Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0542

Kawża C-542/20: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2020 – Ir-Repubblika tal-Litwanja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

ĠU C 19, 18.1.2021, p. 23–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/23


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2020 – Ir-Repubblika tal-Litwanja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-542/20)

(2021/C 19/29)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentanti: K. Dieninis, V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, R. Dzikovič, A. Kisieliauskaitė, G. Taluntytė u R. Petravičius, advokatas)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

1.

tannulla l-Artikolu 1(3) tar-Regolament 2020/1055 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 (2), (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq sa fejn jinkludi Artikolu 5(1)(b) fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 li jipprovdi li “fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, l-impriża għandha torganizza l-attività tal-flotta tal-vetturi tagħha b’tali mod li jiġi żgurat li l-vetturi li jkunu għad-dispożizzjoni tal-impriża u użati fit-trasport internazzjonali jirritornaw lejn wieħed miċ-ċentri operazzjonali f’dak l-Istat Membru tal-inqas fi żmien tmien ġimgħat wara li jitilqu minn hemm”;

2.

tannulla l-Artikolu 2(4)(a) tar-Regolament 2020/1055, li jemenda l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 (3) bl-inklużjoni fih tal-paragrafu 2a li jipprovdi li “[l]-operaturi tat-trasport m’humiex permessijwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, bl-istess vettura, jew, fil-każ ta’ vetturi kombinati, bil-vettura bil-mutur ta’ dik l-istess vettura, fl-istess Stat Membru fi żmien erbat ijiem wara t-tmiem tal-aħħar operazzjoni ta’ kabotaġġ tagħha f’dak l-Istat Membru”;

3.

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Ir-Repubblika tal-Litwanja tinvoka l-motivi segwenti:

1.

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament 2020/1055, sa fejn jinkludi Artikolu 5(1)(b) fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 li jipprovdi li “fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, l-impriża għandha … torganizza l-attività tal-flotta tal-vetturi tagħha b’tali mod li jiġi żgurat li l-vetturi li jkunu għad-dispożizzjoni tal-impriża u użati fit-trasport internazzjonali jirritornaw lejn wieħed miċ-ċentri operazzjonali f’dak l-Istat Membru tal-inqas fi żmien tmien ġimgħat wara li jitilqu minn hemm”, huwa kuntrarju għal:

1.1

L-Artikolu 3(3) TUE, l-Artikoli 11 u 191 TFUE u għall-politika tal-UE dwar l-ambjent u tibdil fil-klima. Ir-rekwiżit ta’ ritorn għaċ-ċentru operattiv jirriżulta fiż-żieda ta’ vetturi mhux mgħobbija fit-toroq Ewropej, kif ukoll fiż-żieda tal-kwantità ta’ emissjonijiet CO2 u tniġġis ambjentali. Meta l-istituzzjonijiet tal-UE adottaw id-dispożizzjoni kkontestata, huma ma kkunsidrawx il-miżuri relatati mal-politika tal-UE dwar l-ambjent u tibdil fil-klima, b’mod partikolari tar-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni tal-ambjent u tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent promossi mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u kkonfermati mill-Kunsill Ewropew;

1.2

L-Artikolu 26 TFUE u l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni. Id-dispożizzjoni kkontestata hija miżura protettiva li permezz tagħha huwa maqsum is-suq tat-trasport tal-UE, il-kompetizzjoni hija ristretta u hija stabbilita sistema diskriminatorja fir-rigward ta’ operaturi tat-trasport fl-Istati Membri li jinsabu fil-marġni ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea (Stati Membri periferali). Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, is-settur internazzjonali tat-trasport bit-triq huwa wkoll suġġett għal diskriminazzjoni meta mqabbel ma’ setturi oħra tat-trasport;

1.3

L-Artikoli 91(2) and 94 TFUE. L-istituzzjonijiet tal-UE kellhom jikkunsidraw il-fatt li d-dispożizzjoni kkontestata ser ikollha impatt partikolarment sinjifikattiv fuq il-livell tal-għajxien u fuq il-livell tal-impjieg fl-Istati Membri periferali tal-Unjoni Ewropea u ser ikollha impatt partikolarment negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-operaturi tat-trasport stabbiliti fil-periferija; l-istituzzjonijiet tal-UE, madankollu, naqsu milli jaqdu dan id-dmir;

