Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0646

Kawża C-646/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-13 ta’ Ottubru 2022 – Compass Banca SpA vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

ĠU C 24, 23.1.2023, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/28


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-13 ta’ Ottubru 2022 – Compass Banca SpA vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

(Kawża C-646/22)

(2023/C 24/37)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Compass Banca SpA

Konvenut: Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

Domandi preliminari

1)

Il-kunċett ta’ konsumatur medju msemmi fid-Direttiva 2005/29/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), mifhum bħala konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat – fid-dawl tan-natura malleabbli u impreċiża tiegħu – għandu jiġi fformulat b’riferiment għall-aqwa għarfien u esperjenza u konsegwentement ma jirreferix biss għall-kunċett klassiku ta’ homo oeconomicus iżda wkoll għall-kisbiet tal-iktar teoriji reċenti dwar ir-razzjonalità limitata li wrew kif jaġixxu l-individwi fejn ta’ spiss jirriduċu l-informazzjoni neċessarja permezz ta’ deċiżjonijiet “irraġonevoli” jekk jiġu mqabbla ma’ dawk li jittieħdu minn persuna ipotetikament attenta u avżata; liema konstatazzjonijiet jimponu rekwiżit ikbar ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-każ – dejjem iktar komuni fid-dinamiki moderni tas-suq – ta’ periklu ta’ influwenza konjittiva?

2)

Prattika kummerċjali li fiha, minħabba t-tqegħid tal-informazzjoni f’qafas (framing), għażla tista’ tidher mandatorja u mingħajr alternattivi fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29 li tqis bħala qarrieqa prattika kummerċjali li bi kwalunkwe mod tqarraq jew tista’ tqarraq lill-konsumatur medju “anki bil-preżentazzjoni totali tagħha”, tista’ titqies fiha nnifisha bħala aggressiva?

3)

Id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali tiġġustifika s-setgħa tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u tas-suq (ladarba jiġi kkonstatat il-periklu ta’ influwenza psikoloġika marbuta: 1) mal-qagħda ta’ bżonn li fih normalment ikun jinsab min jitlob finanzjament, 2) mal-kumplessità tal-kuntratti sottomessi għall-firma tal-konsumatur, 3) man-natura kuntestwali tal-offerta trażversali, 4) mal-qosor tat-termini mogħtija għas-sottoskrizzjoni tal-offerta), li tipprevedi deroga mill-prinċipju ta’ possibbiltà ta’ bejgħ trażversali ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni u ta’ prodotti finanzjarji mhux konnessi billi timponi perijodu ta’ sebat ijiem bejn l-iffirmar taż-żewġ kuntratti?

4)

B’rabta ma’ tali setgħa ta’ ssanzjonar tal-prattiki kummerċjali aggressivi, id-Direttiva (UE) 2016/97 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 24(3) tagħha, tipprekludi l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni tal-[Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (AGCM)] fuq il-bażi tal-Artikoli 2(d) u (j), 4, 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29 u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implimentazzjoni adottata wara ċ-ċaħda ta’ talba ta’ self b’riżultat tar-rifjut ta’ kumpannija ta’ servizzi ta’ investiment, fil-każ ta’ bejgħ trażversali ta’ prodott finanzjarju u ta’ prodott ta’ assigurazzjoni mhux konness ma’ tal-ewwel – u quddiem riskju, marbut maċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, li jistgħu jinsiltu wkoll mill-kumplessità tad-dokumentazzjoni li għandha tiġi eżaminata, li l-konsumatur jiġi influwenzat – li l-konsumatur jingħata spatium deliberandi ta’ sebat ijiem bejn il-formulazzjoni tal-proposta trażversali u l-iffirmar tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni?

5)

Il-qisien tas-sempliċi għaqda ta’ żewġ prodotti finanzjarji u ta’ assigurazzjoni bħala prattika aggressiva jista’ jirriżulta f’att regolatorju mhux permess u dan jista’ jirriżulta fit-tqegħid fuq il-kummerċjant (u mhux fuq l-AGCM, kif għandu jkun) tal-oneru (li diffiċilment jista’ jiġi mwettaq) li jintwera li ma huwiex każ ta’ prattika aggressiva bi ksur tad-Direttiva 2005/29 (speċjalment ladarba d-direttiva ċċitata ma tippermettix lill-Istati Membri jadottaw miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti minnha, lanqas sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi) jew inkella tali inverżjoni tal-oneru tal-prova ma jissussistix minkejja li, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, jitqies li, quddiem offerta trażversali kumplessa, hemm riskju konkret li l-konsumatur li jeħtieġ li jikseb finanzjament jiġi influwenzat?


(1)  ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86.

(2)  ĠU 2016, L 26, p. 19.


Top