EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0489

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ April 2022.
UB vs Kauno teritorinė muitinė.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kodiċi doganali tal-Unjoni – Estinzjoni tad-dejn doganali – Merkanzija mdaħħla illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni – Mandat u konfiska – Direttiva 2008/118/KE – Dazji tas-sisa – Direttiva 2006/112/KE – Taxxa fuq il-valur miżjud – Fatt taxxabbli – Eżiġibbiltà.
Kawża C-489/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:277

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kodiċi doganali tal-Unjoni – Estinzjoni tad-dejn doganali – Merkanzija mdaħħla illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni – Mandat u konfiska – Direttiva 2008/118/KE – Dazji tas-sisa – Direttiva 2006/112/KE – Taxxa fuq il-valur miżjud – Fatt taxxabbli – Eżiġibbiltà”

Fil-Kawża C‑489/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

UB

vs

Kauno teritorinė muitinė

fil-preżenza ta’:

Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos Finansų ministerijos

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz (Relatur), P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 124(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”), tal-Artikolu 2(b) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12), kif ukoll tal-Artikolu 2(1)(d) u tal-Artikolu 70 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn UB, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u l-Kauno teritorinė muitinė (id-Dipartiment Reġjonali tad-Dwana ta’ Kaunas, il-Litwanja) u l-Muitinės departamentas prie Finansų ministerijos (id-Dipartiment tad-Dwana tal-Ministeru għall-Finanzi, il-Litwanja), dwar deċiżjoni ta’ dan id-dipartiment reġjonali tad-dwana, li tistabbilixxi l-ammont tad-dazji tas-sisa u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) impost fuq UB, wara d-dħul illegali ta’ sigaretti fit-territorju Litwan mill-Bjelorussja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni:

“Kull Stat Membru għandu jaħseb għal pieni għal nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

4

L-Artikolu 79 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Dejn doganali li jinħoloq minħabba nuqqas ta’ konformità”.

“1.   Għal merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni, it-tneħħija tagħha mis-superviżjoni doganali, jew il-moviment, l-ipproċessar, il-ħażna, il-ħażna temporanja, id-dħul temporanju ta’ tali merkanzija fit-territorju jew it-tneħħija tagħha minnu;

[…]”

5

L-Artikolu 124 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Estinzjoni”, jipprevedi:

“1.   Mingħajr ħsara għall-provvedimenti fis-seħħ dwar in-nuqqas ta’ rkupru tal-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali fil-każ tal-insolvenza tad-debitur stabbilita b’mod ġudizzjarju, dejn doganali fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni għandu jkun estint b’xi mod minn dawn li ġejjin:

[…]

(e)

fejn il-merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni tkun ikkonfiskata jew maqbuda u simultanjament jew sussegwentement ikkonfiskata;

[…]

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1, id-dejn doganali għandu, madankollu, għall-għanijiet tal-pieni applikabbli fuq reati tad-dwana, jitqies li ma jkunx ġie estint fejn, taħt il-liġi ta’ Stat Membru, id-dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni jew l-eżistenza ta’ dejn doganali jipprovdu l-bażi għad-determinazzjoni tal-pieni.

[…]”

6

Skont l-Artikolu 286(1) tiegħu, l-imsemmi kodiċi jħassar ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU 2008, L 145, p. 1), li min-naħa tiegħu kien ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

Ir-Regolament Nru 450/2008

7

Ir-Regolament Nru 450/2008 kien jipprevedi, fl-Artikolu 86 tiegħu, intitolat “Ħlas kollu”:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 68 u d-dispożizzjoni fis-seħħ dwar in-nuqqas ta’ rkupru ta’ l-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali fil-kaz ta’ l-insolvenza tad-debitur stabbilita b’mod ġudizzjarju, id-dejn doganali fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni għandu jispiċċa b’xi mod minn dawn li ġejjin:

[…]

(e)

fejn il-merkanzija soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tiġi [maqbuda u] simultanjament jew sussegwentement konfiskata;

[…]”

Ir-Regolament Nru 2913/92

8

Ir-Regolament Nru 2913/92 kien jipprevedi, fl-Artikolu 202 tiegħu:

“1.   Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:

(a)

l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità [Ewropea] ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew

(b)

l-introduzzjoni kontra l-liġi f’parti oħra ta’ dak it-territorju ta’ dawk il-merkanziji li jkunu jinsabu f’żona ħielsa jew maħżen ħieles.

