Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0605

Kawża T-605/21: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2021 – TestBioTech vs Il-Kummissjoni

ĠU C 471, 22.11.2021, p. 52–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 471/52


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2021 – TestBioTech vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-605/21)

(2021/C 471/74)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: TestBioTech eV (Munich, il-Germanja) (rappreżentant: K. Smith, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2021, li tirrifjuta li tirrevoka jew temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-konvenuta (EU) 2021/61 (1), li permezz tagħha Monsanto Europe SA ġiet awtorizzata, taħt ir-Regolament IMĠ (2), tqiegħed fis-suq qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87427 x MON 87460 x MON 89034 x MIR162 x NK603 u s-subkumbinazzjonijiet tiegħu fl-Unjoni;

tordna kwalunkwe miżura oħra li hija tqis xierqa; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqset milli tagħmel kwalunkwe kunsiderazzjoni jew kunsiderazzjoni adegwata tal-impatt potenzjali tal-gene stacking fuq l-espressjoni tal-ġene flimkien ma’ espożizzjoni għal kundizzjonijiet ta’ nixfa u/jew naqset milli teħtieġ li ssir evalwazzjoni adegwata taħt kundizzjonijiet ta’ nixfa.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqset milli tagħmel kwalunkwe kunsiderazzjoni jew kunsiderazzjoni adegwata tal-impatt potenzjali tal-gene stacking fuq l-espressjoni tal-ġene flimkien ma’ applikazzjonijiet erbiċidi u/jew naqset milli teħtieġ evalwazzjoni adegwata taħt kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ripetuta u/jew għolja ta’ erbiċidi.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn naqset milli tagħmel kwalunkwe kunsiderazzjoni jew kunsiderazzjoni adegwata tal-impatt potenzjali tal-gene stacking fuq il-kompożizzjoni tal-pjanti u l-karatteristiċi agronomiċi flimkien ma’ espożizzjoni għal kundizzjonijiet ta’ nixfa u applikazzjonijiet ta’ erbiċidi.


(1)  ĠU 2021 L 26, p. 12.

(2)  Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432).


Top