Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0027

    Kawża C-27/18: Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Jannar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

    ĠU C 83, 5.3.2018, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 83/17


    Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Jannar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

    (Kawża C-27/18)

    (2018/C 083/24)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Samnadda, Y. Marinova, G. von Rintelen, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

    Talbiet

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tikkonstata li, peress li, sa mhux iktar tard mill-10 ta’ April 2016, ma kinitx adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (1), jew, fi kwalunkwe każ, peress li ma nnotifikatx lill-Kummissjoni dwar dawn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43(1) tal-imsemmija direttiva;

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, tħallas pagamenti ta’ penalità minħabba n-nuqqas tagħha li twettaq l-obbligu tagħha li tinnotifika lill-Kummissjoni l-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2014/26/UE, fl-ammont ta’ EUR 19 121,60 għal kull jum mid-data tal-għoti tad-deċiżjoni tagħha dwar dan ir-rikors;

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    1.

    Skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/26/UE, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva sal-10 ta’ April 2016 u għandhom immedjatament jinformaw lill-Kummissjoni b’dan. Peress li l-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni, din tal-aħħar iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    2.

    Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li r-Repubblika tal-Bulgarija tiġi kkundannata tħallas pagamenti perijodiċi ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 19 121,60 għal kull jum. L-ammont tal-pagamenti perijodiċi ta’ penalità huwa kkalkolat fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur kif ukoll fid-dawl tal-effett dissważiv fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru.


    (1)  ĠU 2014, L 84, p. 72.


    Top