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177.

2.   Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jiġu introdotti kontra l-liġi.

[…]”

9

L-Artikolu 233 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Estinzjoni ta’ dejn doganali”, kien jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw il-preskrizzjoni ta’ dazju doganali u nuqqas ta’ rkupru ta’ dak id-dejn fil-każ tal-falliment legalment stabbilit tad-debitur, dejn doganali għandu jingħalaq:

[…]

(d)

fejn merkanziji li fir-rigward tagħhom ġie inkors dejn doganali skond l-Artikolu 202 jinqabdu ma’ l-introduzzjoni kontra l-ligi tagħhom u jiġu fl-istess waqt jew sussegwentement konfiskati.

[…]”

Id-Direttiva 2008/118

10

Konformement mal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2008/118:

“Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fil-ħin ta’:

[…]

(b) l-importazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Komunità.”

11

L-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-’rilaxx għall-konsum’ għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

[…]

(d)

l-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż l-importazzjoni irregolari, sakemm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqegħdux, immedjatament mal-importazzjoni, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.”

Id-Direttiva tal-VAT

12

L-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[…]

(d) l-importazzjoni ta’ merkanzija.”

13

Skont l-Artikolu 70 ta’ din id-direttiva, “[l]-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija tkun impurtata”.

14

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tal-imsemmija direttiva, “meta l-merkanzija impurtata tkun soġġetta għad-dazji doganali, jew għal imposti agrikoli jew għal xi piżijiet li għandhom effett ekwivalenti li ġew stabbiliti skond politika komuni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas fir-rigward ta’ dawk id-dazji u dawk id-dazji jsiru dovuti”.

Id-dritt Litwan

15

L-Artikolu 93 tal-Lietuvos Respublikos mokesčių administravimo įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxi) tat‑13 ta’ April 2004 (Žin., 2004, Nru 63–2243), intitolat “Estinzjoni tal-obbligu fiskali”, kien jipprevedi, fil-punt 3 tal-paragrafu 2 tiegħu, li, “kull obbligu fir-rigward ta’ taxxi amministrati mid-Dwana għandu jieqaf […] ukoll […] jekk il-merkanzija tal-kuntrabandu tinżamm fil-waqt tad-dħul illegali tagħha u, f’dak l-istess waqt jew wara, tinqabad”.

16

Din id-dispożizzjoni tħassret b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2017 u ġiet issostitwita bid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

l-Artikolu 20(2) tal-Lietuvos Respublikos akcizų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar Dazju tas-Sisa) tat‑30 ta’ Ottubru 2001 (Žin., 2001, Nru 98–3482), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Nru XII 2696 tat‑3 ta’ Novembru 2016 (TAR, 2016, Nru 2016–26860), li jipprovdi li “l-obbligu ta’ ħlas ta’ dazju tas-sisa lid-dwana għandu jkun estint mutatis mutandis fil-każijiet speċifikati fil-punti (d) sa (g) tal-paragrafu (1) tal-Artikolu 124 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni”;

l-Artikolu 121(2) tal-Lietuvos Respublikos pridėtinės vertės mokesčio įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) tal‑5 ta’ Marzu 2002 (Žin., 2002, Nru 35–1271), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Nru XII 2697 tat‑3 ta’ Novembru 2016 (TAR, 2016, Nru 2016–26861), li jipprovdi li “l-obbligu ta’ pagament lid-dwana tal-VAT fuq l-importazzjoni għandu jkun estint mutatis mutandis fil-każijiet speċifikati fil-punti (d) sa (g) tal-paragrafu (1) tal-Artikolu 124 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

