EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CA0061

Kawża C-61/19: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Novembru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Bucureşti – ir-Rumanija) – Orange România SA vs Autoritatea Naţională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (ANSPDCP) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 2(h) u Artikolu 7(a) – Regolament (UE) 2016/679 – Punt 11 tal-Artikolu 4 u Artikolu 6(1)(a) – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata – Ġbir u żamma ta’ dokumenti ta’ identità minn fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli – Kunċett ta’ “kunsens” tas-suġġett tad-data – Indikazzjoni ta’ xewqa libera, speċifika u informata – Dikjarazzjoni ta’ kunsens permezz ta’ kaxxa tal-immarkar – Iffirmar tal-kuntratt mis-suġġett tad-data – Oneru tal-prova)

ĠU C 19, 18.1.2021, p. 4–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Novembru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Bucureşti – ir-Rumanija) – Orange România SA vs Autoritatea Naţională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (ANSPDCP)

(Kawża C-61/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 95/46/KE - Artikolu 2(h) u Artikolu 7(a) - Regolament (UE) 2016/679 - Punt 11 tal-Artikolu 4 u Artikolu 6(1)(a) - Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata - Ġbir u żamma ta’ dokumenti ta’ identità minn fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli - Kunċett ta’ “kunsens” tas-suġġett tad-data - Indikazzjoni ta’ xewqa libera, speċifika u informata - Dikjarazzjoni ta’ kunsens permezz ta’ kaxxa tal-immarkar - Iffirmar tal-kuntratt mis-suġġett tad-data - Oneru tal-prova)

(2021/C 19/04)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Orange România SA

Konvenuta: Autoritatea Naţională de Supraveghere a Prelucrării Datelor cu Caracter Personal (ANSPDCP)

Dispożittiv

L-Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, kif ukoll il-punt 11 tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa l-kontrollur tad-data li għandu juri li s-suġġett tad-data, permezz ta’ aġir attiv, indika l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu u li huwa kiseb, minn qabel, informazzjoni fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha relatati ma’ dan l-ipproċessar, b’mod li tinftiehem u li tkun faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, li tippermettilha tiddetermina faċilment il-konsegwenzi ta’ dan il-kunsens, b’tali mod li jiġi ggarantit li dan jingħata b’għarfien sħiħ tal-fatti. Kuntratt dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, li jinkludi klawżola li tgħid li s-suġġett tad-data ġie informat u ta l-kunsens tiegħu għall-ġbir u għaż-żamma ta’ kopja tad-dokument ta’ identità tiegħu għal finijiet ta’ identifikazzjoni, ma huwiex ta’ natura li juri li din il-persuna tkun tat il-kunsens tagħha b’mod validu, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għal dan il-ġbir u għal din iż-żamma, meta

il-kaxxa li tirreferi għal din il-klawżola tkun ġiet immarkata mill-kontrollur tad-data qabel l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, jew meta

l-istipulazzjonijiet kuntrattwali tal-imsemmi kuntratt jistgħu jqarrqu bis-suġġett tad-data fir-rigward tal-possibbiltà li jikkonkludi l-kuntratt inkwistjoni anki jekk huwa jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data tiegħu, jew meta

l-għażla libera li persuna topponi għal dan il-ġbir u għal din iż-żamma tiġi affettwata indebitament minn dan il-kontrollur, billi teżiġi li s-suġġett tad-data, sabiex jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu, jimla formola addizzjonali li tindika dan ir-rifjut.


(1)  ĠU C 164, 13.5.2019.


Top