonevolment jista' jiġi kkunsidrat bħala konformi mas-suq, biex inaqqas id-dħul tal-kompetituri, sakemm id-dħul iktar baxx li jirriżulta jkun kopert minn kumpens pubbliku. Imġiba bħal din ma tistax tiġi kkunsidrata intrinsika għall-missjoni tas-servizz pubbliku attribwita lix-xandar u f'kull każ se taffetwa l-kondizzjonijiet ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, u għaldaqstant tikser l-Artikolu 59(2) tal-Ftheim taż-ŻEE. |
(95) |
Fid-dawl tad-differenzi bejn is-sitwazzjonijiet tas-suq, ir-rispett tal-prinċipji tas-suq mix-xandara tas-servizz pubbliku, partikolarment dawk il-kwistjonijiet dwar jekk ix-xandara tas-servizz pubbliku humiex qegħdin inaqqsu l-prezzijiet fl-offerta kummerċjali tagħhom, jew jekk humiex jirrispettaw il-prinċipju ta' proporzjonalità fir-rigward tal-akkwist ta' drittijiet premium (52), għandu jkun ivvalutat fuq il-bażi ta' każ b'każ, b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet tas-suq u tas-servizz ikkonċernat. |
(96) |
L-Awtorità tikkunsidra li primarjament, l-iżgurar li x-xandara tas-servizz pubbliku jirrispettaw il-prinċipji tas-suq hija kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali. Għal dan il-għan, l-Istati tal-EFTA għandu jkollhom mekkaniżmi xierqa fis-seħħ li jippermettu l-valutazzjoni effettiva ta' kwalunkwe ilment potenzjali fil-livell nazzjonali. |
(97) |
Minkejja l-paragrafu preċedenti, fejn meħtieġ, l-Awtorità tista' tieħu azzjoni abbażi tal-Artikoli 53, 54, 59 u 61 tal-Ftehim taż-ŻEE. |
7. Applikazzjoni Temporali
(98) |
Dan il-Kapitolu se jiġi applikat mill-ewwel ġurnata tal-adozzjoni tiegħu mill-Awtorità. Se jisosstitwixxi l-Kapitolu preċedenti dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku fil-Linji Gwida tal-Awtorità fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. |
(99) |
Skont il-Kapitolu dwar ir-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta' għajnuna mill-Istat illegali (53), l-Awtorità se tapplika dan li ġej fil-każ ta' għajnuna mhix notifikata:
|
(1) Dan il-Kapitolu jikkorrispondi mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku, ĠU C 257, 27.10.2009, p. 1.
(2) Adottat bid-Deċiżjoni Nru 90/04/COL tat-23 ta’ April 2004 li temenda għas-46 darba r-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat billi tintroduċi Kapitolu ġdid 24C: L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku, ĠU L 327, 13.12.2007, p. 21 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 59, 13.12.2007, p. 1.
(3) Kawża C-280/2000 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH ("Altmark") [2003] Ġabra p.I-7747.
(4) ĠU L 109, 26.4.2007, p. 44 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 20, 26.4.2007, p. 1, hu disponibbli wkoll fil-websajt tal-Awtorità http://www.eftasurv.int/?1=1&showLinkID=16997&1=1.
(5) ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 91/2006, ĠU L 289, 19.10.2006, p. 31 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 19.10.2006, p. 24, li daħlet fis-seħħ fit-8.7.2006.
(7) Id-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27).
(8) COM(2005) 107 finali.
(9) ĠU C 320, 15.11.2001, p. 5. Din il-Komunikazzjoni tikkorrispondi mal-Kapitolu preċedenti dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir ta' servizz pubbliku adottat mill-Awtorità fit-23 ta'April2004, ara n-nota 2 ta' qiegħ il-paġna.