UB, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li aġixxa fi grupp ma’ persuni oħrajn, organizza d-dħul illegali (kuntrabandu) ta’ prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa fit-territorju Litwan mill-Bjelorussja. Fit‑22 ta’ Settembru 2016, f’post iżolat, 6000 pakkett sigaretti (iktar ’il quddiem il-“merkanzija kkonċernata”) ġew mitfugħa minn fuq il-fruntiera u rkuprati. Fl-istess data, il-vettura li tittrasporta l-merkanzija kkonċernata fit-territorju Litwan twaqqfet mill-gwardji tal-fruntieri, li pproċedew għall-qbid ta’ din il-merkanzija.

18

Permezz tad-digriet kriminali tat‑23 ta’ Jannar 2017, il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnjus) sabet lil UB ħati ta’ reat kriminali, ikkundannatu għal multa ta’ EUR 16947, ordnat il-konfiska tal-merkanzija kkonċernata u ordnat li din tal-aħħar tinqered.

19

Fid-dawl ta’ dan id-digriet kriminali, id-dipartiment reġjonali tad-dwana ta’ Kaunas ikkonstata li UB kien debitur, in solidum ma’ terzi, ta’ dejn fiskali ta’ EUR 10237, bħala dazji tas-sisa, u ta’ EUR 2679, bħala VAT fuq l-importazzjoni, u l-interessi moratorji ġew stabbiliti rispettivament għal EUR 1674 u għal EUR 438. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dazji doganali, dan id-dipartiment reġjonali tad-dwana la kkalkola, u lanqas ma daħħal fir-reġistru, l-ammont tagħhom, għaliex qies li d-dejn doganali kien ġie estint, skont l-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

20

Adit b’ilment ippreżentat minn UB, id-Dipartiment tad-Dwana tal-Ministeru għall-Finanzi kkonferma d-deċiżjoni tad-dipartiment reġjonali tad-dwana ta’ Kaunas, permezz tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Mejju 2018.

21

UB ippreżenta rikors quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus). UB essenzjalment sostna li, peress li d-dejn doganali ġie estint għar-raġuni prevista fl-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-obbligu tiegħu li jħallas id-dazju tas-sisa u l-VAT fuq l-importazzjoni kellu wkoll jitqies bħala estint.

22

Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2018, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus) ċaħdet dan ir-rikors bħala totalment infondat fil-liġi. Din il-qorti qieset b’mod partikolari li l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma kienx jirregola l-kawżi ta’ estinzjoni tal-obbligu li jitħallas id-dazju tas-sisa u/jew il-VAT fuq l-importazzjoni.

23

UB appella minn din is-sentenza quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Litwanja), jiġifieri l-qorti tar-rinviju.

24

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar jekk qbid u konfiska bħal dawk inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux kawża ta’ estinzjoni tad-dejn doganali skont l-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Hija tosserva li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija differenti minn dik tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tar-Regolament Nru 2913/92, li kien jipprevedi espressament li l-qbid tal-merkanzija ta’ kuntrabandu kellu jseħħ “ma’ l-introduzzjoni kontra l-ligi” tagħha sabiex id-dejn doganali jitqies bħala estint. Għalhekk huwa possibbli li jiġi deċiż li, skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-mument li fih isir il-qbid huwa issa rrilevanti u li d-dejn doganali jiġi estint anki jekk il-merkanzija ta’ kuntrabandu tinqabad meta din tkun diġà ġiet introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni, jiġifieri barra miż-żona fejn jinsab l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa dan it-territorju.

