EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0710

Kawża C-710/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju) fil-25 ta’ Settembru 2019 – G.M.A. vs État belge

ĠU C 399, 25.11.2019, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/33


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju) fil-25 ta’ Settembru 2019 – G.M.A. vs État belge

(Kawża C-710/19)

(2019/C 399/39)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: G.M.A.

Konvenut: État belge

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat, l-ewwel nett, jagħti terminu raġonevoli lil persuna li tkun qiegħda tfittex impjieg sabiex din tkun tista’ ssir taf b’offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għaliha u tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi rreklutata, it-tieni nett, jaċċetta li t-terminu sabiex issir tfittxija għal impjieg ma jistax fi kwalunkwe każ ikun iqsar minn sitt xhur, u t-tielet nett, jawtorizza l-preżenza fit-territorju tiegħu ta’ persuna li tkun qiegħda tfittex impjieg matul it-tul taż-żmien kollu ta’ dan it-terminu mingħajr ma jeżiġi minnha li ġġib prova li għandha possibbiltà reali li tiġi rreklutata?

2)

L-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri (1) u l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll il-prinċipji ġenerali ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u ta’ effett utli tad-direttivi għandhom jiġu interpretati u applikati fis-sens li l-qrati nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti huma obbligati, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxi dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur ta’ ċittadin tal-Unjoni, jieħdu inkunsiderazzjoni elementi ġodda li seħħew wara d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali meta dawn jistgħu jibdlu s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata li ma tkunx tippermetti iktar limitazzjoni tad-drittijiet ta’ residenza tagħha fl-Istat Membru ospitanti?


(1)  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


Top