(10) Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, il-kunċett ta' "servizz(i) awdjoviżivi" jirreferi għad-distribuzzjoni lineari u/jew mhux lineari ta' kontentut awdjo u/jew awdjoviżiv u tas-servizzi viċini oħrajn bħal servizzi ta' informazzjoni onlajn ibbażati fuq test. Għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta' "servizz(i) awdjoviżivi" u l-kunċett aktar strett ta' "servizz(i) awdjoviżivi tal-medja", kif definit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2007/65/KE (Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva).
(11) Kawża C-260/89 ERT (1991) Ġabra I-2925.
(12) Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, it-terminu "servizz pubbliku" għandu jiġi kkunsidrat bħala li jirreferi għat-terminu "servizz ta' interess ekonomiku ġenerali" użat fl-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE.
(14) Ir-Riżoluzzjoni rigward xandir ta' servizz pubbliku ġiet inkorporata mal-Ftehim taż-ŻEE bħala Att li l-Partijiet Kontraenti se jikkunsidraw id-Deċiżjoni Nru 118/1999, ĠU L 325, 21.12.2000, p. 33 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 60, 21.12.2000, p. 423 (Islandiż) and p. 424 (Norveġiż), li daħal fis-seħħ fl-1.10.1999.
(15) Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali tal-UNESCO ġiet iffirmata f'Pariġi fl-20.10.2005. Umbagħad ġiet ratifikata min-Norveġja u aċċettata mill-Islanda.
(16) L-Artikoli 6(1) u 6(2)(h) tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali tal-UNESCO.
(17) Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)2 tal-Kumitat tal-Ministri lil Stati Membri dwar il-pluraliżmu tal-midja u d-diversità tal-kontenut tal-midja, adottata fil-31.1.2007 fid-985 laqgħa tad-Deputati tal-Ministri.
(18) Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)3 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-mandat tal-midja tas-servizz pubbliku fis-soċjetà tal-informazzjoni, adottata fil-31.1.2007 fid-985 laqgħa tad-Deputati tal-Ministri.
(19) Eżempju, id-Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 180/09/COL tal-31 ta' Marzu 2009 dwar skemi ta' għajnuna għal produzzjonijiet awdjoviżivi u żvilupp ta' screenplays u miżuri edukattivi, ĠU C 236, 1.10.2009, p. 5 tas-Supplimemt taż-ŻEE Nru 51, 1.10.2009, p. 17. Ara wkoll il-Kapitolu dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar xogħlijiet ċinematografiċi u xogħlijiet awdioviżivi oħra tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat, adottati mid-Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 788/08/COL tas-17 ta' Diċembru 2008 li temenda, għas-67 darba, ir-regoli proċedwali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi temenda l-kapitoli eżistenti dwar rati ta’ referenza u ta’ skont u dwar għajnuna mill-Istat mogħtija fil-forma ta' garanziji u billi tintroduċi kapitolu ġdid dwar l-irkupru ta' għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli, dwar għajnuna mill-Istat dwar xogħlijiet ċinematografiċi u xogħlijiet awdioviżivi oħra u għajnuna mill-Istat għal-impriżi tal-ferrovija, li ma għadhom ma ġewx ippubblikati, disponibbli fil-websajt tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/?1=1&showLinkID=15643&1=1
(20) ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17.
(21) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 55/2007, (ĠU L 266, 11.10.2007, p. 15 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 48, 11.10.2007, p. 12), li daħlet fis-seħħ fid-9.6.2007.
(22) Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2005/842/KE, tapplika għal għajnuna mill-Istat fis-sura ta' "kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil impriżi b'fatturat annwali medju qabel it-taxxa, bl-attivitajiet kollha inklużi, ta' anqas minn EUR 100 miljun matul is-sentejn finanzjarji ta' qabel is-sena fejn ikunu ġie assenjat is-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, li jirċievu kumpens annwali għas-servizz ikkonċernat ta' anqas minn EUR 30 miljun".
(23) Kawżi konġunti T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04 TV2/Danimarka vs il-Kummissjoni (TV2) (2008) Ġabra II-2935, paragrafu 156.