25

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett tal-estinzjoni tad-dejn doganali fuq l-obbligu li jitħallsu d-dazju tas-sisa u l-VAT fuq l-importazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tosserva f’dan ir-rigward li, għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża s-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik (C‑230/08, EU:C:2010:231), tidher li tippreżupponi l-eżistenza ta’ “paralleliżmu” bejn l-estinzjoni tad-dejn doganali, minn naħa, u dik tal-obbligi fiskali l-oħra bħal dawk li jitħallsu d-dazju tas-sisa u l-VAT fuq l-importazzjoni, min-naħa l-oħra, la d-Direttiva 2008/118 u lanqas id-Direttiva tal-VAT ma jinkludu dispożizzjonijiet li jipprevedu estinzjoni ta’ dawn l-obbligi fil-każ ta’ dħul illegali segwit minn qbid u konfiska tal-merkanzija.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 124(1)(e) tal-[Kodiċi Doganali tal-Unjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li dejn doganali jkun estint meta, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, merkanzija b’kuntrabandu hija ssekwestrata u sussegwentement ikkonfiskata wara li kienet diġà ġiet introdotta b’mod illegali (rilaxxata għal konsum) fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, l-Artikoli 2(b) u 7(1) tad-[Direttiva 2008/118] kif ukoll l-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikolu 70 tad-[Direttiva tal-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu ta’ ħlas tad-dazju tas-sisa u/jew tal-VAT ma jkunx estint meta, bħal fil-kawża prinċipali, merkanzija b’kuntrabandu hija ssekwestrata u sussegwentement ikkonfiskata wara li tkun diġà ġiet introdotta b’mod illegali (rilaxxata għal konsum) fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, anki jekk id-dejn doganali jiġi estint għar-raġuni prevista fl-Artikolu 124(1)(e) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dejn doganali jiġi estint meta merkanzija tinqabad u sussegwentement tiġi kkonfiskata, minkejja li din tkun diġà ddaħħlet illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni.

28

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu mhux biss isir riferiment għall-kliem tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti kif ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, C‑140/20, Commissioner of An Garda Síochána, EU:C:2022:258, punt 32).

29

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet applikabbli għan-nuqqas ta’ rkupru tal-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondu għal dejn doganali fil-każ ta’ insolvenza tad-debitur ikkonstatata b’mod ġudizzjarju, dejn doganali fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni jiġi estint b’mod partikolari meta merkanzija ta’ kuntrabandu suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tiġi maqbuda u simultanjament jew sussegwentement ikkonfiskata.

30

Konsegwentement, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment għall-mument li fih il-qbid tal-merkanzija jseħħ bħala kundizzjoni għall-estinzjoni tad-dejn doganali.

31

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 30, 34 u 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li ssostitwixxiet l-Artikolu 86(1)(e) tar-Regolament Nru 450/2008, hija distinta minn dik tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tar-Regolament Nru 2913/92, li kien jagħmel riferiment espress għal sekwestru “ma’ l-introduzzjoni kontra l-ligi” ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni.

32

Fil-kuntest tas-sistema stabbilita fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 tar-Regolament Nru 2913/92, sabiex iġib miegħu l-estinzjoni tad-dejn doganali, il-qbid ta’ merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità kellu jseħħ qabel ma tkun għaddiet l-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik, C‑230/08, EU:C:2010:231, punt 50).

33

Meta adotta l-Artikolu 86(1)(e) tar-Regolament Nru 450/2008, u sussegwentement l-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel l-għażla li ma jibqax jissuġġetta l-estinzjoni tad-dejn doganali għall-kundizzjoni li l-qbid iseħħ fl-istess ħin mad-dħul tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni.

34

Għaldaqstant, il-fatt li l-qbid u l-konfiska sussegwenti seħħew wara d-dħul illegali ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni ma jaffettwax l-applikabbiltà tal-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, b’tali mod li hemm lok li d-dejn doganali li huwa relatat magħha jitqies bħala estint ukoll f’dan il-każ.

