EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0322

Kawża C-322/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fit-23 ta’ April 2019 — KS, MHK vs The International Protection Appeals Tribunal, the Minister for Justice and Equality, Ireland and the Attorney General

ĠU C 220, 1.7.2019, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 220/21


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fit-23 ta’ April 2019 — KS, MHK vs The International Protection Appeals Tribunal, the Minister for Justice and Equality, Ireland and the Attorney General

(Kawża C-322/19)

(2019/C 220/27)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (Ireland)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: KS, MHK

Konvenuti: The International Protection Appeals Tribunal, the Minister for Justice and Equality, Ireland and the Attorney General

Domandi preliminari

1)

Meta, fl-interpretazzjoni ta’ strument tad-dritt tal-UE li japplika fi Stat Membru partikolari, strument li ma japplikax f’dan l-Istat Membru jiġi adottat fl-istess ħin, dan l-aħħar strument jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-ewwel wieħed?

2)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza (tfassil mill-ġdid) 2013/33/UE (1) japplika għal persuna li fir-rigward tagħha ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament Dublin III, Regolament (UE) Nru 604/2013 (2)?

3)

Fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza (tfassil mill-ġdid) 2013/33/UE, jista’ Stat Membru jadotta miżura ġenerali li effettivament tattribwixxi lil applikanti li għandhom jiġu ttrasferiti skont ir-Regolament Dublin III, Regolament (UE) Nru 604/2013, kwalunkwe dewmien fl-adozzjoni jew wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment?

4)

Meta applikant jitlaq minn Stat Membru mingħajr ma jkun applika għal protezzjoni internazzjonali u jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor fejn jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni skont ir-Regolament Dublin III, Regolament (UE) Nru 604/2013, li abbażi tagħha huwa jerġa’ jiġi ttrasferit lejn l-ewwel Stat Membru, id-dewmien li jirriżulta fl-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni jista’ jiġi attribwit lill-applikant għall-finijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza (tfassil mill-ġdid) 2013/33/UE?

5)

Meta applikant jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Dublin III, Regolament (UE) Nru 604/2013, iżda jkun hemm dewmien fit-trasferiment minħabba proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju ppreżentata mill-applikant li għandha bħala konsegwenza s-sospensjoni tat-trasferiment skont ordni ta’ sospensjoni tal-qorti, id-dewmien li jirriżulta fl-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jista’ jiġi attribwit lill-applikant għall-finijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza (tfassil mill-ġdid) 2013/33/UE, b’mod ġenerali jew b’mod partikolari, fil-każ li jiġi ddeterminat f’din il-proċedura li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa infondat, b’mod manifest jew le, jew jikkostitwixxi abbuż ta’ proċedura?


(1)  Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, ĠU 2013, L 180, p. 96

(2)  Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, ĠU 2013, L 180, p. 31


Top