EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0808

Kawża T-808/17: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2017 – Pethke vs EUIPO

ĠU C 42, 5.2.2018, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 42/44


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2017 – Pethke vs EUIPO

(Kawża T-808/17)

(2018/C 042/62)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Ralph Pethke (Alicante, Spanja) (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016, fil-verżjoni li ġiet ikkomunikata lilu fl-10 ta’ April 2017;

għal dan il-għan, sa fejn huwa neċessarju, tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tal-EUIPO dwar l-ilment imressaq mir-rikorrent fit-18 ta’ Ottubru 2017 konformement mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni mis-superjur dirett tar-rikorrent

Ir-rikorrent isostni li s-superjur dirett tiegħu ma għamel ebda evalwazzjoni personali jew analiżi kritika tal-kontribuzzjoni tar-rapport li saret mid-direttur eżekuttiv fir-rigward tal-prestazzjonijiet tar-rikorrent għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2016 sas-17 ta’ Ottubru 2016 li jkopri parzjalment ir-rapport, bi ksur tal-istruzzjonijiet tal-persunal tal-EUIPO u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 8985 final, tas-16 ta’ Diċembru 2013, dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal.

It-tieni u t-tielet motiv huma bbażati fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-istanza tal-appell sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-ilment u fuq in-nuqqas ta’ indipendenza tiegħu.

Id-direttur eżekuttiv ma jistax ikun istanza tal-appell indipendenti fil-kuntest tal-proċedura annwali tal-evalwazzjoni tar-rikorrent, peress li kkontribwixxa b’mod deċiżiv għall-imsemmi rapport. L-istruzzjonijiet tal-persunal tal-EUIPO fir-rigward tal-evalwazzjonijiet mid-direttur eżekuttiv jipprovdu li huwa bord tal-appell li għandu jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet f’tali każ.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq interruzzjoni arbitrarja tad-djalogu fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontestazzjoni

Ebda djalogu regolari ma sar fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontestazzjoni, b’mod partikolari minħabba l-interruzzjoni arbitrarja tad-djalogu mid-direttur eżekuttiv, li jikkostitwixxi ksur tar-regoli proċedurali tal-kontestazzjoni, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-istruzzjonijiet tal-persunal meħuda f’dan ir-rigward mill-EUIPO. Ma hemmx protezzjoni legali effettiva, amministrattiva u prekontenzjuża.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni

Il-kontribuzzjoni tad-direttur eżekuttiv u konsegwentement, ir-rapport ta’ evalwazzjoni 2016, huma vvizzjati b’difetti sostanzjali ta’ motivazzjoni, u jrendu parzjalment impossibbli analiżi mir-rikorrent. L-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tar-rikorrent mid-direttur eżekuttiv hija nieqsa minn bażi materjali. Fl-intier tagħha, din l-evalwazzjoni ma hijiex plawżibbli. Fil-kontribuzzjoni tagħha, id-direttur eżekuttiv iwettaq evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tar-rikorrent fil-funzjonijiet tiegħu ta’ amministrazzjoni fi ħdan id-dipartiment “Operazzjonijiet”, li hija sostanzjalment iktar modesta minn dik li tirriżulta minn kważi l-evalwazzjonijiet kollha preċedenti tal-prestazzjonijiet tar-rikorrent. Il-motivazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni ma tissodisfax il-livell ta’ motivazzjoni superjuri meħtieġ konsegwentement.

Is-sitt motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni 2016 li jinkludi l-kontribuzzjoni tad-direttur eżekuttiv huwa vvizzjat bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, peress li huwa bbażat fuq informazzjoni dwar il-prestazzjoni inkompleta u magħżula arbitrarjament. L-evalwazzjoni ta’ informazzjoni materjali hija nieqsa minn kull raġonevolezza.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ma jinkludi fih innifsu ebda analiżi taċ-ċifri relatati mal-prestazzjonijiet tar-rikorrent fir-rigward tal-perijodu parzjali inkwistjoni kopert mir-rapport, peress li s-superjur dirett tar-rikorrent ma analizzax dawn iċ-ċifri fir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu.

Il-kontribuzzjoni tad-direttur eżekuttiv u, neċessarjament, anki r-rapport ta’ evalwazzjoni stess, jinkludu informazzjoni falza u huma bbażati fuq informazzjoni dwar prestazzjoni inkompleta u unilateralment negattiva. Id-direttur eżekuttiv irrikorra għal kriterji ta’ evalwazzjoni arbitrarji u inadegwati u ma bbażax ruħu fuq l-indikazzjonijiet prinċipali predefiniti fl-għanijiet. Il-kontribuzzjoni tad-direttur eżekuttiv tiżnatura għalhekk il-fatti b’mod li ma tikkonċernax evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tar-rikorrent. Ma huwiex legali li ssir evalwazzjoni negattiva fl-aħħar tas-sena, mingħajr ma r-rikorrent jingħata l-possibbiltà li jirreaġixxi għal nuqqasijiet possibbli fil-prestazzjonijiet tiegħu.


Top