1.4

Il-prinċipji ta’ proċedura leġiżlattiva soda, sa fejn id-dispożizzjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr l-ebda evalwazzjoni tal-impatt tagħha u mingħajr eżami xieraq tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi u tal-effett tagħha fuq l-ambjent;

1.5

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn ir-rekwiżit fiss għar-ritorn regolari ta’ vetturi huwa miżura manifestament sproporzjonata u inadegwata għat-twettiq tal-għan iddikjarat b’mod pubbliku, jiġifieri dak tal-ġlieda kontra l-hekk imsejħa “kumpanniji fantażma”.

2.

L-Artikolu 2(4)(a) tar-Regolament 2020/1055, li jemenda l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 bl-inklużjoni fih tal-paragrafu 2a li jipprovdi li “[l]-operaturi tat-trasport m’humiex permessijwettqu operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, bl-istess vettura, jew, fil-każ ta’ vetturi kombinati, bil-vettura bil-mutur ta’ dik l-istess vettura, fl-istess Stat Membru fi żmien erbat ijiem wara t-tmiem tal-aħħar operazzjoni ta’ kabotaġġ tagħha f’dak l-Istat Membru”, huwa kuntrarju għal:

2.1

L-Artikolu 3(3) TUE u l-Artikoli 11 u 191 TFUE, minħabba li l-perijodu obbligatorju ta’ erbat ijiem għall-waqfien mill-attività wara operazzjoni ta’ kabotaġġ jirriżulta fiż-żieda tal-fluss ta’ trasport tan-numru ta’ vetturi mhux mgħobbija fit-toroq tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fiż-żieda tal-kwantità ta’ emissjonijiet CO2 u tniġġis ambjentali. Għalhekk id-dispożizzjoni kkontestata tmur kontra r-rekwiżit, ikkonfermat mit-Trattati, li, fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ transport tal-Unjoni Ewropea, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ambjentali u l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

2.2

L-Artikolu 26 TFUE u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Il-perijodu ta’ erbat ijiem stabbilit għall-waqfien mill-attività wara operazzjoni ta’ kabotaġġ joħloq restrizzjonijiet għall-operat tas-suq intern u għall-effiċjenza tal-katina loġistika. It-tqassim tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ħoloq diskriminazzjoni fir-rigward ta’ Stati Membri żgħar u fir-rigward ta’ dawk li jinsabu fil-periferija tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jagħti vantaġġ illegali u mhux iġġustifikat lill-Istati Membri kbar u ċentrali tal-UE esklużivament minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom;

2.3

L-Artikoli 91(2) u 94 TFUE, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-konsegwenzi għas-sitwazzjoni ekonomika tat-trasportaturi tal-merkanzija mill-Istati Membri żgħar u ta’ dawk mill-periferija tal-Unjoni Ewropea u għal-livell tal-għajxien u għal-livell tal-impjieg f’dawn l-Istati Membri;

2.4

Il-prinċipji ta’ proċedura leġiżlattiva soda, sa fejn id-dispożizzjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr l-ebda evalwazzjoni tal-impatt tagħha u mingħajr eżami xieraq tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi u tal-effett tagħha fuq l-ambjent;

2.5

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-perijodu ta’ erbat ijiem stabbilit għall-waqfien mill-attività wara operazzjoni ta’ kabotaġġ huwa miżura sproporzjonata fir-rigward tal-għanijiet intiżi ta’ kjarifika tal-prinċipji li jirregolaw il-kabotaġġ u ta’ estenzjoni tal-effettività tal-implimentazzjoni tagħhom.


(1)  Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq (ĠU 2020, L 249, p. 17).

(2)  Regolament Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU 2009, L 300, p. 51).

(3)  Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009, L 300, p. 72, rettifika fil-ĠU 2018, L 241, p. 14).


Top