35

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni hija konformi mal-għanijiet imfittxija minn dan il-kodiċi, inkluż, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ livell adegwat ta’ sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati fis-suq intern kollu, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fis-sens tal-premessi 11 u 23 tal-imsemmi kodiċi.

36

F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li l-estinzjoni tad-dejn doganali bl-ebda mod ma tostakola l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet relatati man-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali.

37

Fil-fatt, skont l-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, kull Stat Membru għandu jipprevedi sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali u, skont l-Artikolu 124(2) ta’ dan il-kodiċi, id-dejn doganali għandu jitqies, għall-finijiet tas-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur doganali, li ma huwiex estint meta d-dritt ta’ Stat Membru jipprevedi li d-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni jew l-eżistenza ta’ dejn doganali jservu bħala bażi għad-determinazzjoni ta’ sanzjonijiet.

38

Għalhekk, l-estinzjoni tad-dejn doganali prevista fl-Artikolu 124(1)(e) tal-imsemmi kodiċi fil-każ ta’ qbid u ta’ konfiska ta’ merkanzija wara l-introduzzjoni illegali tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni ma tistax tipprekludi l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, u lanqas tippreġudika l-effett dissważiv ta’ dawn tal-aħħar.

39

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dejn doganali jkun estint meta merkanzija tinqabad u sussegwentement tiġi kkonfiskata, minkejja li din tkun diġà ddaħħlet illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118 kif ukoll l-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikolu 70 tad-Direttiva tal-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-estinzjoni tad-dejn doganali għar-raġuni prevista fl-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni twassalx għall-estinzjoni tad-dejn marbut, rispettivament, mad-dazji tas-sisa u mal-VAT għall-merkanzija mdaħħla illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni.

41

Fir-rigward tal-obbligu li jitħallsu d-dazji tas-sisa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2008/118, il-prodotti suġġetti għas-sisa huma suġġetti għad-dazji tas-sisa fil-mument tad-dħul tagħhom fit-territorju tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, id-dazji tas-sisa jsiru eżiġibbli fil-mument tar-rilaxx għall-konsum u fl-Istat Membru fejn dan iseħħ. L-Artikolu 7(2)(d) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-kunċett ta’ “rilaxx għall-konsum” jinkludi l-importazzjoni, inkluża l-importazzjoni irregolari, ta’ prodotti suġġetti għas-sisa sakemm dawn ma jitqiegħdux, immedjatament wara l-importazzjoni tagħhom, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.

42

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2008/118 ma tinkludix dispożizzjoni li ttemm l-obbligu li jitħallsu d-dazji tas-sisa fil-każ ta’ estinzjoni tad-dejn doganali relatat mal-merkanzija ta’ kuntrabandu minħabba r-raġuni msemmija fl-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Minn dan isegwi li, ladarba jkun sar dovut, is-sisa fuq tali merkanzija tibqa’ dovuta.

43

Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, meta merkanzija importata b’mod irregolari tinqabad u tiġi kkonfiskata mill-awtoritajiet wara li tkun ħarġet mill-ewwel uffiċċju doganali li jinsab fit-territorju tal-Unjoni, għandu jitqies li din ġiet importata fl-Unjoni, b’tali mod li l-fatt li jagħti lok għas-sisa seħħ fir-rigward tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik, C‑230/08, EU:C:2010:231, punt 74).

44

Barra minn hekk, il-merkanzija li kienet is-suġġett ta’ tali importazzjoni irregolari hija kkunsidrata bħala rilaxxata għall-konsum, b’tali mod li t-tqegħid sussegwenti tagħha taħt arranġament ta’ depożitu doganali, wara l-qbid u l-konfiska tagħha, ma għandu l-ebda effett fuq l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik, C‑230/08, EU:C:2010:231, punt 81).

