Vælg de eksperimentelle funktioner, som du ønsker at prøve

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 62021CN0575

    Kawża C-575/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (l-Awstrija) fl-20 ta’ Settembru 2021 – WertInvest Hotelbetriebs GmbH

    ĠU C 2, 3.1.2022, s. 21–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.1.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 2/21


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (l-Awstrija) fl-20 ta’ Settembru 2021 – WertInvest Hotelbetriebs GmbH

    (Kawża C-575/21)

    (2022/C 2/27)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Verwaltungsgericht Wien

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: WertInvest Hotelbetriebs GmbH

    Awtorità tal-kostruzzjoni: Magistrat der Stadt Wien

    Domandi preliminari

    I.

    Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (1), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 (2), tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban” kemm għall-osservanza ta’ limiti minimi għall-okkupazzjoni ta’ art ta’ mill-inqas 15-il ettaru u għal superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ iktar minn 150 000 m2 u kif ukoll għall-fatt li l-proġett tal-iżvilupp ikun żvilupp kompletament multifunzjonali li f’kull każ jinkludi bini residenzjali u kummerċjali, inklużi toroq ta’ aċċess u utilitajiet intiżi għal dan il-bini, u b’żona ta’ attrazzjoni li testendi lil hinn miż-żona tal-proġett? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti l-fatt li d-dritt nazzjonali jipprevedi fattispeċi speċifiċi b’riferiment għal:

    żoni ta’ rikreazzjoni jew ta’ divertiment, stejdjums jew korsi tal-golf (’il fuq minn ċertu superfiċi okkupat jew ’il fuq minn ċertu numru ta’ postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi),

    żoni industrijali u kummerċjali (’il fuq minn ċertu superfiċi okkupat),

    ċentri kummerċjali (’il fuq minn ċertu superfiċi okkupat jew ’il fuq minn ċertu numru ta’ postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi),

    stabbilimenti għall-akkomodazzjoni bħal lukandi jew villaġġi tal-vaganzi, inklużi l-installazzjonijiet annessi (’il fuq minn ċertu numru ta’ sodod jew ’il fuq minn ċertu superfiċi okkupat, biss fiż-żoni li jinsabu lil hinn mill-agglomerazzjonijiet magħluqa); u

    postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi jew garaxxijiet aċċessibbli għall-pubbliku (’il fuq minn ċertu numru ta’ postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi)?

    II.

    Fid-dawl b’mod partikolari tal-punt 2(c)(viii) tal-Anness III li jeżiġi li, sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandha wkoll tingħata attenzjoni partikolari għall-“pajsaġġi ta’ sinifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku”, id-Direttiva 2011/92 teżiġi, għal żoni partikolarment importanti mill-perspettiva storika, kulturali, urbanistika jew arkitettonika, bħas-siti tal-patrimonju dinji tal-UNESCO, li jiġu stabbiliti limiti minimi iktar baxxi jew kriterji iktar stretti (minn dawk indikati fl-ewwel domanda)?

    III.

    Id-Direttiva 2011/92 tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, għall-evalwazzjoni ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban” fis-sens tal-ewwel domanda, tillimita l-aggregazzjoni (akkumulazzjoni) ma’ proġetti oħra simili u viċini billi tieħu inkunsiderazzjoni biss il-kapaċitajiet awtorizzati matul l-aħħar ħames snin, inklużi l-kapaċità jew l-estensjoni tal-kapaċità mitluba, filwaqt li l-proġetti ta’ żvilupp urban jew il-partijiet ta’ dawn il-proġetti ma għandhomx jibqgħu jitqiesu kunċettwalment bħala tali wara li dawn jitwettqu u filwaqt li, meta l-proġett previst jinvolvi kapaċità li tkun inqas minn 25 % tal-limitu minimu, ma jiġix iddeterminat fuq il-bażi ta’ każ b’każ jekk, minħabba l-akkumulazzjoni tal-effetti, humiex mistennija effetti ta’ dannu, ta’ ħsara jew ta’ tniġġis sinjifikattivi fuq l-ambjent u għalhekk hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett previst?

    IV.

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda jew għat-tieni domanda: l-eżami każ b’każ sabiex jiġi stabbilit jekk il-proġett jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u għandux għalhekk ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, meħtieġ fil-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali jaqbżu l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati membri (skont id-dispożizzjonijiet, f’dan il-każ direttament applikabbli, tal-Artikolu 2(1) kif ukoll tal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92), jista’ jkun limitat għal ċerti aspetti tal-protezzjoni, bħall-għan tal-protezzjoni ta’ żona partikolari, jew għandhom, f’dan il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji u l-aspetti kollha msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92?

    V.

    Id-Direttiva 2011/92 tippermetti, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja stipulati fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, li l-eżami deskritt fir-raba’ domanda jitwettaq għall-ewwel darba mill-qorti tar-rinviju (fil-kuntest ta’ proċedura għall-ħruġ ta’ permess tal-bini u tal-eżami tal-kompetenza tagħha stess) li fil-proċeduri quddiemha, skont id-dritt nazzjonali, il-“pubbliku” jgawdi l-kwalità ta’ parti biss f’kuntest estremament limitat, u li kontra d-deċiżjoni tagħha l-“pubbliku kkonċernat” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2011/92 għandu biss rimedji estremament limitati? Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li, skont id-dritt nazzjonali, lil hinn mill-possibbiltà ta’ determinazzjoni ex officio, huma biss il-persuna responsabbli għall-proġett, awtorità involuta jew l-Umweltanwalt (medjatur għall-ambjent) li jistgħu jitolbu dikjarazzjoni distinta tal-kwistjoni dwar jekk il-proġett huwiex suġġett għall-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent?

    VI.

    Fil-każ ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban” fis-sens tal-punt 10(b) tal-Anness II ta’ din id-direttiva, id-Direttiva 2011/92 tippermetti, qabel jew matul it-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent meħtieġa jew qabel it-tmiem ta’ eżami każ b’każ tal-effetti fuq l-ambjent intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hijiex neċessarja, li jingħataw permessi tal-bini għal xogħlijiet individwali li jikkostitwixxu parti mill-proġetti ta’ żvilupp urban fit-totalità tagħhom, meta, fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-permess tal-bini, ma ssir ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fis-sens tad-Direttiva 2011/92 u l-pubbliku għandu biss b’mod limitat il-kwalità ta’ parti?


    (1)  ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44.

    (2)  ĠU 2014, L 124, p. 1.


    Op