Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2017/189/14

    Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Il-Każ M.8467 — BNP Paribas/Commerz Finanz) — Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    ĠU C 189, 15.6.2017, p. 50–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.6.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 189/50


    Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

    (Il-Każ M.8467 — BNP Paribas/Commerz Finanz)

    Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2017/C 189/14)

    1.

    Fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża BNP Paribas Personal Finance SA (“BNPP PF”, Franza), sussidjarja kollha kemm hi proprjetà ta’ BNP Paribas SA, takkwista fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll uniku ta’ Commerz Finanz GmbH kollha kemm hi (“CFG”, il-Ġermanja), bħalissa taħt il-kontroll konġunt ta’ BNP PF u Commerz Finanz (“Commerzbank”, il-Ġermanja) permezz ta’ xiri ta’ assi.

    2.

    L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

    —   CFG: bank tal-krediti tal-konsumatur, attwalment proprjetà konġunta ta’ BNP PF u Commerzbank, attiv prinċipalment fil-qasam ta’ self lil individwi fil-Ġermanja. Bħala parti mit-tranżazzjoni prevista, il-kumpanija se tinqasam bejn BNPP PF u Commerzbank permezz ta’ diviżjoni f’żewġ unitajiet kummerċjali separati u indipendenti, jiġifieri n-negozju tal-“Punt tal-Bejgħ tal-Finanzi” u n-negozju tal-“Banking”. In-negozju tal-“Punt tal-Bejgħ tal-Finanzi” għandhom jibqa’ f’idejn CFG (BNPP PF bħala l-azzjonist waħdieni) u se jinkludi l-attivitajiet kollha li għandhom x’jaqsmu mad-distribuzzjoni ta’ prodotti CFG direttament lill-klijenti jew permezz ta’ punt tal-bejgħ (offlajn u onlajn) ta’ bejjiegħ bl-imnut.

    —   BNPP PF: kumpanija tas-servizzi finanzjarji kollha kemm hi proprjetà ta’ BNP Paribas SA, attiva primarjament fil-qasam tal-krediti għall-konsumaturi. BNP Paribas SA hija grupp bankarju dinji attiv fin-negozji bankarji prinċipali kollha: servizzi bankarji għall-pubbliku, ġestjoni u servizzi tal-assi kif ukoll servizzi bankarji korporattivi u għall-investiment;

    3.

    Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f'dan l-Avviż.

    4.

    Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

    Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bir-referenza M.8467 — BNP Paribas/Commerz Finanz, fl-indirizz li ġej:

    European Commission

    Directorate-General for Competition

    Merger Registry

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË


    (1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

    (2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


    Top