Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0041

Kawża C-41/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gericht Erster Instanz Eupen (il-Belġju) fit-28 ta’ Jannar 2020 – DQ vs Wallonische Region

ĠU C 19, 18.1.2021, p. 12–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gericht Erster Instanz Eupen (il-Belġju) fit-28 ta’ Jannar 2020 – DQ vs Wallonische Region

(Kawża C-41/20)

(2021/C 19/15)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Gericht Erster Instanz Eupen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DQ

Konvenut: Wallonische Region

Domandi preliminari

1)

Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik applikata mill-awtoritajiet, li bis-saħħa tagħha l-użu, mingħajr obbligu ġdid ta’ reġistrazzjoni, ta’ vettura barranija mqiegħda b’mod sporadiku u għal żmien qasir għad-dispożizzjoni ta’ ċittadin li jirrisjedi fil-Belġju minn ċittadin stabbilit fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, huwa suġġett għall-kundizzjoni li dan iċ-ċittadin li jirrisjedi fil-Belġju jżomm fil-vettura attestazzjoni li turi li huwa awtorizzat juża l-vettura għal finijiet privati, jiġifieri attestazzjoni fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 3(2) tal-Königlichen Erlasses vom 20. Juli 2001 über die Zulassung von Fahrzeugen (id-Digriet Irjali tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi), tmur kontra r-regoli rilevanti tad-dritt Ewropew u b’mod partikolari, minn naħa, kontra l-Artikoli 20 u 21 TFUE, dwar il-libertà tal-persuni u l-libertà ta’ moviment tal-kapital u/jew, min-naħa l-oħra, kontra l-Artikoli 63 u 64 TFUE, dwar il-libertà ta’ moviment tal-kapital, bħala tnejn mill-erba’ libertajiet fundamentali tal-Unjoni?

2)

Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta iktar ’il fuq u implimentata mill-Wallonische Region (ir-Reġjun ta’ Wallonie) hija ġġustifikata minn rekwiżiti marbuta mas-sigurtà pubblika jew ma’ miżuri oħra ta’ protezzjoni u, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, huwa meħtieġ li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi osservata billi tiġi interpretata fis-sens li teżiġi ż-żamma obbligatorja fil-vettura ta’ dokument redatt mill-proprjetarju barrani tal-vettura li jawtorizza temporanjament l-użu tal-vettura, b’indikazzjoni tal-perijodu ta’ validità, mingħajr ebda possibbiltà li tali dokumenti jiġu ppreżentati ulterjorment, jew l-għan seta’ jintlaħaq b’mod ieħor permezz ta’ mezzi inqas stretti u inqas formalistiċi?

Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Settembru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Is-Sitt Awla) iddeċidiet:

L-Artikolu 63(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li resident ta’ dan l-Istat Membru jista’ jinvoka deroga mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi, prevista fl-imsemmi Stat Membru, fir-rigward ta’ vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor u mqiegħda bla ħlas għad-dispożizzjoni tiegħu, għal perijodu qasir, mill-proprjetarju ta’ din il-vettura li jirrisjedi f’dan l-Istat Membru l-ieħor, fil-każ biss li d-dokumenti li jattestaw li r-resident inkwistjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga jkunu jinsabu, b’mod permanenti, f’din il-vettura, mingħajr ebda possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni ulterjuri.


Top