Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0505

Kawża T-505/18: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2018 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni

ĠU C 399, 5.11.2018, p. 39–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/39


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2018 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-505/18)

(2018/C 399/53)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: L-Ungerija (rappreżentanti: M.Z. Fehér, M.M. Tátrai u A. Pokoraczki, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat-13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) fil-parti li tirrigwarda lill-Ungerija, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-għajnuna mogħtija lil gruppi ta’ produtturi li għandhom rikonoxximent ikkwalifikat; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-esklużjoni kontenzjuża prevista mid-deċiżjoni kkontestata hija illegali għaliex l-għajnuna lill-gruppi ta’ produtturi kkonċernati ngħatat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

Ir-rikorrenti tinvoka n-natura tar-rikonoxximent tal-gruppi ta’ produtturi. Hija ssostni li l-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni dwar ir-rimbors tal-għajnuna finanzjarja nazzjonali mogħtija lil gruppi ta’ produtturi, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-gruppi ta’ produtturi li kisbu rikonoxximent ikkwalifikat jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1698/2005.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-esklużjoni kontenzjuża prevista mid-deċiżjoni kkontestata hija illegali għaliex kien ikun jaqbel, fid-dawl tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li l-esklużjoni tiġi mtaffija jew li jkun hemm rinunzja għaliha.

Skont ir-rikorrenti, l-esklużjoni kontenzjuża hija illegali, għaliex kien ikun jaqbel, fid-dawl tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li l-esklużjoni tiġi mtaffija jew li jkun hemm rinunzja għaliha, peress li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni ma humiex neċessarjament ċari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-prattiki nazzjonali kontenzjużi u peress li dawn jippermettu l-interpretazzjoni sostnuta mill-Ungerija, għaliex dawn kienu preċedentement diġà magħrufa mill-Kummissjoni, li ma kinitx esprimiet oġġezzjonijiet fir-rigward tagħhom.


Top