45

F’dan il-każ, peress li l-merkanzija kkonċernata nqabdet u ġiet ikkonfiskata wara r-rilaxx għall-konsum tagħha, fis-sens tal-Artikolu 7(2)(d) tad-Direttiva 2008/118, id-dazji tas-sisa jibqgħu eżiġibbli, peress li l-estinzjoni tad-dejn doganali korrispondenti hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

46

Fir-rigward tal-obbligu li titħallas il-VAT, għandu jiġi kkonstatat li, skont Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT, l-importazzjoni ta’ merkanzija hija suġġetta għall-VAT. Skont l-Artikolu 70 ta’ din id-direttiva, il-fatt li jagħti lok għal ħlas iseħħ, u t-taxxa ssir eżiġibbli, fil-mument meta ssir l-importazzjoni ta’ merkanzija.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-VAT fuq l-importazzjoni u d-dazji doganali għandhom karatteristiċi essenzjali paragunabbli inkwantu huma jitnisslu minħabba l‑importazzjoni fl-Unjoni u d-dħul sussegwenti tal-merkanzija fiċ‑ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri. Dan il-paralleliżmu huwa kkonfermat mill-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva tal-VAT jawtorizza lill-Istati Membri jorbtu l-fatt li jagħti lok għat-taxxa u l-eżiġibbiltà tal-VAT fuq l-importazzjoni ma’ dawk tad-dazji doganali (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Hauptzollamt Münster (Post ta’ tnissil tal-VAT), C‑7/20, EU:C:2021:161, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għalhekk, dejn tal-VAT jista’ jiżdied mad-dejn doganali jekk l-aġir illegali li ġġenera dan id-dejn ikun jippermetti li jiġi preżunt li l-merkanzija kkonċernata daħlet fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni u setgħet tiġi suġġetta għall-konsum, u għalhekk jiskatta l-fatt li jagħti lok għall-VAT (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Hauptzollamt Münster (Post ta’ tnissil tal-VAT), C‑7/20, EU:C:2021:161, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Id-Direttiva tal-VAT ma tinkludix dispożizzjoni li ttemm l-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa fil-każ ta’ estinzjoni tad-dejn doganali relatat mal-merkanzija ta’ kuntrabandu għar-raġuni msemmija fl-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Minn dan isegwi li, ladarba tkun eżiġibbli, il-VAT fuq tali merkanzija tibqa’ dovuta.

50

Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, meta l-merkanzija tkun ġiet maqbuda u kkonfiskata wara li tkun telqet mill-ewwel uffiċċju doganali li jinsab ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni, il-fatt li jagħti lok għall-VAT ikun diġà seħħ u minħabba f’hekk il-VAT tkun saret eżiġibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik, C‑230/08, EU:C:2010:231, punt 94).

51

F’dan il-każ, peress li l-merkanzija kkonċernata nqabdet u ġiet ikkonfiskata wara l-importazzjoni tagħha, fis-sens tal-Artikolu 70 tad-Direttiva tal-VAT, il-VAT tibqa’ eżiġibbli, u l-estinzjoni tad-dejn doganali korrispondenti hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

52

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118, kif ukoll l-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikolu 70 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-estinzjoni tad-dejn doganali għar-raġuni prevista fl-Artikolu 124(1)(e) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma twassalx għall-estinzjoni tad-dejn marbut, rispettivament, mad-dazji tas-sisa u mal-VAT għall-merkanzija mdaħħla illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 124(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dejn doganali jkun estint meta merkanzija tinqabad u sussegwentement tiġi kkonfiskata, minkejja li din tkun diġà ddaħħlet illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea.

 

2)

L-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118 tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, kif ukoll l-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikolu 70 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-estinzjoni tad-dejn doganali għar-raġuni prevista fl-Artikolu 124(1)(e) tar-Regolament Nru 952/2013 ma twassalx għall-estinzjoni tad-dejn marbut, rispettivament, mad-dazji tas-sisa u mat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-merkanzija mdaħħla illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top