(24) Rigward il-kwalifika ta' finanzjament ta' ħlas ta' liċenzja bħala riżorsi mill-Istat, ara s-sentenza TV2, imsemmija hawn fuq, paragrafi 158-159.
(25) Il-Kawżi C-730/79, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni [1980] Ġabra 2671, paragrafu 11; C-303/88, L-Italja v Il-Kummissjoni [1991] Ġabra I-1433, paragrafu 27; C-156/98, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-6857, paragrafu 33.
(26) Il-Kawża C-44/93, Namur-Les Assurances du Crédit SA vs Office National du Ducroire u l-Istat Belġjan [1994] Ġabra I-3829.
(27) Ara, pereżemju, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-kawżi li ġejjin: E 8/06, Iffinanzjar mill-Istat għax-xandar tas-servizz pubbliku Fjamming VRT, (ĠU C 143, 10.6.2008, p. 7); E 4/05, Iffinanzjar għall-għajnuna mill-Istat ta' RTE u TNAG (TG4), (ĠU C 121, 17.5.2008, p. 5); E 9/05, Pagamenti tal-ħlas tal-liċenzja lil RAI, (ĠU C 235, 23.9.2005, p. 3); E 10/05, Pagamenti tal-ħlas tal-liċenzja lil Franza 2 u 3, (ĠU C 240, 23.9.2005, p. 3); E 8/06, Xandar tas-servizz pubbliku nazzjonali Spanjol RTVE, (ĠU C 239, 10.6.2008, p. 17); C 2/04, Iffinanzjar speċifiku ta' xandara pubbliċi tal-Pajjiżi l-Baxxi, (ĠU L 49, 22.2.2008, p. 1); C 60/99, Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/838/KE tal-10 ta' Diċembru 2003 dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata minn Franza 2 u 3, (ĠU L 361, 8.12.2004, p. 21); C 62/99, Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/339/KE tal-15 ta' Ottubru 2003 dwar il-miżuri implimentati mill-Italja għal RAI SpA, (ĠU L 119, 23.4.2004, p. 1); NN 88/98, "Finanzjar ta’ stazzjon tal-aħbarijiet li huwa nieqes mir-reklamar 24 siegħa kuljum bi ħlas ta’ liċenza mill-BBC", (ĠU C 78, 18.3.2000, p. 6) u għajnuna NN 70/98, "Għajnuna mill-Istat lill-istazzjonijiet ta’ xandir pubbliku "Kinderkanal u Phoenix"" (ĠU C 238, 21.8.1999, p. 3).
(28) Kawżi konġunti T-195/01 u T-207/01 il-Gvern ta' Ġibilta vs il-Kummissjoni (Ġibilta) [2002] Ġabra II-2309.
(29) Eżempju ara d-Deċiżjoni Nru 32/02/COL tal-20.02.2002, Deċiżjoni Nru 169/02/COL, it-18 ta' Settembru 2002, Deċiżjoni Nru 186/03, id-29 ta' Ottubru 2003, Deċiżjoni Nru 179/05/COL, il-15 ta' Lulju 2005 u Deċiżjoni Nru 342/06/COL, l-14 ta' Novembru 2006. Ara wkoll il-Kapitolu dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar xogħlijiet ċinematografiċi u xogħlijiet awdioviżivi oħra tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat.
(30) Eżempju, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni NN 88/98 BBC 24-hours (ĠU C 78, 18.3.2000, p. 6) u NN 70/98 Kinderkanal u Phoenix, imsemmija hawn fuq.
(31) Eżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 458/2004 Għajnuna mill-Istat lil Espacio Editorial Andaluza Holding sl., (ĠU C 131, 28.5.2005, p. 12).
(32) NN 70/98, Kinderkanal u Phoenix, kif imsemmi hawn fuq.
(33) Kawża 172/80 Zuechner (1981) Ġabra 2021.
