EUR-Lex El acceso al Derecho de la Unión Europea

Volver a la página principal de EUR-Lex

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62019TN0655

Kawża T-655/19: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2019 – Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 399, 25.11.2019, p. 87/88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/87


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2019 – Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-655/19)

(2019/C 399/106)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ferriera Valsabbia SpA (Odolo, l-Italja), Valsabbia Investimenti SpA (Odolo, l-Italja) (rappreżentanti: D. Slater, Solicitor, G. Carnazza u D. Fosselard, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni, sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 14 u 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u tal-Artikoli 11, 12 u 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni ma rrimedjatx il-ksur tar-regoli tal-proċedura li l-Qorti tal-Ġustizzja kkritikat fil-konfront tagħhom fis-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia, Valsabbia Investimenti u Alfa Acciai vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda C-86/15 P u C-87/15 P, EU:C:2017:717), li warajha l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata u ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni qieset li ma għandhiex kompetenza sabiex tagħti deċiżjoni fuq il-ksur possibbli tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli tal-proċedura.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur u interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li wasslu għal ksur tal-liġi u għal eċċess ta’ poter.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni de facto kisret il-prinċipju taż-żmien raġonevoli tal-proċedura.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, fuq motivazzjoni żbaljata u kontradittorja, u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jargumentaw li l-adozzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata bl-allegat ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni fil-proċedura, li madankollu ma jidhirx li huwa suffiċjenti u huwa wkoll ivvizzjat b’diversi żbalji ta’ fatt.


Arriba