Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/211/79

Kawża T-238/07: Rikors ippreżentat fil- 11 ta' Lulju 2007 — Ristic et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 211, 8.9.2007, p. 42–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 211/42


Rikors ippreżentat fil-11 ta' Lulju 2007 — Ristic et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-238/07)

(2007/C 211/79)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ristic AG (Burgthann, il-Ġermanja), Piratic Meeresfrüchte Import GmbH (Burgthann, il-Ġermanja), Prime Catch Seafood GmbH (Burgthann, il-Ġermanja) u Rainbow Export Processing SA (San José, il-Kosta Rika) (rappreżentant: H. Schmidt, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannula d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/362/CE, tas-16 ta' Mejju 2007, skond l-ewwel parargrafu ta' l-Artikolu 231 KE, safejn l-imsemmija deċiżjoni emendat id-Deċiżjoni 2004/432/KE fis-sens li l-Kosta Rika ma baqgħetx imniżżla fl-Anness ta' din ta' l-aħħar, la fl-ewwel kolonna bil-kodiċi ISO-2 tagħha u lanqas fit-tieni kolonna bl-isem tagħha u fis-sens li t-tmien kolonna ma baqgħetx immarkata b' “X” sabiex tindika li, skond id-Deċiżjoni 2004/432, hija awtorizzata l-importazzjoni mill-Kosta Rika lejn l-Unjoni Ewropea ta' annimali u ta' prodotti li joriġinaw minn annimali mkabbra bl-akwakultura;

tikkonstata li l-Komunità Ewropea għandha l-obbligu li tikkumpensa d-dannu li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni kkawżat lir-rikorrenti; tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti qegħdin jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/362 (1) safejn din neħħiet lill-Kosta Rika mil-lista ta' pajjiżi terzi li l-pjanijiet tal-monitoraġġ tar-residwi tagħhom ġew approvati fir-rigward ta' l-annimnali u tal-prodotti li joriġinaw minn annimali mkabbra bl-akwakultura.

Ir-rikorrenti huma impriżi li l-attività tagħhom tikkonsisti b'mod partikolari fl-ipproċessar u l-bejgħ ta' gambli mkabbra bl-akwakultura fil-Kosta Rika u fl-Ekwador.

Huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernhom kemm direttament kif ukoll individwalment fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE.

In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw inter alia li d-deċiżjoni kkontestata hija irregolari minħabba li tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità. Huma jallegaw, barra minn dan, ksur tad-dritt li jinstemgħu kif ukoll abbuż ta' poter min-naħa tal-konvenuta.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/362/KE, tas- 16 ta' Mejju 2007, li temenda d-Deċiżjoni 2004/432/KE dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet tal-monitoraġġ tar-residwi sottomessi minn pajjiżi terzi skond id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) (2088) (ĠU L 138, p. 18).


Top