(34) Kawża C-242/95 GT-Link (1997) Ġabra 4449.
(35) Kawża C-159/94 EDF u GDF (1997) Ġabra I-5815.
(36) Ara, eżemju, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-kawżi li ġejjin: E 8/06, Iffinanzjar mill-Istat għax-xandar tas-servizz pubbliku Fjamming VRT, (ĠU C 143, 10.6.2008, p. 7); E 4/05, Iffinanzjar għall-għajnuna mill-Istat ta' RTE u TNAG (TG4), (ĠU C 121, 17.5.2008, p. 5); E 3/05, Għajnuna għal xandar tas-servizz pubbliku, (ĠU C 185, 8.8.2007, p. 1); E 9/05, Pagamenti tal-ħlas tal-liċenzja lil RAI, (ĠU C 235, 23.9.2005, p. 3); E 10/05, Pagamenti tal-ħlas tal-liċenzja lil France 2 u France 3, (ĠU C 240, 30.9.2005, p. 20); E 8/05, Xandar tas-servizz pubbliku nazzjonali Spanjol RTVE, (ĠU C 239, 4.10.2006, p. 17); C 2/04, Finanzjament speċifiku ta' xandara tas-servizz pubbliku tal-Pajjiżi l-Baxxi, (ĠU L 49, 22.2.2008, p. 1); Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA Nru 306/09/COL tat-8 ta' Lulju 2009 dwar il-Korporazzjoni tax-Xandir Norveġiża, disponibbli fuq il-websajt tal-Awtorità http://www.eftasurv.int/?1=1&showLinkID=16906&1=1
(37) Xi diffikultajiet simili jinqalgħu wkoll meta x-xandir pubbliku jkun indirizzat għal minoranzi lingwistiċi jew għal ħtiġiet lokali.
(38) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 62/1999, RAI, paragrafu 99 u C 85/2001, RTP, paragrafu 158.
(39) Kawża T-442/03 SIC vs il-Kummissjoni (2008) Ġabra II-1161, paragrafu 201 u sentenza TV2, msemmija hawn fuq, paragrafi 122-124.
(40) Skont il-Qorti Ġenerali dawn il-kriterji kwalitattivi huma "il-ġustifikazzjoni tal-eżistenza ta' SIEĠ tax-xandir fis-settur awdjoviżiv nazzjonali". Ma hemm "l-ebda raġuni għal SIEĠ tax-xandir b’definizzjoni wiesgħa li tissagrifika l-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti kwalitattivi sabiex tadotta l-kondotta ta' operaturi kummerċjali", ara SIC vs il-Kummissjoni, kif imsemmi hawn fuq, il-paragrafu 211.
(41) Rigward il-kwalifika tal-logħob bi premju, inklużi l-użu ta' numri ta' rata premium bħala teleshopping jew reklamar, taħt id-Direttiva 2007/65/KE (id-Direttiva dwar is-Servizzi ral-Midja Awdjoviżivi), ara l-Kawża C-195/06 Österreichischer Rundfunk (ORF) (2007) Ġabra I-8817.
(42) Ara s-sentenza TV2, msemmija hawn fuq, paragrafi 107-108.
(43) Kawża T-289/03 SIC vs il-Kummissjoni, msemmija hawn fuq, paragrafu 212.
(44) L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/111/KE (id-Direttiva dwar it-Trasparenza).
(45) Dan jimplika referenza għas-sitwazzjoni ipotetika fejn l-attivitajiet mhux tas-servizz pubbliku kellhom jitwaqqfu: l-ispejjeż li kellhom jiġu evitati jirrappreżentaw l-ammont ta’ spejjeż komuni li kellhom jiġu allokati għall-attivitajiet mhux tas-servizz pubbliku.
(46) Mingħajr dubju, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lix-xandara pubbliċi milli jagħmlu profitt mill-attivitajiet kummerċjali tagħhom lil hinn mill-mandat tas-servizz pubbliku.
