Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0823

    Kawża C-823/21: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

    ĠU C 128, 21.3.2022, p. 9–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 128, 21.3.2022, p. 4–4 (GA)

    21.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 128/9


    Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

    (Kawża C-823/21)

    (2022/C 128/12)

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Partijiet

    Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Azéma, L. Grønfeldt, A. Tokár u J. Tomkin, aġenti)

    Konvenut: L-Ungerija

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiddikjara li, peress li ssuġġettat l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju Ungeriż, inkluż fil-fruntieri tiegħu, għar-rekwiżit li l-ewwel għandhom jgħaddu minn proċedura f’rappreżentanza diplomatika Ungeriża f’pajjiż terz, l-Ungerija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 (1), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Skont ir-regoli dwar id-dritt għall-ażil introdotti fl-Ungerija permezz tal-Att LVIII tal-2020, li ġie adottat fuq bażi provviżorja iżda sussegwentement ġie estiż f’diversi okkażjonijiet, il-persuni kollha li jixtiequ jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil fl-Ungerija għandhom, bi ftit eċċezzjonijiet, l-ewwel jippreżentaw ittra ta’ intenzjoni lill-ambaxxata Ungeriża f’Belgrad jew Kiev, u huwa biss wara tweġiba pożittiva għal dik l-ittra ta’ intenzjoni u l-ħruġ ta’ permess ta’ dħul li jkun jista’ jsir aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali.

    Il-Kummissjoni tqis li din il-proċedura l-ġdida ta’ ażil hija inkompatibbli mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta.

    Id-dritt ta’ “aċċess għall-proċedura”, li huwa ggarantit mill-Artikolu 6 tad-Direttiva, jimplika l-ewwel u qabel kollox il-possibbiltà għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż fil-fruntieri tiegħu, li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali.

    Madankollu, mid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Att LVIII tal-2020 jirriżulta li, jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju Ungeriż, inkluż fil-fruntieri tiegħu, jesprimu r-rieda tagħhom li jagħmlu użu mill-protezzjoni internazzjonali, l-awtoritajiet Ungeriżi ma jikkunsidrawx dik id-dikjarazzjoni bħala applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva 2013/32. L-applikazzjoni ma tiġix irreġistrata u l-persuna ma tingħatax id-drittijiet li l-applikant huwa intitolat għalihom. Minflok, sabiex tippreżenta l-applikazzjoni tagħha, il-persuna trid tħalli t-territorju Ungeriż, tmur lura f’pajjiż terz u l-ewwel tgħaddi minn proċedura fl-ambaxxata Ungeriża f’dak il-pajjiż.


    (1)  Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


    Top