Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0633

Kawża C-633/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fil-11 ta’ Ottubru 2022 – Real Madrid Club de Fútbol, AE vs EE, Société Éditrice du Monde SA

ĠU C 24, 23.1.2023, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/26


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fil-11 ta’ Ottubru 2022 – Real Madrid Club de Fútbol, AE vs EE, Société Éditrice du Monde SA

(Kawża C-633/22)

(2023/C 24/34)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Real Madrid Club de Fútbol, AE

Konvenuti: EE, Société Éditrice du Monde SA

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (1) u l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li kundanna għad-dannu lir-reputazzjoni ta’ klabb sportiv permezz ta’ informazzjoni ppubblikata minn gazzetta tista’ manifestament tippreġudika l-libertà ta’ espressjoni u għalhekk tikkostitwixxi motiv għal rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li n-natura sproporzjonata tal-kundanna tista’ tiġi kkonfermata mill-qorti mitluba biss fil-każ li d-danni jkunu ġew ikklassifikati bħala punittivi jew mill-qorti ta’ oriġini, jew mill-qorti mitluba, u mhux jekk dawn jingħataw għal kumpens għal dannu morali?

3)

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti mitluba tista’ tibbaża ruħha biss fuq l-effett dissważiv tal-kundanna fir-rigward tar-riżorsi tal-persuna kkundannata jew li din il-qorti tista’ tikkunsidra fatturi oħra bħall-gravità tan-nuqqas jew il-portata tad-dannu?

4)

L-effett dissważiv fir-rigward tar-riżorsi tal-gazzetta jista’ fih innifsu jikkostitwixxi motiv għal rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni minħabba ksur manifest tal-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-istampa?

5)

L-effett dissważiv għandu jinftiehem bħala theddida għall-istabbiltà finanzjarja tal-gazzetta jew jista’ jikkonsisti biss effett ta’ intimidazzjoni?

6)

L-effett dissważiv għandu jiġi evalwat bl-istess mod fir-rigward tal-kumpannija editriċi ta’ gazzetta u fir-rigward ta’ ġurnalist, li huwa persuna fiżika?

7)

Is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali tal-istampa bil-miktub hija fatt rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk, lil hinn mill-gazzetta inkwistjoni, il-kundanna jista’ jkollha effett ta’ intimidazzjoni fuq il-midja kollha kemm hi?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.


Top