Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0630

Kawża T-630/21: Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Settembru 2021 – Çolakoğlu Metalurji u Çolakoğlu Dış Ticaret vs Il-Kummissjoni

ĠU C 471, 22.11.2021, p. 60–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 471/60


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Settembru 2021 – Çolakoğlu Metalurji u Çolakoğlu Dış Ticaret vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-630/21)

(2021/C 471/85)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Çolakoğlu Metalurji AŞ (Istanbul, it-Turkija), Çolakoğlu Dış Ticaret AŞ (Istanbul) (rappreżentanti: J. Cornelis u F. Graafsma, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1100 tal-5 ta’ Lulju 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mit-Turkija (ĠU 2021, L 238, p. 32); u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż imġarrba mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) billi sar aġġustament għal kummissjoni (spekulattiva) lill-prezz tal-esportazzjoni u b’mod iktar partikolari,

fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament 2016/1036 sa fejn l-aġġustament li sar bħala kummissjoni jmur lil hinn mill-kummissjoni effettivament imħallsa lil Çolakoğlu Dış Ticaret AŞ;

fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament 2016/1036 inkwantu Çolakoğlu Dış Ticaret AŞ ma tirċevix marġni kummerċjali; u

fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu Çolakoğlu Dış Ticaret AŞ ġiet meqjusa bħala aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjoni u, għaldaqstant, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament 2016/1036.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament 2016/1036 inkwantu l-ħlas ta’ dazji fuq l-importazzjoni ġie impost bħala kundizzjoni sabiex jiġi aċċettat l-aġġustament ta’ rifużjoni tad-dazju.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn jikkonċerna r-rifjut li jsir kalkolu trimestrali tad-dumping u, konsegwentement, il-ksur tal-parti introduttiva tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament 2016/1036.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament 2016/1036 inkwantu aġġustament abbażi tal-iħħeġġjar ta’ qligħ u ta’ telf ġie rrifjutat.


(1)  Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).


Top