Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0649

    Kawża C-649/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fit-3 ta’ Settembru 2019 – Proċeduri kriminali kontra IR

    ĠU C 413, 9.12.2019, p. 25–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 413/25


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fit-3 ta’ Settembru 2019 – Proċeduri kriminali kontra IR

    (Kawża C-649/19)

    (2019/C 413/30)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Qorti tar-rinviju

    Spetsializiran nakazatelen sad

    Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

    IR

    Domandi preliminari

    Id-drittijiet tal-persuna akkużata taħt l-Artikolu 4 (u b’mod partikolari taħt l-Artikolu 4(3)), taħt l-Artikolu 6(2) u taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (1) japplikaw għal persuna akkużata li tkun ġiet arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew?

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva: l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2) għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti bidla fil-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew konformement mal-formula li tinsab annessa u b’mod partikolari fis-sens li jippermetti l-introduzzjoni ta’ test ġdid f’din il-formola dwar id-drittijiet tal-persuna rikjesta fil-konfront tal-qrati tal-Istat emittenti għall-finijiet tal-kontestazzjoni tal-mandat ta’ arrest nazzjonal u tal-mandat ta’ arrest Ewropew?

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: ikun konformi mal-premessa 12 u mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mal-Artikolu 4, mal-Artikolu 6(2) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13, u mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jekk mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ b’mod kompletament konformi mal-formola li tinsab annessa (jiġifieri, mingħajr ma l-persuna rikjesta ma tiġi informata dwar id-drittijiet tagħha quddiem il-qorti emittenti) u, hekk kif issir taf bl-arrest ta’ din il-persuna, il-qorti emittenti tinformaha dwar id-drittijiet tagħha u tibgħatilha id-dokumenti rilevanti?

    Fil-każ li ma jkunx hemm mezz legali ieħor sabiex jiġu żgurati d-drittijiet taħt l-Artikolu 4, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 4(3), taħt l-Artikolu 6(2) u taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13 tal-persuna arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tkun valida?


    (1)  ĠU 2012, L 142, p. 1.

    (2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.


    Top