Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0829

    Kawża C-829/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de grande instance de Paris (Franza) fis-27 ta’ Diċembru 2018 – Crédit Logement SA vs OE

    ĠU C 82, 4.3.2019, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 82/18


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de grande instance de Paris (Franza) fis-27 ta’ Diċembru 2018 – Crédit Logement SA vs OE

    (Kawża C-829/18)

    (2019/C 82/20)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Qorti tar-rinviju

    Tribunal de grande instance de Paris

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Crédit Logement SA

    Konvenut: OE

    Domandi preliminari

    1)

    Id-Direttiva Nru 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 (1) u l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt Komunitarju għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti milli tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż ma’ kummerċjant, meta l-garanti kummerċjali li jiggarantixxi l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikun informa lid-debitur-konsumatur li huwa kien ser iwettaq il-ħlas u li dan tal-aħħar ma indikalux l-eċċezzjonijiet li jistgħu jiġu invokati?

    2)

    L-indikazzjoni, fil-korp tat-test tal-kuntratt, li r-riskju tal-kambju jinsab fuq min jieħu s-self inkwistjoni, ikkompletata b’tabelli ta’ amortizzament, tista’ tirrendi l-klawżola “ċara u li tinftiehem” fis-sens tad-direttiva, fl-assenza ta’ simulazzjonijiet li juru diversi ipoteżijiet, inklużi dawk sfavorevoli, ta’ movimenti tar-rata tal-kambju?

    3)

    L-oneru tal-prova li l-konsumatur ingħata l-elementi neċessarji sabiex il-klawżola inkwistjoni tkun ta’ natura ċara u li tinftiehem, u sabiex tingħata prova li l-imsemmija klawżola hija ta’ natura ċara u li tinftiehem, jaqa’ fuq il-kummerċjant jew fuq il-konsumatur?

    4)

    Fil-każ fejn il-qorti tqis li l-klawżoli 1.2.1 sa 1.2.9 u 2.8 tal-kuntratt huma inġusti għaliex ma ġewx redatti b’mod suffiċjentement ċar u li jinftiehem, hemm lok li jiġi ddikjarat li l-klawżoli finanzjarji kollha, inkluża l-klawżola tal-interessi, ma ġewx miktuba, jew li jiġu ddikjarati mhux miktuba biss il-klawżoli li jirrigwardaw il-varjazzjoni tar-rata tal-kambju u l-klawżola tal-munita u titħalla fis-seħħ rata ta’ interessi fissa, f’euro, jew għandha tingħata saħansitra għażla oħra?

    5)

    Fl-eżami tad-domanda preċedenti, hemm lok li l-qorti tiżgura ruħha li s-sanzjoni mogħtija tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva?


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)


    Top