Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0142

    Kawża C-142/19: Appell ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2019 minn Dovgan GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-830/16 — Monolith Frost GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    ĠU C 263, 5.8.2019, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.8.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 263/23


    Appell ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2019 minn Dovgan GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-830/16 — Monolith Frost GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    (Kawża C-142/19)

    (2019/C 263/29)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Dovgan GmbH (rappreżentant: C. Rohnke, Rechtsanwalt)

    Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Monolith Frost GmbH

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2018 (Kawża T-830/16); u

    għaldaqstant: tiċħad ir-rikors.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka aggravji bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll fuq żnaturament tal-provi.

    1.

    Żnaturament tal-provi

    L-appellanti ssostni, bil-kontra ta’ dak li tafferma l-Qorti Ġenerali fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja) ma stabbilixxietx li parti kunsiderevoli tal-popolazzjoni Ġermaniża titkellem bir-Russu.

    L-appellanti ssostni, bil-kontra ta’ dak li tafferma l-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell tal-EUIPO effettivament ikkontesta d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO, skont liema l-kelma “пломбир” [plombir] kienet tintuża, fi żmien dik li kienet l-Unjoni Sovjetika, sabiex tindika tip ta’ ġelat.

    2.

    Ksur tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

    Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għaliex ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, id-deċiżjoni tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tas-6 ta’ Lulju 2017, li l-intervenjenti kienet issottomettiet. Il-fatt li din il-prova ġiet prodotta biss fil-fażi orali tal-proċedura kien iġġustifikat, fil-fehma tagħha, fid-dawl tad-data tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, skont l-appellanti, din kienet prova kuntrarja fis-sens tal-Artikolu 92(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    3.

    Ksur tal-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

    L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta bbażat ruħha, fil-punt 69, fuq l-annessi K 16 u K 17 prodotti minn Monolith Frost GmbH. Fil-fehma tagħha, dawn l-annessi kienu fil-fatti ġew ippreżentati b’mod tardiv u, skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma kellhomx jibqgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    4.

    Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti għall-affermazzjoni li parti kunsiderevoli taċ-ċittadini fl-Istati Baltiċi kienet taf it-tifsira tal-kelma Russa “пломбир”. Hija tqis, b’mod partikolari, li xejn ma jippermetti l-konklużjoni li din il-kelma taqa’ taħt il-vokabularju bażiku u li tinftiehem minn persuni li r-Russu ma huwiex il-lingwa materna tagħhom.

    L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata (b’mod partikolari, fil-punti 64 u 65), ma tatx motivazzjoni suffiċjenti għalfejn il-kelma “пломбир” ma setgħetx tindika isem ta’ fantażija jew trade mark ta’ prodott fi żmien dik li kienet l-Unjoni Sovjetika.

    Fl-aħħar nett, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma tatx raġunijiet, fis-sentenza tagħha (il-punt 66), għalfejn is-sempliċi riferiment ta’ isem fi standard GOST kellu neċessarjament iwassal għall-konklużjoni li kien “kelma komuni” u għalfejn dan l-istandard kellu jkun magħruf mill-pubbliku fl-Unjoni Ewropea.


    Top