EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0151

Kawża T-151/18: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2019 — VK vs Il-Kunsill

ĠU C 263, 5.8.2019, p. 49–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 263/49


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2019 — VK vs Il-Kunsill

(Kawża T-151/18)

(2019/C 263/56)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: VK (rappreżentant: K. Lara, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/141 tad-29 ta’ Jannar 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija ĠU 2018, L 25, p. 38) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/135 tat-28 ta’ Jannar 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2019, L 25, p. 23) sa fejn dawn id-deċiżjoni jikkonċernaw lir-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 31, 46 u 55 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni. F’dan ir-rigward r-rikorrent isostni li skont dawn id-dispożizzjonijiet, miżura ta’ prekawzjoni ta’ ffriżar u konfiska trid tkun ibbażata jew fuq deċiżjoni tal-Istat li jagħmel it-talba għaliha, jew fuq espożizzjoni tal-fatti rilevanti minn dan l-istess Stat li jagħmel it-talba għaliha b’deskrizzjoni tal-miżuri mitluba. Isa, skontu, il-miżuri restrittivi ġew ordnati u estiżi mingħajr espożizzjoni, anki qasira, tal-fatt allegati. Barra minn hekk it-Tuneżija ma titlobx li jibqgħu l-miżuri restrittivi kkontestati.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kunsill meta qies li ma kienx marbut li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi prodotti mir-rikorrent u l-argumenti magħmula minnu, lanqas li jagħmel verifiki supplimentari mal-awtoritajiet Tuneżini, filwaqt li l-imsemmija elementi u argumenti kienu tali li jqajmu mistoqsijiet leġittimi dwar l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-Kunsill, peress li allegtament huwa kompliċi tal-awtoritajiet Tuneżini li l-iskop uniku tagħhom huwa li jiġġustifikaw il-konfiska inġusta u illegali tal-proprjetà tar-rikorrent mingħajr ma dan kien seta’ jiddefendi ruħu u mingħajr il-possibbiltà ta’ rimedju.


Top