(47) Tali riżervi żejda jistgħu jiġu ġġustifikati għal investimenti teknoloġiċi maġġuri (bħad-diġitizzazzjoni) previsti li jitwettqu f’xi żmien partikolari u li jkunu meħtieġa għas-sodisfazzjon tal-mandat tas-servizz pubbliku; jew għal miżuri ta’ ristrutturar maġġuri meħtieġa biex jinżamm l-operat kontinwu ta’ xandar tas-servizz pubbliku f’perjodu ta’ żmien definit.
(48) Kif stabbilixxa l-Kunsill tal-Ewropa, fir-Rakkomdazzjoni tiegħu dwar il-mandat tal-midja tas-servizz pubbliku fis-soċjetà tal-informazzjoni, “(…) l-Istati Membri jistgħu jikkunisdraw soluzzjonijiet ta' finanzjament kumplimentari bl-attenzjoni dovuta għal kwistjonijiet b'rabta mas-suq u l-kompetizzjoni. Partikolarment, fil-każ tas-servizzi personalizzati ġodda, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jippermettu lill-midja tas-servizz pubbliku biex jiġbru remunerazzjonijiet (…). Madanakollu, l-ebda minn dawn is-soluzzjonijiet ma tista' tipperikola l-prinċipju tal-universalità tal-midja tas-servizz pubbliku jew twassal għal diskriminazzjoni bejn gruppi differenti tas-soċjetà (…) Meta jiżviluppaw sistemi ġodda ta' finanzjament, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kif xieraq in-natura tal-kontenut pprovdut fl-interess tal-pubbliku u fl-interess komuni."
(49) Pereżempju, l-Awtorità tikkunsira li l-fatt li jintalab ħlas dirett mill-utenti għall-għoti ta' offerta kontenut speċjalizzat premium normalment jikkwalifika bħala attività kummerċjali. Min-naħa l-oħra l-Awtorità, pereżempju, tikkunsidra li l-ħlas ta' tariffi ta' trażmissjoni għax-xandir ta' programmi bbilanċjati u varjati fuq pjattaformi ġodda bħal apparat mobbli ma tittrasformax l-offerta f'attività kummerċjali.
(50) Pereżempju, l-Awtorità tikkunsidra li ċerti forom ta' trażmissjoni lineari, bħat-trażmissjoni simultanja tal-aħbarijiet ta' filgħaxija fuq it-TV fuq pjattaformi oħra (eżempju, l-internet, apparat mobbli), jistgħu jikkwalifikaw bħala mhux "ġodda" għall-iskopijiet ta' dan il-Kapitolu. Jekk suriet oħra ta' trażmissjoni mill-ġdid ta' programmi ta' xandara pubbliċi fuq pjattaformi oħrajn japplikawx bħala servizzi sinjifikanti ġodda, għandu jkun deċiż mill-Istati tal-EFTA, b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifitajiet u l-karatteristiċi tas-servizzi inkwistjoni.
(51) Ara n-nota 40 ta' qiegħ il-paġna dwar il-ġustifikazzjoni ta' SIEĠ tax-xandir.
(52) Pereżempju, waħda mill-kwistjonijiet relevanti tista' tkun il-kunsiderazzjoni jekk ix-xandara tas-servizz pubbliku humiex kostantament joffru aktar għal drittijiet ta' pprogrammar premium b'tali mod li jmur lil hinn mill-mandat tas-servizz pubbliku u jirriżulta f'distorsjonijiet sproporzjonati fis-suq.
(53) Adottati bid-Deċiżjoni Nru 154/07/COL tat-3 ta' Mejju 2007 biex jemendaw il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għat-63 darba, biex jiġi aġġornat u inkorporat kapitolu ġdid dwar ir-regoli applikabbli għal għajnuna illegali, (ĠU L 73, 19.3.2009, p. 23 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 15, 19.3.2009, p. 1), disponibbli fil-websajt tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/?1=1&showLinkID=15119&1=1