Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0680

Kawża T-680/20: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Novembru 2020 – Novelis vs Il-Kummissjoni

ĠU C 19, 18.1.2021, p. 64–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/64


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Novembru 2020 – Novelis vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-680/20)

(2021/C 19/69)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Novelis Inc. (Mississauga, Ontario, Canada) (rappreżentanti: S. Völcker, T. Caspary u R. Benditz, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, totalment jew parzjalment, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Awwissu 2020 fil-Każ Nru M.9076 – Novelis/Aleris li tiċħad it-talba ta’ Novelis għal estensjoni ta’ xahar tal-perijodu tal-għeluq skont il-klawżola 49 tal-impenji ta’ Novelis/Aleris;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni minflok il-Kulleġġ tal-Kummissarji, bi ksur tal-prinċipju ta’ kolleġġjalità.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti li tippermetti lir-rikorrenti teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha b’mod effettiv.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u tinjora li r-rikorrenti għandha raġuni valida għaliex tapplika għal estensjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li fid-dawl tal-konsegwenzi legali tagħha u tad-disponibbiltà ta’ diversi mezzi inqas onerużi, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.


Top