Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0092

Kawża C-92/18: Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2018 – Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Parlament Ewropew

ĠU C 44, 4.2.2019, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/6


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2018 – Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-92/18)

(2019/C 44/08)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: F. Alabrune, D. Colas, E. de Moustier, B. Fodda, aġenti)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-aġenda tas-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew tal-Erbgħa 29 ta’ Novembru 2017 (dokument P8_OJ (2017)11-29), safejn din tinkludi dibattiti fuq il-proġett komuni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2018, l-aġenda tas-seduta tal-Ħamis 30 ta’ Novembru 2017 (dokument P8_OJ (2017)11-30), safejn din tinkludi vot segwit minn spjegazzjonijiet tal-vot fuq il-proġett komuni tal-baġit ġenerali, ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Novembru 2017 fuq il-proġett komuni tal-baġit ġenerali (dokument P8_TA(2017)0458, P8_TA-PROV(2017)0458 fil-verżjoni provviżorja tiegħu), kif ukoll l-att li bih, konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 314(9) TFUE, il-President tal-Parlament Ewropew ikkonstata li l-baġit Ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2018 kien ġie adottat b’mod defenittiv;

iżżomm fis-seħħ l-effetti tal-att li bih il-President tal-Parlament Ewropew ikkonstata li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2018 kien ġie adottat b’mod defenittiv sakemm dan il-baġit jiġi adottat definittivament permezz ta’ att konformi mat-Trattati, f’terminu raġjonevoli dekorribbli mid-data tal-għoti tas-sentenza;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tiegħu, il-Gvern Franċiż jitlob l-annullament ta’ erba’ atti adottati mill-Parlament Ewropew fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa baġitarja tiegħu, matul il-perijodu ta’ sessjonijiet plenarji addizzjonali li inżammu fid-29 u fit-30 ta’ Novembru fi Brussel.

L-ewwel u t-tieni att li l-Gvern Franċiż jitlob l-annullament tagħhom huma l-paġendi tas-seduti tal-Parlament Ewropew tal-Erbgħa 29 u tal-Ħamis 30 ta’ Novembru 2017, safejn dawn kienu jipprevedu rispettivament dibattiti fil-plenarja dwar proġett komuni tal-baġit ġenerali għas-sena 2018 u vot segwit minn spjegazzjonijiet tal-vot fuq Dan il-proġett komuni tal-buġit ġenerali.

It-titlet att ikkontestat hija r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Novembru 2017 dwar proġett komuni tal-baġit ġenerali.

Finalment, il-Gvern Franċiż jitlob l-annullament tal-att li permezz tiegħu, konformement mal-Artikolu 314(9) TFUE, il-President tal-Parlament Ewropew ikkonstatata li l-baġit ġenerali għas-sena 2018 kien ġie adottat definitivament. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-minuti tas-seduta tal-Parlament Ewropew tal-Ħamis 30 ta’ Novembru 2017, dan kien ikkostitwit mid-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew u sussegwentement mill-iffirmar ta’ dan tal-aħħar tal-baġit ġenerali, li ġrwa wara l-vot tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva dwar il-proġett komuni tal-baġit ġenerali.

Permezz tal-motiv uniku tiegħu, il-Gvern Franċiż isostni li l-erba’ atti kkontestati għandhom jiġu annullati safejn dawn jiksru l-Protokoll Nru 6 anness mat-TUE u mat-TFUE u l-Protokoll Nru 3 anness mat-Trattat KEFA, dwar il-lokalità tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerta organi, korpi u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt, kemm mill-protokolli dwar il-lokalità tas-sede tal-istituzzjonijiet kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Parlament Ewropew ma jistax jeżerċita s-setgħa baġitarja mogħtija lilu mill-Artikolu 314 TFUE matul il-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji addizzjonali li jsiru fi Brussel iżda għandu jeżerċithom matul perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji li jsiru fi Strasbourg.

Madankollu, safejn hija kkontestata il-legalità tal-att tal-President tal-Parlament Ewropew, mhux minħabba l-għan jew il-kontenut tagħha, iżda unikament peress li dan l-att kellu jiġi adottat waqt perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji, fi Strasbourg, in-neċessità li tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizz pubbliku Ewropew kif ukoll raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali jiġġustifikaw, skont il-Gvern Franċiż, iż-żamma tal-effetti legali ta’ dan l-att sal-adozzjoni ta’ att ġdid konformi mat-Trattati.


Top